Proċedura : 2020/2913(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B9-0432/2020

Testi mressqa :

RC-B9-0432/2020

Dibattiti :

PV 17/12/2020 - 8.2
CRE 17/12/2020 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2020 - 9
PV 17/12/2020 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2020)0375

<Date>{16/12/2020}16.12.2020</Date>
<RepeatBlock-NoDocSe> <NoDocSe>B9-0432/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0433/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0434/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0435/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0436/2020</NoDocSe></RepeatBlock-NoDocSe> } RC1
PDF 188kWORD 58k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Replacing>li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

<TablingGroups>B9-0432/2020 (Verts/ALE)

B9-0433/2020 (S&D)

B9-0434/2020 (ECR)

B9-0435/2020 (Renew)

B9-0436/2020 (PPE)</TablingGroups>


<Titre>dwar ix-xogħol furzat u s-sitwazzjoni tal-Ujguri fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang</Titre>

<DocRef>(2020/2913(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Michael Gahler, Miriam Lexmann, Isabel Wiseler-Lima, David McAllister, Radosław Sikorski, Paulo Rangel, Andrzej Halicki, Peter van Dalen, Tomáš Zdechovský, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Vladimír Bilčík, Inese Vaidere, David Lega, Christian Sagartz, Krzysztof Hetman, Romana Tomc, Magdalena Adamowicz, Ivan Štefanec, Benoît Lutgen, Janina Ochojska, Eva Maydell, Luděk Niedermayer, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Stelios Kympouropoulos, Michaela Šojdrová, Peter Pollák, Loránt Vincze</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Kati Piri</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Engin Eroglu, Malik Azmani, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Olivier Chastel, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Reinhard Bütikofer, Hannah Neumann</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Ryszard Antoni Legutko, Anna Fotyga, Adam Bielan, Assita Kanko, Elżbieta Kruk, Elżbieta Rafalska, Bert-Jan Ruissen, Bogdan Rzońca, Hermann Tertsch, Valdemar Tomaševski, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Jadwiga Wiśniewska</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

<Depute>Fabio Massimo Castaldo</OptDel></Commission>

</RepeatBlock-By>


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ix-xogħol furzat u s-sitwazzjoni tal-Ujguri fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang

(2020/2913(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, partikolarment dik tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China Cables)[1], dik tat-18 ta' April 2019 dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi u etniċi[2], dik tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-massa tal-Ujguri u l-Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang[3], dik tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina[4], dik tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti[5], dik tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)[6], u dik tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-UE[8],

 wara li kkunsidra l-Premju Sakharov 2019 mogħti lil Ilham Tohti, ekonomista Ujgur li qed jiġġieled paċifikament għad-drittijiet tal-minoranza Ujgura fiċ-Ċina,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998[9] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem[10],

 wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Josep Borrell wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-7 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2020 dwar id-drittijiet tal-bniedem u x-xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali,

 wara li kkunsidra r-rimarki tal-President tal-Kunsill Charles Michel wara l-laqgħa tal-mexxejja UE-Ċina tal-14 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President Michel u l-President von der Leyen dwar id-difiża tal-interessi u l-valuri tal-UE fi sħubija kumplessa u vitali wara t-22 Summit UE-Ċina li sar fit-22 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra l-appell tal-esperti tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2020 għal miżuri deċiżivi favur il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali fiċ-Ċina,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titlu "UE-Ċina: Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Ottubru 2018 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar is-sitwazzjoni fix-Xinjiang,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titlu "UE-Ċina: Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tistipula li "ħadd m'għandu jinżamm fi skjavitù jew f'servitù" u li "ħadd m'għandu jiġi mġiegħel jagħmel xogħol forzat jew obbligatorju",

 wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta' Ġunju 2012, li jqiegħed il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, it-tortura u trattament krudili ieħor, il-libertà tal-espressjoni online u offline u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi d-dritt taċ-ċittadini kollha għal-libertà reliġjuża, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tal-minoranzi etniċi,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, li qatt ma ġie ratifikat miċ-Ċina minkejja li ffirmatu fl-1998,

 wara li kkunsidra l-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-1930 dwar ix-Xogħol Furzat, li ma ġiex iffirmat miċ-Ċina,

 wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-2011,

 wara li kkunsidra r-rapporti tal-Australian Strategic Policy Institute (ASPI) bit-titlu "Uyghurs for sale – 'Re-education', forced labour and surveillance beyond Xinjiang" u "Cultural erasure – Tracing the destruction of Uyghur and Islamic spaces in Xinjiang", ippubblikati fl-2020, kif ukoll ix-"Xinjiang Data Project" tiegħu,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qofol tar-relazzjoni twila ta' bejn l-UE u ċ-Ċina, bi qbil mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u l-interess li wriet iċ-Ċina li tirrispettahom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

B. billi s-sitwazzjoni fix-Xinjiang, fejn jgħixu aktar minn 10 miljun Ujgur Musulman u Każaki, iddeterjorat malajr, partikolarment mindu l-Gvern Ċiniż vara kampanja ta' "azzjoni ħarxa kontra l-estremiżmu vjolenti" fl-2014, u billi l-Ujguri u minoranzi etniċi oħra – primarjament Musulmani – fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang ġew soġġetti għal detenzjoni arbitrarja, tortura, restrizzjonijiet serji fuq il-prattika u l-kultura reliġjużi, u sistema ta' sorveljanza diġitalizzata tant mifruxa li kull aspett tal-ħajja ta' kuljum huwa taħt monitoraġġ permezz ta' kameras ta' rikonoxximent tal-wiċċ, scans tat-telefons ċellulari, ġbir, aggregazzjoni u pproċessar illegali ta' data personali fuq skala kbira, flimkien ma' preżenza estensiva u intrużiva min-naħa tal-pulizija; billi ġie osservat rinfurzar ġenerali tar-reġim Ċiniż u twebbis fit-trattament tal-minoranzi, b'mod partikolari fil-konfront tal-Ujguri, it-Tibetani u l-Mongoljani, bil-ħsieb li jiġu assimilati bl-impożizzjoni tal-istil ta' ħajja u l-ideoloġija komunista tal-maġġoranza Ċiniża; billi l-pulizija għamlet użu estensiv minn pjattaformi predittivi, bħall-pjattaforma operattiva konġunta integrata, biex issib individwi suspettużi abbażi ta' mġiba ta' kuljum, legali u mhux vjolenti;

C. billi, skont rapporti kredibbli, aktar minn miljun persuna, qed jinżammu, jew inżammu, f'dawk li qed jissejħu ċentri ta' "riedukazzjoni politika", fl-akbar inkarċerazzjoni tal-massa ta' popolazzjoni minoritarja etnika fid-dinja llum; billi s-sistema tal-kampijiet ta' internament fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang qed tespandi, u aktar minn 380 faċilità ta' detenzjoni huma suspettati li nbnew jew ġew estiżi mill-2017 'l hawn, u tal-anqas 61 sit ta' detenzjoni nbnew ġodda jew ġew estiżi bejn Lulju 2019 u Lulju 2020;

D. billi l-ġenerazzjoni żagħżugħa Ujgura qed tbati wkoll; billi, skont rapporti, tfal żgħar kienu qed jintbagħtu f'orfanatrofji mmexxija mill-Istat anke jekk ġenitur wieħed biss ikun miżmum f'kamp ta' internament; billi, skont ir-riżultati ta' riċerka, sa tmiem l-2019, aktar minn 880 000 tifel u tifla Ujguri kienu tqiegħdu f'faċilitajiet ta' alloġġ; billi riċerka kredibbli turi li l-awtoritajiet Ċiniżi implimentaw skema uffiċjali ta' miżuri mmirati għall-prevenzjoni tat-twelid fil-konfront tan-nisa Ujguri fi sforz biex jitnaqqsu r-rati tat-twelid tal-Ujguri; billi, bħala parti minn din l-iskema, nisa Ujguri fl-etajiet li jista' jkollhom it-tfal qed jiġu soġġetti sistematikament mill-awtoritajiet Ċiniżi għal aborti furzati, injezzjonijiet fl-utru u sterilizzazzjoni, tant li 80 % tal-proċeduri ta' tqegħid ta' tagħmir IUD fiċ-Ċina saru fir-reġjun Ujgur, minkejja l-fatt li dan jikkostitwixxi 1.8 % biss tal-popolazzjoni taċ-Ċina; billi tali miżuri għall-prevenzjoni tat-twelid fi ħdan il-popolazzjoni Ujgura jistgħu jissodisfaw il-kriterji kollha ta' appartenenza għall-agħar delitti kontra l-umanità;

E. billi, f'Awwissu 2018, il-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali kkonfronta lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-abbużi fix-Xinjiang, fosthom il-ħolqien ta' kampijiet ta' detenzjoni arbitrarja tal-massa; billi, f'Settembru 2018, fl-ewwel diskors tagħha f'dan ir-rwol, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet innutat "l-allegazzjonijiet ferm inkwetanti ta' detenzjonijiet arbitrarji fuq skala kbira fil-konfront tal-Ujguri u ta' komunitajiet Musulmani oħra f'hekk imsejħa 'kampijiet ta' riedukazzjoni' fix-Xinjiang";

F. billi r-regolamenti l-ġodda dwar il-kwistjonijiet reliġjużi fiċ-Ċina li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2018, huma aktar restrittivi fil-konfront ta' gruppi u attivitajiet reliġjużi u jġegħluhom jaderixxu aktar mill-qrib mal-politiki tal-partit; billi l-libertà reliġjuża u l-libertà tal-kuxjenza laħqu livell baxx ġdid minn mindu bdew ir-riformi ekonomiċi u mill-ftuħ taċ-Ċina lejn l-aħħar tas-sebgħinijiet; billi ċ-Ċina tospita waħda mill-akbar popolazzjonijiet ta' priġunieri reliġjużi; billi kien hemm rapporti kredibbli li żvelaw li kien hemm qerda intenzjonata u sistematika ta' moskej, knejjes u postijiet oħra ta' qima, l-aktar mill-2017 'l hawn, bir-riżultat li l-għadd tagħhom naqas għal-livell l-aktar baxx mir-Rivoluzzjoni Kulturali 'l hawn;

G. billi ċ-Ċina għadha ma rratifikatx erbgħa mit-tmien Konvenzjonijiet Fundamentali tal-ILO, jiġifieri l-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-Libertà tal-Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, il-Konvenzjoni Nru 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u għan-Negozjar Kollettiv, il-Konvenzjoni Nru 29 dwar ix-Xogħol Furzat u l-Konvenzjoni Nru 105 dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat; billi ċ-Ċina rratifikat il-Konvenzjoni Nru 111 dwar id-Diskriminazzjoni (Impjieg u Xogħol) u l-Konvenzjoni Nru 100 dwar ir-Remunerazzjoni Ugwali; billi l-ftehimiet tad-WTO jippermettu l-adozzjoni ta' miżuri kummerċjali relatati mal-prodotti tax-xogħol fil-ħabsijiet;

H. billi, b'mod parallel mal-kampanja "Strike Hard Campaign against Violent Terrorism" (Azzjoni Ħarxa kontra t-Terroriżmu Vjolenti)", il-programmi ta' trasferiment tal-ħaddiema żdiedu mill-2014, u dan jissuġġerixxi li dawn saru prijorità politika għall-Gvern Ċiniż bħala għodda biex itaffi l-faqar fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang; billi hemm diversi rapporti kredibbli ta' xogħol furzat tal-Ujguri fil-ktajjen tal-produzzjoni fis-setturi tal-ħwejjeġ, tat-teknoloġija u tal-karozzi, inkluż ir-rapport ta' Marzu 2020 tal-ASPI, li identifika 27 fabbrika f'disa' provinċji Ċiniżi li għax-xogħol qed jużaw mill-inqas 80 000 Ujgur ittrasferiti mix-Xinjiang bejn l-2017 u l-2019; billi dawn il-fabbriki jfornu mill-inqas 82 marka globali, inklużi dawk li huma proprjetà ta' ħafna kumpaniji multinazzjonali Ewropej;

I. billi ċ-Ċina hija waħda mill-akbar produtturi tal-qoton fid-dinja, u r-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang jirrappreżenta aktar minn 20 % tal-produzzjoni globali tal-qoton; billi ċ-Ċina hija l-akbar produttur u esportatur tal-ħjut, u l-akbar produttur u esportatur ta' tessuti u lbies; billi l-Gvern Ċiniż qed jippjana li jirdoppja l-kapaċità tal-manifattura fir-Reġjun Ujgur sal-2025, u għandu l-ħsieb li l-ilbies u t-tessuti jkunu jiffurmaw element ewlieni ta' dak il-pjan; billi fl-2018 biss, tliet reġjuni Ujguri waħidhom immobilizzaw mill-inqas 570 000 persuna f'operazzjonijiet ta' ġbir tal-qoton permezz tal-iskema ta' taħriġ u trasferiment tax-xogħol koerċittiva tal-gvern; billi t-trasferiment totali ta' forza tax-xogħol ta' minoranzi etniċi fix-Xinjiang għall-ġbir tal-qoton x'aktarx li jaqbeż din iċ-ċifra b'diversi mijiet ta' eluf, li jagħmel ix-xogħol furzat karatteristika intrinsika u ġeneralizzata tal-ħsad tal-qoton fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang; billi 84 % tal-qoton Ċiniż ġej mir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang, li jfisser li l-ħjut, it-tessuti u l-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton Ċiniż jippreżentaw riskju straordinarjament għoli li huma mċappsa minn xogħol furzat u xogħol fil-ħabs, kemm jekk manifatturati fiċ-Ċina kif ukoll fi kwalunkwe post ieħor fid-dinja;

J. billi ġie rrappurtat li aktar minn 80 korporazzjoni internazzjonali tad-ditta allegatament jagħmlu profitt, direttament jew indirettament, mix-xogħol furzat tal-Ujguri fil-ktajjen tal-provvista tagħhom; billi l-kuntest attwali ta' oppressjoni jipprevjeni li jitwettqu investigazzjonijiet u awditi indipendenti fir-reġjun Ujgur;

K. billi l-kumpaniji m'għandhom l-ebda mezz affidabbli disponibbli biex jivverifikaw li kull post tax-xogħol fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang ikun ħieles minn xogħol furzat jew biex jipprevjenu l-użu ta' xogħol furzat f'dawn il-postijiet tax-xogħol f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-istandards tad-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem;

L. billi skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE (kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali), il-kumpaniji ma għandhom l-ebda responsabbiltà legali li jieħdu azzjoni biex jipprevjenu lilhom infushom milli jikkontribwixxu għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista tagħhom; billi d-Direttiva tal-UE dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju timponi obbligu ta' rappurtar fuq il-kumpaniji, iżda ma teħtiġhomx li jieħdu passi biex jipprevjenu l-ħsara fil-ktajjen tal-provvista tagħhom jew tippermetti li dawn jinżammu responsabbli;

M. billi fl-okkażjoni tas-seduta ta' smigħ tiegħu fil-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Viċi President Eżekuttiv Dombrovskis indika li l-ġlieda kontra x-xogħol furzat hija prijorità għall-UE u li, anke fil-qafas tal-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina, l-investiment tal-UE se jkollu jirrispetta l-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO dwar ix-xogħol furzat;

N. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu bħalissa qed jaħdem fuq inizjattiva dwar "diliġenza dovuta korporattiva u responsabbiltà korporattiva"; billi fl-1 ta' Diċembru 2020 il-Kunsill ippubblika l-konklużjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u x-xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali, li jistiednu lill-Kummissjoni tressaq proposta għal qafas legali tal-UE dwar governanza korporattiva sostenibbli, inklużi obbligi ta' diliġenza dovuta korporattiva transsettorjali tul il-ktajjen tal-provvista globali; billi l-Kummissjoni ħabbret li se tressaq proposta leġiżlattiva dwar "Governanza Korporattiva Sostenibbli" fit-tieni kwart tal-2021, li se tindirizza l-ħtieġa ta' diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem tul il-ktajjen tal-valur;

O. billi l-Kunsill adotta deċiżjoni u regolament li jistabbilixxi r-reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem li jippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi fuq individwi, entitajiet u korpi fil-mira, inklużi stati u atturi mhux statali, li jkunu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi madwar id-dinja, inkluż l-iskjavitù, jew ikunu involuti fihom jew assoċjati magħhom;

P. billi l-Kungress tal-Istati Uniti għadda l-Att dwar il-Politika tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ujguri fl-2019; billi fit-22 ta' Settembru 2020, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti adottat l-Att għall-Prevenzjoni tax-Xogħol Furzat tal-Ujguri li jimponi diversi restrizzjonijiet relatati mar-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang, inkluż billi jipprojbixxi ċerti importazzjonijiet mix-Xinjiang u jimponi sanzjonijiet fuq l-individwi u l-entitajiet responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem hemmhekk;

Q. billi ċ-Ċina għamlet progress fl-oqsma ekonomiċi u soċjali, iżda qed tonqos serjament milli tiggarantixxi standards internazzjonali bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

R. billi fil-Qafas Strateġiku tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, l-UE impenjat ruħha li żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-aspetti kollha tal-azzjoni esterna tagħha, u li tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fil-qofol tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha;

1. Jikkundanna bil-qawwa s-sistema mmexxija mill-gvern tax-xogħol furzat, b'mod partikolari l-isfruttament tal-Ujguri, tal-Każaki u l-Kirgiżi etniċi, u gruppi minoritarji Musulmani oħra, f'fabbriki kemm ġewwa kif ukoll barra l-kampijiet ta' internament fix-Xinjiang, kif ukoll it-trasferiment ta' ħaddiema furzati lejn diviżjonijiet amministrattivi Ċiniżi oħrajn, u l-fatt li ditti u kumpaniji Ewropej magħrufa sew qed jibbenefikaw mill-użu ta' xogħol furzat; jistieden lill-atturi rilevanti mis-settur privat jivvalutaw l-impenji tagħhom fix-Xinjiang, jeżerċitaw ir-responsabbiltà korporattiva tagħhom, iwettqu awditi indipendenti tal-konformità mad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista sħaħ tagħhom, u jtemmu r-relazzjonijiet kummerċjali fejn jinstab li dawn jiksru d-drittijiet tal-bniedem jew, fejn ikun impossibbli li jiġi aċċertat jekk kienx hemm ksur, direttament jew indirettament, permezz tal-attività ta' wieħed mill-fornituri tagħhom jew mir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom fil-katina tal-valur tagħhom fiċ-Ċina;

2. Huwa mħasseb ferm dwar ir-reġim dejjem aktar oppressiv li ħafna minoranzi reliġjużi u etniċi, b'mod partikolari l-Ujguri u l-Każaki, qed jiffaċċjaw, li huma bi vjolazzjoni tad-dinjità umana tagħhom, kif ukoll tad-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni kulturali u tat-twemmin reliġjuż, għal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni, kif ukoll għal-libertà tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni; jiddeplora s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li sejra għall-agħar fiċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong, u jitlob li l-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw il-libertajiet fundamentali;

3. Jiddeplora bil-qawwa l-persekuzzjoni kontinwa u l-ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż itemm minnufih il-prattika tad-detenzjoni arbitrarja ta' membri tal-minoranzi Ujguri u minoranzi Musulmani oħrajn mingħajr ebda akkuża, proċess jew kundanna għal reati kriminali, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri tad-detenzjoni kollha u jeħles lill-persuni miżmuma minnufih u bla kundizzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jtemmu l-programmi sponsorjati mill-gvern ta' xogħol furzat u sterilizzazzjoni tal-massa; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang jipprovdu informazzjoni dwar il-post u l-kundizzjonijiet mediċi tal-persuni miżmuma f'detenzjoni, u biex jeħilsuhom minnufih jekk ma jkunx hemm evidenza ta' attività kriminali reali;

4. Jikkundanna bil-qawwa l-użu estensiv ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali biex jimmonitorjaw u jikkontrollaw il-popolazzjoni fix-Xinjiang, u t-testijiet żvelati l-aktar reċentement ta' software għar-rikonoxximent tal-wiċċ li jista' jibgħat "allarmi ta' Ujguri" lill-awtoritajiet tal-gvern meta s-sistemi tal-kamera tiegħu jidentifikaw membri tal-minoranza Ujgur; jiddispjaċih għall-fatt li ċ-Ċina mhijiex qed tikkonforma mal-impenji li daħlet għalihom hija stess meta aderixxiet mal-prinċipji tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar l-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem u meta ffirmat id-dikjarazzjoni tal-G20 ta' Ġunju 2019, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappellaw liċ-Ċina biex taderixxi mal-impenji tagħha stess f'dan ir-rigward;

5. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu aċċess liberu, sinifikanti u mingħajr xkiel fil-provinċja tax-Xinjiang, u aċċess mingħajr restrizzjonijiet fil-kampijiet ta' internament għall-ġurnalisti u l-osservaturi internazzjonali, inkluż għall-uffiċjali tal-UE, wara l-istedina tal-President Xi Jinping matul is-Summit UE-Ċina tal-14 ta' Settembru 2020, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lid-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jinsistu fuq l-istabbiliment ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tan-NU fix-Xinjiang u l-ħatra ta' Mibgħut Speċjali;

6. Jitlob liċ-Ċina tippermetti li titwettaq missjoni mill-Parlament Ewropew fix-Xinjiang bil-kundizzjoni li tingħata aċċess liberu u mingħajr restrizzjonijiet, filwaqt li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità u s-sikurezza lill-popolazzjoni lokali;

7. Jikkundanna bil-qawwa l-kampanja massiva rrapportata mill-Partit Komunista Ċiniż biex irażżan ir-rati tat-twelid tal-Ujguri fix-Xinjiang, u jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jwaqqfu minnufih kwalunkwe miżura mmirata biex tipprevjeni t-twelid fil-popolazzjoni Ujgura, inklużi sterilizzazzjonijiet furzati, aborti jew sanzjonijiet kontra l-ksur tal-kontroll tat-twelid;

8. Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jirratifika u jimplimenta l-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat, il-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, il-Konvenzjoni Nru 87 tal-ILO dwar il-Libertà tal-Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni u l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u għan-Negozjar Kollettiv; iħeġġeġ liċ-Ċina tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

9. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti ta' fastidju min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi fil-konfront tal-Ujguri barra l-pajjiż sabiex iġegħluhom jaġixxu bħala informaturi kontra Ujguri oħra, imorru lura x-Xinjiang jew jibqgħu siekta dwar is-sitwazzjoni t'hemmhekk, xi drabi billi jarrestaw lill-membri tal-familja tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha tal-UE jinvestigaw dawn ir-rapporti b'urġenza, jiżguraw il-protezzjoni tal-membri tad-dijaspora tax-Xinjiang u jħaffu l-applikazzjonijiet għall-asil imressqa mill-Ujguri u minn Musulmani oħra ta' oriġini Turkika; jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-Ġermanja u l-Iżvezja li jissospendu r-ritorn tal-Ujguri, il-Każaki jew Musulmani oħra ta' oriġini Turkika fiċ-Ċina fid-dawl tar-riskju ta' detenzjoni arbitrarja, tortura jew maltrattament ieħor;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew djalogu ma' stati fejn l-Ujguri jinsabu f'riskju ta' deportazzjoni lejn iċ-Ċina biex jipprevjenu li jseħħu tali deportazzjonijiet; jistieden lill-membri tal-Kunsill jissospendu t-trattati ta' estradizzjoni tagħhom mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, biex jipprevjenu l-estradizzjoni tal-Ujguri, ta' ċittadini ta' Hong Kong, ta' Tibetani, jew ta' dissidenti Ċiniżi fl-Ewropa biex jibdew proċess ġudizzjarju politiku fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

11. Jistieden lill-UE taħdem b'mod proattiv favur inkjesta indipendenti tan-NU dwar iċ-Ċina bil-ħsieb li jiġi żgurat li jingħata kont tar-reati mwettqa;

12. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-miżuri tal-istat Ċiniż biex jiżgura s- "superviżjoni komprensiva" tax-Xinjiang permezz tal-installazzjoni tas-sorveljanza elettronika Skynet fiż-żoni urbani ewlenin u trackers tal-GPS fil-vetturi bil-mutur kollha, l-użu ta' skanners ta' rikonoxximent tal-wiċċ fil-postijiet ta' kontroll u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fil-pompi tal-petrol, bl-użu ta' software ibbażat fuq sistemi ta' kameras tal-intelliġenza artifiċjali maħsuba biex jidentifikaw l-Ujguri u membri oħra ta' gruppi ta' minoranzi etniċi, u l-kampanja ta' ġbir tad-demm mill-pulizija tax-Xinjiang sabiex tkompli tiġi estiża l-bażi tad-data tad-DNA taċ-Ċina; jesprimi tħassib serju dwar l-aħħar rivelazzjonijiet dwar lista li fiha dettalji ta' aktar minn 2 000 priġunier Ujgur miżmuma fil-prefettura ta' Aksu bejn l-2016 u l-2018; jesprimi wkoll il-biża' li ċ-Ċina qed tesporta dawn it-teknoloġiji lejn reġimi awtoritarji fid-dinja kollha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-akkwist u l-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji, u l-attività tal-fornituri tagħhom, u joqogħdu lura milli jiftħu l-aċċess għalihom lil istituzzjonijiet tal-UE u nazzjonali li huma responsabbli għall-finanzjament pubbliku u l-akkwist pubbliku;

13. Jikkritika l-akkwist ta' kameras termali mingħand Hikivision mill-amministrazzjoni tal-Parlament u mill-Kummissjoni; jinsisti dwar l-introduzzjoni ta' politika ta' akkwist għaqlija li tqis kif xieraq it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament u lill-President tiegħu biex immedjatament jaqtgħu kwalunkwe relazzjoni ta' negozju diretta jew indiretta ma' Hikivision, u biex itejbu t-trasparenza tal-attivitajiet ta' akkwist tal-Parlament;

14. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet l-istudjuż Ujgur u r-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2019 Ilham Tohti, u jiżguraw, sadanittant, li jkollu aċċess regolari u mingħajr restrizzjonijiet għall-familja tiegħu u għall-avukati tal-għażla tiegħu, u li ma jkunx soġġett għal tortura jew trattament ħażin ieħor; jitlob li ssir investigazzjoni immedjata, effikaċi u imparzjali b'rabta mal-allegati torturi fil-konfront ta' Ilham Tohti u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

15. Jilqa' l-inklużjoni fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 ta' inizjattiva leġiżlattiva dwar leġiżlazzjoni obbligatorja dwar id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposti leġiżlattivi rilevanti mhux aktar tard minn matul it-tieni kwart tal-2021, kif kien ippjanat, li jinkludu tliet proposti distinti, iżda li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku, dwar id-dmirijiet tad-diretturi u l-governanza korporattiva sostenibbli, dwar id-drittijiet tal-bniedem korporattivi u d-diliġenza dovuta ambjentali, u dwar ir-riforma tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju; huwa tal-fehma li, sabiex tiġi indirizzata b'mod effettiv il-kwistjoni tax-xogħol furzat u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista tal-kumpaniji, tali leġiżlazzjoni għandha tinkludi wkoll projbizzjoni tat-tqegħid tal-prodotti rilevanti fis-suq tal-UE; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-pożizzjoni tiegħu fir-riżoluzzjoni reċenti tiegħu dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali, li titlob miżuri komplementari, bħall-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' prodotti marbuta ma' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħax-xogħol furzat jew it-tħaddim tat-tfal;

16. Jistieden lill-Istati Membri, f'konformità mal-kompetenzi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw b'mod effettiv il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż permezz ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali ġodda jew aġġornati li fihom taħlita ta' miżuri volontarji u obbligatorji.

17. Huwa tal-fehma li l-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment maċ-Ċina jrid jinkludi impenji adegwati biex jiġu rispettati l-konvenzjonijiet internazzjonali kontra x-xogħol furzat; iqis, b'mod partikolari, li ċ-Ċina għandha għalhekk tirratifika l-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-ILO;

18. Jilqa' l-ftehim reċenti milħuq mill-koleġiżlaturi dwar ir-riforma tar-Regolament tal-UE dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju abbażi ta' konsiderazzjonijiet ta' sigurtà nazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonvinċu lill-Gvern Ċiniż jagħlaq il-kampijiet u jtemm kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang u f'postijiet oħrajn, bħat-Tibet; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jtennu dan il-messaġġ lill-Gvern Ċiniż f'kull okkażjoni u fl-ogħla livelli; jiddispjaċih li l-approċċ meħud u l-għodod użati mill-UE s'issa ma wasslux għal progress tanġibbli fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, li fl-aħħar għaxar snin marret għall-agħar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal u timplimenta strateġija olistika fil-livell tal-UE bil-ħsieb li jsir progress ġenwin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jkomplu jimplimentaw ir-riformi nazzjonali meħtieġa biex jirratifikaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, iffirmat miċ-Ċina fl-1998, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem;

20. Jilqa' l-adozzjoni tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fis-7 ta' Diċembru 2020; jistieden lill-Istati Membri u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jevalwaw malajr l-adozzjoni ta' sanzjonijiet kontra uffiċjali u entitajiet immexxija mill-istat Ċiniżi, bħax-Xinjiang Production and Construction Corporation, li hija responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta' detenzjoni tal-massa tal-Ujguri u Musulmani Turkiċi oħra fix-Xinjiang, għall-użu ta' xogħol furzat, u għall-organizzazzjoni tar-ripressjoni ħarxa tal-libertà reliġjuża, il-libertà tal-moviment u ta' drittijiet bażiċi oħra fir-reġjun u f'postijiet oħra, bħat-Tibet;

21. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw il-pakkett ta' miżuri maqbul f'Lulju, inkluż il-ħolqien ta' "skema ta' salvawomu" għall-persuni oppressi fiċ-Ċina, b'segwitu tad-deterjorament ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

22. Itenni l-appoġġ tiegħu għad-Djalogu li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina, u jħeġġeġ li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu prominenti fl-aġenda tiegħu; jappella għal koordinazzjoni akbar fost id-demokraziji fl-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri oħra biex jiġu indirizzati l-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong, kif ukoll l-isfidi ġeopolitiċi ppreżentati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

 

[1] Testi adottati, P9_TA(2019)0110.

[2] Testi adottati, P8_TA(2019)0422.

[3] ĠU C 11, 13.1.2020, p. 25.

[4] ĠU C 433, 23.12.2019, p. 103.

[5] ĠU C 238, 6.7.2018, p. 108.

[6] ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 185.

[7] ĠU C 285 E, 21.10.2010, p.80.

[8] Testi adottati, P9_TA(2020)0337.

[9] ĠU L 410I, 7.12.2020, p. 1.

[10] ĠU L 410I, 7.12.2020, p. 13.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Diċembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza