MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, b'mod partikolari l-każ tal-attivisti tal-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali (EIPR)
16.12.2020 - (2020/2912(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0426/2020 (Verts/ALE)
B9-0427/2020 (S&D)
B9-0430/2020 (Renew)
Kati Piri, Pierfrancesco Majorino
f'isem il-Grupp S&D
Jan-Christoph Oetjen, María Soraya Rodríguez Ramos, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Frédérique Ries, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Mounir Satouri, Hannah Neumann
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Mario Furore, Chiara Gemma, Tiziana Beghin, Sabrina Pignedoli, Laura Ferrara, Daniela Rondinelli, Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, b'mod partikolari l-każ tal-attivisti tal-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali (EIPR)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-24 ta' Ottubru 2019[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar l-Eġittu ta' Awwissu 2013 u Frar 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-Eġittu, u b'mod partikolari dik tal-21 ta' Novembru 2020 dwar l-arresti reċenti ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Eġittu, tal-20 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra s-sejħa mill-esperti tan-NU tas-27 ta' Novembru 2020 għall-ħelsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Eġizzjani li ġew mitfugħa l-ħabs wara li ltaqgħu mad-diplomatiċi, u d-dikjarazzjoni tal-esperti tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar id-deċiżjoni li jinħelsu fuq pleġġ tliet membri anzjani tal-persunal tal-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali (EIPR),
– wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Eġittu għall-2019-2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-13 ta' Mejju 2020 mill-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-Programm Konġunt tan-NU dwar l-HIV u l-AIDS (UNAIDS) u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar il-COVID-19 fil-ħabsijiet u ambjenti magħluqa oħra,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, u ssaħħaħ permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2007; wara li kkunsidra l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu 2017-2020, adottati fil-25 ta' Lulju 2017, id-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2017, u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara s-sitt laqgħa tas-Sottokumitat UE-Eġittu dwar Kwistjonijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fit-23 u l-24 ta' Ġunju 2019,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kollha kienu ratifikati mill-Eġittu,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, b'mod partikolari l-Artikolu 52 dwar il-projbizzjoni tat-tortura fil-forom u t-tipi kollha, l-Artikolu 73 dwar il-libertà tal-għaqda u l-Artikolu 93 dwar in-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, ratifikata mill-Eġittu fl-20 ta' Marzu 1984,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu kompliet tmur għall-agħar hekk kif l-awtoritajiet jintensifikaw ir-ripressjoni tagħhom fuq is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, il-ġurnalisti, il-membri tal-oppożizzjoni, l-akkademiċi u l-avukati, u jkomplu jrażżnu b'mod brutali u sistematiku kwalunkwe forma ta' nuqqas ta' qbil, u b'hekk idgħajfu l-libertajiet ewlenin, b'mod partikolari l-libertajiet tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline, u l-liberta tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, il-pluraliżmu politiku, id-dritt għall-parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi u l-istat tad-dritt;
B. billi wara l-laqgħa tagħhom ma' 13-il ambaxxatur u diplomatiku barrani fit-3 ta' Novembru 2020, tliet attivisti mill-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali (EIPR), waħda mill-aħħar organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, Gasser Abdel Razek, Karim Ennarah u Mohammad Basheer, ġew arrestati mill-forzi tas-sigurtà u akkużati b'terroriżmu u reati relatati mas-sigurtà nazzjonali bejn il-15 u d-19 ta' Novembru 2020;
C. billi wara espressjonijiet ta' tħassib nazzjonali u internazzjonali, inkluż mill-OHCHR, il-kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Istati Membri, fit-3 ta' Diċembru 2020 l-attivisti ngħataw il-ħelsien bi pleġġ waqt li l-akkużi nżammu; billi minkejja l-ħelsien tagħhom fis-6 ta' Diċembru 2020, qorti Eġizzjana li tittratta kawżi relatati mat-terroriżmu kkonfermat id-deċiżjoni ta' prosekutur li jiffriża l-assi tagħhom sakemm jitwettqu l-investigazzjonijiet;
D. billi r-repressjoni fuq l-EIPR bdiet fl-2016, meta l-kontijiet bankarji tal-eks direttur u fundatur tal-EIPR, Hossam Bahgat, ġew iffriżati, u kien ġie pprojbit milli jitlaq mill-pajjiż; billi l-EIPR tipprovdi servizz imprezzabbli fil-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet personali, politiċi, ċivili, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiż;
E. billi fis-7 ta' Frar 2020, riċerkatur tal-EIPR dwar id-drittijiet tal-ġeneru u student postgradwatorju tal-Erasmus fl-Università ta' Bolonja fl-Italja, Patrick George Zaki, ġie arrestat arbitrarjament fl-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr; billi, skont l-avukat tiegħu, Patrick George Zaki ġie soġġett għal interrogazzjoni ta' 17-il siegħa mill-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Eġittu qabel ma ġie ttrasferit lejn Mansoura, fejn ġie msawwat u ttorturat b'xokkijiet elettriċi; billi Patrick George Zaki ġie akkużat bit-tixrid ta' propaganda sovversiva, l-inċitament għall-protesta u l-istigazzjoni għat-terroriżmu, fost akkużi oħra; billi, filwaqt li s-sitwazzjoni tas-saħħa tiegħu tpoġġih f'riskju partikolari li jiġi infettat bil-COVID-19 fil-ħabs ta' Tora, l-arrest preventiv ta' Patrick George Zaki ġie estiż kontinwament għal dawn l-aħħar 10 xhur; billi l-programm Erasmus ġie meqjus bħala wieħed mill-aktar inizjattivi ta' suċċess għall-promozzjoni tal-valuri ewlenin tal-UE; billi d-detenzjoni ta' Patrick George Zaki matul il-borża ta' studju tiegħu fl-Ewropa tirrappreżenta theddida għal dawn il-valuri u l-UE trid tagħmel dak kollu fis-setgħa tagħha biex issib soluzzjoni għal dan il-każ;
F. billi l-libertà tal-media fl-Eġittu ilha tonqos matul dawn l-aħħar snin minħabba l-ispazju ristrett għall-ġurnalisti; billi l-ġurnalisti u l-membri tal-familja tagħhom qed jiġu ppersegwitati dejjem aktar u jiffaċċjaw detenzjoni, theddid u intimidazzjoni; billi l-awtoritajiet Eġizzjani għadhom jimblukkaw is-siti web tal-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet lokali u internazzjonali u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
G. billi għexieren ta' eluf ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi attivisti tad-drittijiet tan-nisa, attivisti LGBTI, avukati, ġurnalisti, attivisti, dissidenti paċifiċi u membri tal-oppożizzjoni għadhom il-ħabs f'kundizzjonijiet li jheddu l-ħajja tagħhom; billi l-għajbien furzat ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed isir prattika sistematika tal-awtoritajiet Eġizzjani; billi d-detenzjoni preventiva u l-miżuri ta' prekawzjoni ta' qabel il-proċess jintużaw sabiex jipprevjenu lill-attivisti u lill-avukati tagħhom milli jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem jew jeżerċitaw b'mod paċifiku l-libertajiet fundamentali tagħhom fl-Eġittu;
H. billi l-attivisti tas-soċjetà ċivili Eġizzjani, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-akkademiċi għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr ebda xkiel jew biża' ta' rappreżalji kontrihom jew kontra qrabathom; billi qed issir sorveljanza diġitali illegali fuq il-ħidma tagħhom, il-kontijiet tal-midja soċjali u l-apparat personali tagħhom;
I. billi l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu introdotta taħt it-tmexxija tal-President al-Sisi hija kkritikata minn ħafna organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem talli tat lill-awtoritajiet ambitu ta' interpretazzjoni wiesa' b'mod perikoluż u qed tintuża ħażin biex issikket lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-avukati tagħhom, lill-attivisti u lill-membri tal-oppożizzjoni; billi l-persuni suspettati f'każijiet ta' terrur sikwit ma jkollhomx proċessi ġusti, peress li jiġu riferuti direttament lill-qrati militari; billi skont l-organizzazzjoni Human Rights Watch, mill-kolp ta' stat militari tal-2013, l-awtoritajiet Eġizzjani poġġew madwar 3 000 persuna fuq il-listi ta' terroristi, ikkundannaw 3 000 persuna għall-mewt, u żammew 60 000 persuna detenuta;
J. billi skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-Eġittu ġġustizzja mill-inqas 110 persuni fl-2020, u 66 minn dawk l-eżekuzzjonijiet saru mit-3 ta' Ottubru 2020, li jfisser li f'dawn l-aħħar xahrejn ġew iġġustizzjati aktar nies milli fl-2019 kollha; billi mill-inqas 39 persuna jinsabu f'riskju ta' eżekuzzjoni imminenti; billi huwa rappurtat li dawn is-sentenzi jsegwu proċessi inġusti għall-aħħar, imtappna minn "ammissjonijiet ta' ħtija" furzati u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tortura u l-għajbien furzat, li huma nieqsa minn kwalunkwe investigazzjoni serja dwar dawn l-atti u minn proċess ġust għall-vittmi, bħal fil-każ tal-patri Nisrani Kopt Isaiah al-Maqari; billi għad hemm każijiet ta' tfal li qed jiġu kkundannati għall-mewt; billi l-Artikolu 122 tal-Liġi Eġizzjana dwar it-Tfal għadu joħloq tħassib serju peress li jippermetti li f'ċerti ċirkostanzi t-tfal jiġu pproċessati fi proċessi tal-massa fi qrati adulti, u dan wassal biex mill-inqas 17-il minorenni rċevew sentenzi ta' mewt mill-2011 'l hawn;
K. billi fl-Eġittu għaddej stat ta' emerġenza li ilu fis-seħħ mill-10 ta' April 2017; billi l-proċessi tal-massa għadhom għaddejjin, minkejja kundanna internazzjonali mifruxa li dawn sempliċiment mhumiex tajba biex jissodisfaw ir-rekwiżiti bażiċi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet għal proċess dovut u proċess ġust; billi aktar ċivili minn qatt qabel qed jiġu pproċessati fil-qrati militari;
L. billi l-vjolenza sesswali u l-fastidju kontra n-nisa fnew lis-soċjetà Eġizzjana f'dawn l-aħħar deċennji, peress li s-superstiti sikwit jingħataw it-tort, u l-awtoritajiet ftit li xejn għamlu biex jipproċedu kontra l-persuni suspettati jew jikkontestaw in-normi diskriminatorji li jirfdu l-vjolenza ta' dan it-tip; billi prattiki abbużivi bħall-ittestjar tal-verġnità għadhom mifruxa, inkluż mill-awtoritajiet Eġizzjani; billi l-liġi dwar il-vjolenza kontra n-nisa, li ilha blukkjata fil-Parlament Eġizzjan mill-2017, għad trid tiġi ratifikata; billi l-politiki u l-liġijiet eżistenti kontra l-MĠF mhumiex infurzati sew u l-prattika għadha għaddejja; billi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u l-attivisti femministi għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' repressjoni;
M. billi fl-10 ta' Diċembru 2020, u wara investigazzjoni ġudizzjarja ta' erba' snin, il-prosekuturi Taljani f'Ruma ħabbru li kellhom prova inekwivoka tal-involviment ta' erba' uffiċjali tas-sigurtà tal-Istat Eġizzjan fil-ħtif aggravat, il-korriment aggravat u l-qtil tal-assistent tar-riċerka Taljan Giulio Regeni; billi l-avukati tal-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet (ECRF) għadhom qed jipprovdu l-appoġġ tagħhom lit-tim legali ta' Regeni fl-Italja, peress li huma r-rappreżentanti legali fl-Eġittu; billi l-awtoritajiet Eġizzjani kontinwament xekklu l-progress fl-investigazzjoni u l-iżvelar tal-verità dwar il-ħtif, it-tortura u l-qtil ta' Giulio Regeni u l-mewt tal-għalliem Franċiż Eric Lang, li kien ġie detenut fil-Kajr fl-2013, u dan ipprevjena l-possibbiltà li l-persuni responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;
N. billi l-UE hija s-sieħba ekonomika ewlenija tal-Eġittu u s-sors ewlieni ta' investiment barrani tiegħu; billi f'Ġunju 2017, l-UE u l-Eġittu adottaw prijoritajiet ta' sħubija li kellhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma, fosthom fil-qasam tas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-riforma ġudizzjarja;
1. Jiddeplora għal darb' oħra, u bl-aktar mod qawwi possibbli, it-trażżin kontinwu u intensifikat tad-drittijiet fundamentali u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, dimostranti, ġurnalisti, bloggers, attivisti ta' trade unions, studenti, tfal, attivisti tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza tal-ġeneri, persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), avversarji politiċi, inklużi membri tal-familji tagħhom, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u minoranzi, unikament b'reazzjoni għall-eżerċizzju tagħhom tal-libertajiet fundamentali tagħhom jew l-espressjoni tagħhom ta' kontestazzjoni, min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat u l-forzi tas-sigurtà fl-Eġittu; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti dwar il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u li dawk li jwettquh jinżammu responsabbli; jissottolinja l-importanza ta' soċjetà ċivili b'saħħitha u li tiffunzjona tajjeb;
2. Jesprimi r-rabja tiegħu dwar l-arresti reċenti tal-attivisti anzjani tal-EIPR Gasser Abdel Razek, Karim Ennarah u Mohammad Basheer b'ritaljazzjoni għal-laqgħa leġittima tagħhom ma' diplomatiċi Ewropej fil-Kajr; jilqa' l-ħelsien proviżorju tagħhom, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet jirtiraw l-akkużi kollha kontrihom, itemmu kull forma ta' fastidju u intimidazzjoni kontrihom u kontra l-fundatur u aġent direttur tal-EIRP, Hossam Bahgat, u jirrevokaw kwalunkwe miżura restrittiva, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, adottati kontrihom u kontra l-EIPR; jistieden lill-Gvern Eġizzjan jiżgura li l-każ tagħhom jiġi ttrattat b'mod trasparenti, ġust u rapidu;
3. Jiddispjaċih li d-deċiżjoni li dawn jinħelsu ma ġietx estiża għal detenuti oħra tal-EIPR, b'mod partikolari Patrick George Zaki, li l-ordni ta' detenzjoni tiegħu ġiet estiża għal 45 jum ieħor fis-6 ta' Diċembru 2020; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Patrick George Zaki u li jitneħħew l-akkużi kollha kontrih; iqis li hija meħtieġa reazzjoni diplomatika b'saħħitha, rapida u kkoordinata min-naħa tal-UE fir-rigward tal-arrest u d-detenzjoni fit-tul tiegħu;
4. Itenni t-talbiet tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni detenuti b'mod arbitrarju u kkundannati talli wettqu l-ħidma leġittima u paċifika tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari Mohamed Ibrahim, Mohamed Ramadan, Abdelrahman Tarek, Ezzat Ghoneim, Haytham Mohamadeen, Alaa Abdel Fattah, Ibrahim Metwally Hegazy, Mahienour El-Massry, Mohamed El-Baqer, Hoda Abdelmoniem, Ahmed Amasha, Islam El-Kalhy, Abdel Moneim Aboul Fotouh, Esraa Abdel Fattah, Ramy Kamel, Ibrahim Ezz El-Din, Zyad el-Elaimy, Hassan Barbary, Ramy Shaath, Sanaa Seif, Solafa Magdy, Hossam al-Sayyad, Mahmoud Hussein u Kamal El-Balshy;
5. Jenfasizza li l-arresti u d-detenzjonijiet li għaddejjin bħalissa huma parti minn xejra usa' ta' intimidazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' għaqda paċifika fl-Eġittu, u jitlob li dawn l-atti kollha jintemmu; jiddeplora l-użu kontinwu, min-naħa tal-Eġittu, tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, iż-żieda arbitrarja tad-difensuri fil-listi ta' terroristi tal-Eġittu u l-kustodja ta' qabel il-proċess biex jimmiraw u jikkriminalizzaw il-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li hija inkonsistenti mal-istat tad-dritt u mal-obbligi tal-Eġittu skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jemendaw jew jirrevokaw kwalunkwe leġiżlazzjoni abbużiva, b'mod partikolari l-liġi tal-2019 dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattiva (NGO) u l-liġi kontra t-terroriżmu; jistieden għal darba oħra lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jagħlqu l-Kawża 173/2011 (il-"Kawża tal-Finanzjament Barrani") u biex ineħħu l-projbizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi imposti fuq mill-inqas 31 difensur tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-persunal ta' NGOs tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tal-kawża;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw li t-trattament ta' kwalunkwe persuna detenuta jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-"Korp ta' Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kull Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija", adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-Riżoluzzjoni 43/173 tagħha tad-9 ta' Diċembru 1988, li sakemm jinħelsu, jingħataw aċċess sħiħ għall-familji tagħhom, għal avukati tal-għażla tagħhom u għal kura medika adegwata, u li jsiru investigazzjonijiet kredibbli dwar kwalunkwe allegazzjoni ta' trattament ħażin jew tortura;
7. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-destin ta' detenuti u priġunieri miżmuma f'postijiet ta' detenzjoni ffullati żżejjed, f'kundizzjonijiet imwiegħra, matul il-pandemija tal-COVID-19, u jistieden lill-awtoritajiet biex b'mod urġenti inaqqsu l-iffullar fil-postijiet ta' detenzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jipprovdu aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-ħabs ta' sigurtà massima ta' Tora għal organizzazzjoni indipendenti, sabiex jiġu mmonitorjati l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni; jiddenunzja l-arresti arbitrarji, il-fastidju u r-repressjoni arbitrarji ta' ħaddiema mediċi u ġurnalisti talli tkellmu dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 jew dwar ir-rispons tal-istat Eġizzjan fl-2020; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu din il-prattika u jeħilsu lil kwalunkwe persunal mediku li għadu miżmum f'detenzjoni arbitrarja;
8. Jiddeplora ż-żieda fl-eżekuzzjonijiet fl-Eġittu u jiċħad l-użu tal-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiddikjaraw moratorju fuq il-piena tal-mewt bil-ħsieb li jabolixxuha u jieħdu l-passi kollha biex jiżguraw aderenza stretta mal-garanziji ta' proċess dovut u s-salvagwardji kollha possibbli biex jiżguraw proċess ġust; jistieden lill-Eġittu jeħles immedjatament lill-minorenni kollha li rċevew sentenzi ta' mewt u jemenda l-Artikolu 122 tal-Liġi Eġizzjana dwar it-Tfal;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jadottaw liġi komprensiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa u strateġija nazzjonali biex jinfurzaw il-liġijiet approvati kontra l-vjolenza sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jużaw il-gwida disponibbli tan-NU, bħall-Manwal tan-NU għal-Leġiżlazzjoni dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa, biex jistabbilixxu elementi tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża l-protezzjoni tas-superstiti u tax-xhieda permezz ta' uffiċjali u fornituri mħarrġa; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu kwalunkwe tip ta' persekuzzjoni kontra n-nisa fuq il-bażi ta' "ksur tal-morali", bħalma għamlu kontra d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa Amal Fathy; jistieden lill-awtoritajiet itemmu minnufih l-arrest u l-prosekuzzjoni ta' membri tal-komunità jew individwi LGBTI fuq il-bażi unika tal-orjentazzjoni sesswali reali jew perċepita tagħhom, bħal fil-każ ta' Seif Bedour;
10. Jiddeplora t-tentattiv mill-awtoritajiet Eġizzjani biex iqarrqu u jxekklu l-progress fl-investigazzjoni tal-ħtif, it-tortura u l-qtil fl-2016 ta' Giulio Regeni, riċerkatur Taljan; jiddispjaċih dwar iċ-ċaħda persistenti tal-awtoritajiet Eġizzjani li jipprovdu lill-awtoritajiet Taljani bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' ssir investigazzjoni rapida, trasparenti u imparzjali dwar il-qtil tas-Sur Regeni, skont l-obbligi internazzjonali tal-Eġittu; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jħeġġu lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkooperaw għalkollox mal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, u jtemmu r-rifjut tagħhom li jibagħtu l-indirizzi ta' residenza, kif titlob il-liġi tal-Italja, tal-erba' persuni suspettati indikati mill-prosekuturi Taljani f'Ruma, mal-għeluq tal-investigazzjoni, sabiex jippermettu l-akkuża formali tagħhom biex jiffaċċjaw akkużi fi proċess ġust fl-Italja; iwissi lill-awtoritajiet Eġizzjani biex ma jirritaljawx kontra x-xhieda jew kontra l-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet (ECRF) u l-avukati tagħha;
11. Jesprimi appoġġ politiku u uman qawwi lill-familja ta' Giulio Regeni għat-tfittxija kostanti u dinjituża tagħhom għall-verità; ifakkar li t-tfittxija għall-verità dwar il-ħtif, it-tortura u l-qtil ta' ċittadin Ewropew ma tappartjenix biss lill-familja, iżda hija dmir imperattiv għall-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE li jirrikjedi li jittieħdu l-azzjonijiet diplomatiċi kollha meħtieġa;
12. Jinnota li l-Eġittu huwa sieħeb importanti tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha f'firxa wiesgħa ta' oqsma, inklużi l-kummerċ, is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-kuntatti interpersonali; jappoġġa lill-poplu Eġizzjan fl-aspirazzjonijiet tiegħu li jistabbilixxi pajjiż ħieles, stabbli, prosperu, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni u l-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem;
13. Ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi element essenzjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu u li l-għoti ta' spazju lis-soċjetà ċivili huwa impenn konġunt minqux fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu, kif stipulat fil-Kostituzzjoni Eġizzjana; jenfasizza li l-ebda difensur tad-drittijiet tal-bniedem m'għandu jiffaċċja restrizzjonijiet finanzjarji, kriminalizzazzjoni, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew kundizzjonijiet ta' pleġġ, jew jinżamm il-ħabs minħabba l-ħidma leġittima tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-VP/RGħ jesprimi pubblikament it-tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu u fi kwalunkwe laqgħa ta' livell għoli mal-awtoritajiet Eġizzjani;
14. Jinkoraġġixxi r-rappreżentanti mid-Delegazzjoni tal-UE u mill-Istati Membri fil-Kajr biex jattendu l-proċessi ta' ġurnalisti, bloggers, attivisti tat-trade unions, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż, kemm Eġizzjani kif ukoll barranin, u jżuruhom f'detenzjoni;
15. Itenni l-appell tiegħu lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jirreaġixxu b'mod magħqud u determinat, anke f'koordinazzjoni ma' sħab oħra tal-istess fehma, għat-trażżin u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, u biex jużaw l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw progress konkret fir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-Eġittu; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu rwol mexxej fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rappurtar, li ilu li suppost sar, dwar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu; jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' reġim globali ta' sanzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem/l-Att Magnitsky tal-UE, u jtenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw miżuri restrittivi mmirati kontra uffiċjali Eġizzjani ta' livell għoli responsabbli għall-aktar ksur serju fil-pajjiż;
16. Itenni l-appell tiegħu għal rieżami profond u komprensiv tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Eġittu; iqis li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu teħtieġ reviżjoni serja tal-operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju tal-Kummissjoni u r-restrizzjoni tal-għajnuna mill-UE, biex tappoġġa primarjament lill-atturi demokratiċi u lis-soċjetà ċivili; jitlob li jkun hemm aktar trasparenza dwar il-forom kollha ta' appoġġ finanzjarju jew taħriġ ipprovdut mill-UE, mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u mill-Bank Ewropew tal-Investiment lill-Eġittu; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jagħtu premji lil mexxejja responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
17. Jitlob lill-UE, bil-ħsieb li jiġu nnegozjati prijoritajiet ta' sħubija ġodda, biex tistabbilixxi punti ta' riferiment ċari li jagħmlu l-kooperazzjoni ulterjuri l-parti ċentrali tar-relazzjonijiet tagħna, sabiex jinkiseb progress fir-riforma tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u biex it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi integrat fit-taħditiet kollha mal-awtoritajiet Eġizzjani; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jpoġġu l-ħtieġa għal titjib tanġibbli fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-ħelsien ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti detenuti b'mod arbitrarju, fil-qalba tal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu; itenni li l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tal-migrazzjoni jew tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda wkoll il-kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi, m'għandhiex issir askapitu ta' pressjoni kontinwa għall-konformità fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligu ta' rendikont għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;
18. Itenni l-istediniet reċenti tiegħu lill-Istati Membri biex jagħtu segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta' Awwissu 2013 li ħabbru s-sospensjoni tal-liċenzji ta' esportazzjoni għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK[2], u jikkundanna n-nuqqas ta' konformità persistenti tal-Istati Membri ma' dawn l-impenji; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu l-esportazzjonijiet kollha lejn l-Eġittu ta' armi, teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor ta' sigurtà li jistgħu jiffaċilitaw l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluż fuq il-midja soċjali, kif ukoll kwalunkwe tip ieħor ta' trażżin intern; jitlob lill-UE timplimenta bis-sħiħ il-kontrolli tal-esportazzjoni tagħha lejn l-Eġittu, fir-rigward ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għar-repressjoni, għat-tortura jew għall-piena kapitali;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament Eġizzjan, u lill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2019)0043.
- [2] ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.