Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0389/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0389/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, b'mod partikolari l-qtil ta' Raman Bondarenko

25.11.2020 - (2020/2882(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0389/2020 (Verts/ALE)
B9-0390/2020 (S&D)
B9-0391/2020 (ECR)
B9-0392/2020 (Renew)
B9-0393/2020 (PPE)

Michael Gahler, Miriam Lexmann, Željana Zovko, David McAllister, Isabel Wiseler-Lima, Sandra Kalniete, Andrzej Halicki, Andrius Kubilius, Jerzy Buzek, Loránt Vincze, Antonio López-Istúriz White, Tomáš Zdechovský, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Inese Vaidere, Vangelis Meimarakis, Krzysztof Hetman, Romana Tomc, Magdalena Adamowicz, Ivan Štefanec, Maria Walsh, Adam Jarubas, Benoît Lutgen, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Stelios Kympouropoulos, David Lega, Michaela Šojdrová, Paulo Rangel, Vladimír Bilčík, Arba Kokalari, Ioan-Rareş Bogdan
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Robert Biedroń
f'isem il-Grupp S&D
Petras Auštrevičius, Andrus Ansip, Izaskun Bilbao Barandica, Katalin Cseh, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Javier Nart, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Viola Von Cramon-Taubadel, Hannah Neumann
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Raffaele Fitto, Charlie Weimers, Angel Dzhambazki, Jacek Saryusz-Wolski, Assita Kanko, Adam Bielan, Elżbieta Kruk, Alexandr Vondra, Veronika Vrecionová, Ruža Tomašić, Jan Zahradil, Eugen Jurzyca, Joanna Kopcińska, Evžen Tošenovský, Witold Jan Waszczykowski, Jadwiga Wiśniewska
f'isem il-Grupp ECR
Nikolaj Villumsen, Helmut Scholz, Martina Michels, Fabio Massimo Castaldo, Cornelia Ernst, Silvia Modig


Proċedura : 2020/2882(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0389/2020
Testi mressqa :
RC-B9-0389/2020
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, b'mod partikolari l-qtil ta' Raman Bondarenko

(2020/2882(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[1], tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97[2], tad-19 ta' April 2018 dwar il-Belarussja[3], tas-6 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[4], tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[5],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja[6],

 wara li kkunsidra l-Premju Sakharov 2020 tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb, li ngħata lill-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja fit-22 ta' Ottubru 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Awwissu 2020 u dik tal-mexxejja tal-ħames gruppi politiċi tas-17 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Ottubru 2020 u tas-16 ta' Ottubru 2020, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja tat-12 ta' Ottubru 2020,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2020 li jżid 15-il membru tal-awtoritajiet Belarussi, fosthom lil Alexander Lukashenko, mal-lista ta' individwi sanzjonati, biex l-għadd totali ta' Belarussi soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u għall-iffriżar tal-assi tela' għal 59; wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2020 dwar l-estensjoni tal-embargo tal-UE tal-2004 fil-konfront tal-Belarussja fuq l-armi u t-tagħmir li jistgħu jintużaw għal finijiet ta' repressjoni interna[7],

 wara li kkunsidra l-eżitu ewlieni tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Awwissu 2020 u l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,

 wara li kkunsidra d-diversi dikjarazzjonijiet u stqarrijiet reċenti tal-VP/RGħ dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Awwissu 2020 u tas-17 ta' Awwissu 2020, u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), b'mod partikolari dik tat-13 ta' Novembru 2020 dwar il-mewt ta' Raman Bondarenko, kif ukoll dawk dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tas-7 ta' Settembru 2020 dwar l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji u mhux ġustifikati abbażi ta' raġunijiet politiċi, u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea tal-11 ta' Settembru 2020 dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza u l-intimidazzjoni fil-konfront tal-membri tal-Kunsill ta' Koordinament, wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Belarussja f'isem l-Istati Membri tal-UE rappreżentati f'Minsk, l-Ambaxxata Brittanika, l-Ambaxxata tal-Iżvizzera u l-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerka tas-17 ta' Novembru 2020 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja, b'mod partikolari dawk tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-13 ta' Awwissu 2020 u tad-19 ta' Novembru 2020 u tal-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta' Awwissu 2020, tal-11 ta' Settembru 2020 u tat-13 ta' Novembru 2020, u dawk magħmula waqt id-dibattitu urġenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-45 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-18 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja tas-17 ta' Lulju 2020, u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja qabel l-elezzjoni presidenzjali tal-2020 u warajha,

 wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-5 ta' Novembru 2020 dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat mal-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020 fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi aktar minn 100 jum wara li bdew, fil-Belarussja għadhom għaddejjin protesti u strajks paċifiċi bla preċedent, li juru l-livell ta' skuntentizza u mobilizzazzjoni tas-soċjetà Belarussa kontra l-falsifikazzjoni massiċċa tar-riżultati elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mir-reġim awtokratiku tal-pajjiż; billi l-protesti kontinwi jilħqu l-qofol tagħhom matul tmiem il-ġimgħa fil-Mixjiet favur l-Għaqda, u l-iskala tal-protesti hija bla preċedent fl-istorja tal-Belarussja, b'mijiet ta' eluf ta' parteċipanti;

B. billi l-awtoritajiet Belarussi rreaġixxew għall-protesti leġittimi u paċifiċi bi vjolenza, repressjoni, intimidazzjoni sistematika, fastidju, restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali u trattament inuman, inklużi t-tortura u l-vjolenza sesswali fuq persuni arrestati waqt il-protesti, fosthom difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw aktar minn 500 każ ta' tortura u maltrattament, filwaqt li diversi persuni huma neqsin jew instabu mejta, inklużi Alyaksandr Taraykouski, Konstantin Shishmakov, Artsyom Parukou, Alexander Vikhor u Gennady Shutov; billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena kapitali;

C. billi huwa stmat li aktar minn 25 000 Belarussu ġew detenuti f'xi punt talli pprotestaw kontra r-reġim, kemm qabel kif ukoll wara l-elezzjonijiet tad-9 ta' Awwissu 2020, inklużi persuni anzjani, nisa u tfal; billi aktar reċentement, kemm fit-8 kif ukoll fil-15 ta' Novembru 2020, aktar minn 1 000 persuna ġew detenuti waqt protesti paċifiċi li kienu għaddejjin; billi hemm aktar minn 125 priġunier politiku fil-Belarussja;

D. billi Raman Bondarenko, għalliem tal-arti ta' 31 sena, issawwat brutalment fil-11 ta' Novembru 2020 filgħaxija minn grupp ta' rġiel libsin pajżana u b'wiċċhom mgħammad, li allegatament kellhom rabtiet mill-qrib mar-reġim ta' Lukashenko; billi Bondarenko kompla jiġi msawwat waqt li kien f'detenzjoni u wara sagħtejn ittieħed l-isptar bi ġrieħi f'rasu, li kawża tagħhom miet l-għada; billi l-awtoritajiet qed jippruvaw jiddevjaw ir-responsabbiltà billi jallegaw li Bondarenko ssawwat minn "ċittadini mħassba" u billi ħarrku liż-żewġ informaturi: tabib u ġurnalist;

E. billi l-awtoritajiet Belarussi naqsu milli jieħdu l-miżuri immedjati meħtieġa bil-liġi biex jinvestigaw id-delitt u aktar minn 1 100 persuna li kkommemoraw il-mewt ta' Bondarenko ġew detenuti madwar il-Belarussja fil-jiem ta' wara; billi r-rappreżentanti tal-Knisja Ortodossa u l-Knisja Kattolika rċevew notifiki mill-Kumitat ta' Investigazzjoni tal-Belarussja dwar ksur tal-liġi minħabba li kienu kkundannaw il-qerda mill-forzi tas-sigurtà tal-monument li kkommemora lil Raman Bondarenko;

F. billi fit-12 ta' Ottubru 2020 il-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Belarussja ħareġ dikjarazzjoni li fiha ħabbar li kien lest juża munizzjon attiv kontra d-dimostranti; billi l-awtoritajiet użaw stun grenades u pepper spray, sparaw balal tal-lastku direttament lejn individwi u sparaw tiri fl-arja waqt diversi protesti; billi hemm ostakli kostanti fit-trasport u l-komunikazzjoni, b'mod partikolari restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-internet, bħala mezz biex ma jitħallewx isiru u jixxerrdu l-protesti;

G. billi l-awtoritajiet Belarussi qed ikomplu r-repressjoni vjolenti tagħhom kontra ġurnalisti Belarussi indipendenti u ċittadini-ġurnalisti u qed jinvolvu ruħhom f'tentattivi intenzjonati biex ifixklu r-rappurtar oġġettiv; billi fil-15 ta' Novembru 2020 biss, 23 ġurnalist li kienu qed jirrappurtaw mill-protesti li saru b'tifkira ta' Raman Bondarenko f'diversi bliet Belarussi ġew arrestati; billi l-midja u l-ġurnalisti barranin mhumiex qed jitħallew jidħlu fil-Belarussja;

H. billi t-tfal Belarussi huma fil-mira tar-repressjoni, peress li l-ġenituri tagħhom qed jiġu mhedda li jitilfu l-kustodja talli jieħdu sehem fil-protesti;

I. billi l-UE imponiet sanzjonijiet kontra 40 individwu responsabbli għall-vjolenza, ir-repressjoni u l-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni fil-Belarussja; billi fis-6 ta' Novembru 2020, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jżid 15-il membru tal-awtoritajiet Belarussi, inkluż lil Alexander Lukashenko u lil ibnu, mal-lista ta' individwi sanzjonati; billi qed jitħejjew aktar sanzjonijiet fuq individwi u kumpaniji; billi, fit-3 ta' Novembru 2020, l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets beda jipproduċi l-elettriku, u dan qajjem tħassib ġdid dwar is-sikurezza tiegħu;

J. billi l-awtoritajiet Belarussi s'issa naqsu milli jinvestigaw rapporti ta' brutalità tal-pulizija u għad hemm impunità mifruxa għall-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi n-nuqqas tal-istat tad-dritt jimpedixxi d-dritt tal-vittmi li jkollhom proċess ġust;

1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-qtil ta' Raman Bondarenko, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu u lill-familji kollha li tilfu lill-maħbubin tagħhom b'riżultat tar-repressjoni tar-reġim ta' Lukashenko;

2. Jitlob li jkun hemm investigazzjonijiet fil-pront, bir-reqqa, imparzjali u indipendenti dwar il-mewt ta' Raman Bondarenko u dwar l-imwiet marbuta mal-protesti ta' Alyaksandr Taraykouski, Alexander Vikhor, Artsyom Parukou, Gennady Shutov u Konstantin Shishmakov;

3. Itenni l-appoġġ tiegħu għad-dimostranti Belarussi fit-talbiet tagħhom għal-libertà, id-demokrazija, id-dinjità u d-dritt li jagħżlu d-destin tagħhom; jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, l-intimidazzjoni u l-użu sproporzjonat tal-forza fuq id-dimostranti paċifiċi;

4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jwaqqfu kull forma ta' vjolenza, maltrattament, vjolenza sessista u tortura kontra ċ-ċittadini u d-detenuti Belarussi, jagħtuhom aċċess għal pariri mediċi u legali, u jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lill-persuni kollha detenuti arbitrarjament, inkluż talli jipparteċipaw fi protesti kontra r-riżultati tal-elezzjoni jew kontra l-vjolenza użata mill-awtoritajiet, jew talli esprimew appoġġ għal dawn il-protesti;

5. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe użu ta' intimidazzjoni, fastidju, arresti u detenzjonijiet arbitrarji, u trattament ħażin kontra ċ-ċittadini, u jiddenunzja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-awtoritajiet tal-istat Belarussu jew f'isimhom; jitlob li titwaqqaf minnufih kull forma ta' fastidju fil-konfront taċ-ċittadini, bħat-tkeċċija ta' impjegati jew studenti talli jipparteċipaw fi strajks jew protesti, l-irtirar tal-akkreditazzjoni ġurnalistika, it-tfixkil punittiv tas-servizzi komunali bħall-ilma jew it-tisħin, iċ-ċaħda tad-drittijiet ta' kustodja tat-tfal, l-imblukkar ta' kontijiet bankarji privati, u qtugħ fis-servizz tal-internet;

6. Jistieden lill-impjegati kollha tal-infurzar tal-liġi tal-Belarussja u lil dawk kollha li jaġixxu f'isem l-awtoritajiet Belarussi biex minnufih jieqfu jużaw il-vjolenza kontra ċ-ċivili u joqogħdu lura milli jesegwixxu ordnijiet u struzzjonijiet kriminali dwar l-użu ta' forza sproporzjonata, vjolenza, tortura u maltrattament kontra ċ-ċittadini; jappella għall-introduzzjoni ta' definizzjoni speċifika ta' tortura fil-Kodiċi Kriminali tal-Belarussja f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u għal bidliet leġiżlattivi li jikkriminalizzaw l-għajbien furzat;

7. Jiddenunzja n-nuqqas totali ta' volontà min-naħa tal-awtoritajiet li jinvestigaw każijiet ta' maltrattament  u tortura minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jniedu investigazzjonijiet kriminali dwar ċittadini paċifiċi; jenfasizza li dan huwa xhieda ta' politika deliberata u sistematika ta' repressjoni u impunità, enfasizzata aktar mill-fatt li l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà speċjali involuti għadhom jirċievu l-ogħla onorefiċenzi għall-parteċipazzjoni tagħhom f'delitti kontra l-poplu;

8. Jirrifjuta r-riżultati tal-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020 u jesprimi l-appoġġ inekwivoku tiegħu għall-poplu tal-Belarussja fit-talbiet leġittimi tiegħu għat-tmiem urġenti tar-repressjoni awtoritarja, għar-rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, għar-rappreżentanza demokratika u l-parteċipazzjoni politika, u għal elezzjonijiet ġodda, ħielsa u ġusti skont l-istandards internazzjonali u taħt l-osservazzjoni elettorali tal-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR);

9. Jistieden lin-negozji kollha li joperaw fil-Belarussja biex jeżerċitaw diliġenza partikolari u jiddefendu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

10. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet taċ-ċittadini għal-libertà tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tal-opinjoni, kif ukoll għal-libertà tal-midja, u b'hekk jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fil-liġi u fil-prattika li jimpedixxu dawn il-libertajiet;

11. Itenni l-importanza li jiġi stabbilit l-istat tad-dritt sabiex jiġu rispettati l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ta' ġudikatura indipendenti li tiffunzjona sabiex jiġi żgurat id-dritt għal avukat, għal proċess ġust u għal rikors legali;

12. Jikkundanna bil-qawwa l-applikazzjoni kontinwa tal-piena tal-mewt u jappella għall-abolizzjoni immedjata u permanenti tagħha u, sakemm isir dan, għal moratorju fuq il-piena tal-mewt u għad-dritt effettiv ta' appell kontra s-sentenzi tal-piena tal-mewt;

13. Jistieden lill-UE tagħti appoġġ lil investigazzjoni internazzjonali tar-reati mwettqa mir-reġim ta' Lukashenko kontra l-poplu tal-Belarussja; jemmen li l-investigazzjoni għandha tkun appoġġjata bit-twaqqif ta' ċentru għall-ġbir tal-evidenza u taskforce tal-UE ta' esperti tad-dritt internazzjonali biex jassistu f'investigazzjonijiet internazzjonali futuri; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-SEAE jipprovdu appoġġ sħiħ għall-isforzi tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili, biex jiġu żgurati dokumentazzjoni u rappurtar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sussegwentement tiġi stabbilita r-responsabbiltà u tingħata ġustizzja lill-vittmi;

14. Jikkundanna l-azzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali tal-Belarussja li tneħħi ċ-ċittadinanza taċ-ċittadini tal-Belarussja għal raġunijiet politiċi;

15. Jikkundanna r-repressjoni fuq id-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-arresti ta' Marfa Rabkova u Marina Kostylianchenko miċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna, u jitlob li jintemm minnufih il-fastidju sessista fuq l-attivisti nisa;

16. Jemmen li, fid-dawl tal-pandemija, l-għoti tal-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb 2020 lill-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja għalissa jista' jsir fil-forma ta' ċerimonja remota; jenfasizza, madankollu, li għandha tiġi organizzata ċerimonja fiżika malli s-sitwazzjoni tippermetti;

17. Jenfasizza li l-azzjonijiet meħuda s'issa mill-UE u l-Istati Membri tagħha kontra r-reġim ta' Lukashenko m'humiex biżżejjed u jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jaħdem fuq it-tielet pakkett ta' sanzjonijiet immirati lejn id-ditti u l-oligarki li għandhom rabtiet mar-reġim ta' Lukashenko; jappella għal tkabbir kredibbli tal-lista tas-sanzjonijiet tal-UE;

18. Jappoġġja t-tnedija ta' missjoni immedjata ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Parlament Ewropew f'Vilnius u f'Varsavja, kif ukoll l-involviment mal-oppożizzjoni fil-Belarussja sabiex tiġi esplorata l-possibbiltà ta' attivitajiet ta' medjazzjoni u ta' appoġġ għad-demokrazija; jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar attivitajiet ta' medjazzjoni u ta' appoġġ għad-demokrazija, bħal Missjoni ta' Livell Għoli bħala segwitu għall-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni;

19. Jappella għall-iffriżar totali tat-trasferimenti kollha ta' fondi tal-UE, inkluż tas-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u oħrajn, lill-Gvern Belarussu attwali u lill-proġetti kkontrollati mill-Istat; jistieden lis-SEAE jissospendi n-negozjati dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Belarussja sakemm isiru elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti;

20. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-assistenza lis-soċjetà ċivili Belarussa u jżidu l-involviment tal-UE mal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u mal-ġurnalisti indipendenti, kif ukoll l-appoġġ għalihom, b'mod partikolari dawk li jinsabu f'detenzjoni, billi jimmonitorjaw il-proċessi ġudizzjarji tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf b'urġenza programm ta' boroż ta' studju għall-istudenti u l-akkademiċi li tkeċċew mill-universitajiet Belarussi minħabba l-pożizzjoni tagħhom favur id-demokrazija; jitlob lill-Kummissjoni tniedi programm ta' assistenza tal-UE mmirat biex jgħin lill-vittmi tar-repressjoni politika u tal-vjolenza mill-pulizija;

21. Jikkundanna t-tkeċċija ta' diplomatiċi Ewropej mill-Belarussja u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jbaxxu l-livell ta' involviment diplomatiku li għandhom mal-pajjiż;

22. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE fir-rigward tal-għoti tal-asil f'każijiet ta' persekuzzjoni koperti mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Rifuġjati; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex jiffaċilitaw aktar il-proċedura għall-kisba ta' viżi għal dawk li jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi, u biex jestendu l-appoġġ u l-assistenza kollha lilhom u lill-familji tagħhom;

23. Jikkundanna t-trażżin tal-midja u tal-aċċess għall-internet, it-tixrid tad-diżinformazzjoni, u s-swat, l-arresti u l-intimidazzjoni ta' ġurnalisti u bloggers; jissottolinja d-dritt tal-poplu tal-Belarussja li jkollu aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni; jistieden lill-UE tuża l-istrumenti tagħha biex tappoġġja lill-istabbilimenti u l-ġurnalisti li ġew soġġetti għal repressjoni mir-reġim;

24. Jinsisti li l-ħaddiema Belarussi għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jistrajkjaw b'mod paċifiku mingħajr ir-riskju ta' tkeċċija, arrest jew ritaljazzjoni oħra;

25. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu miżuri restrittivi komprensivi, effettivi, f'waqthom u mifruxin mal-UE kollha – l-hekk imsejjaħ Att ta' Magnitsky – li jippermettu li jkun hemm enfasi mmirata fuq kwalunkwe individwu, attur statali u mhux statali u entitajiet oħrajn responsabbli għal ksur, abbużi u korruzzjoni gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew involuti fihom, mingħajr aktar dewmien;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Novembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza