MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2012
16.12.2020 - (2020/2914(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0440/2020 (Verts/ALE)
B9-0441/2020 (S&D)
B9-0443/2020 (Renew)
B9-0444/2020 (ECR)
B9-0445/2020 (PPE)
Michael Gahler, David Lega, Željana Zovko, Isabel Wiseler-Lima, Sandra Kalniete, David McAllister, Miriam Lexmann, Radosław Sikorski, Paulo Rangel, Andrzej Halicki, Tomáš Zdechovský, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Vladimír Bilčík, Inese Vaidere, Christian Sagartz, Vangelis Meimarakis, Krzysztof Hetman, Romana Tomc, Magdalena Adamowicz, Ivan Štefanec, Benoît Lutgen, Eva Maydell, Luděk Niedermayer, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Stelios Kympouropoulos, Michaela Šojdrová, Peter Pollák, Loránt Vincze, Ioan-Rareş Bogdan, Janina Ochojska
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Jytte Guteland
f'isem il-Grupp S&D
Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Klemen Grošelj, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Ramona Strugariu, Marie-Pierre Vedrenne
f'isem il-Grupp Renew
Hannah Neumann, Ernest Urtasun
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ryszard Antoni Legutko, Anna Fotyga, Karol Karski, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Assita Kanko, Joanna Kopcińska, Elżbieta Kruk, Elżbieta Rafalska, Bogdan Rzońca, Hermann Tertsch, Valdemar Tomaševski, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Jadwiga Wiśniewska
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2012
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Iran, u b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh[1], u dik tas-17 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u taċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja li qegħdin il-ħabs[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Diċembru 2020 dwar l-Iran, li titlob il-ħelsien ta' Nasrin Sotoudeh,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-12 ta' Diċembru 2019 dwar l-eżekuzzjoni tas-Sur Ruhollah Zam,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OHCHR tal-25 ta' Novembru 2020 li titlob lill-Iran iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta' Ahmadreza Djalali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tas-26 ta' Ottubru 2020 li tħeġġeġ l-obbligu li jingħata rendikont għat-trażżin vjolenti tal-protesti, u r-rapport tiegħu tal-21 ta' Lulju 2020 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,
– wara li kkunsidra l-5 Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iran tad-9 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, it-Tortura u l-Libertà tal-Espressjoni,
– wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil Nasrin Sotoudeh fl-2012,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Nasrin Sotoudeh, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2012 għal-Libertà tal-Ħsieb, hija avukatessa Iranjana, attivista għad-drittijiet tal-bniedem u priġuniera politika li, matul dawn l-aħħar 15-il sena, iġġieldet għad-drittijiet tan-nisa, tat-tfal, tal-minoranzi reliġjużi, tal-ġurnalisti u tal-artisti, kif ukoll ta' dawk ikkundannati għall-piena tal-mewt, u minħabba f'hekk, kienet attakkata u ffastidjata kontinwament mill-awtoritajiet Iranjani u ġiet arrestata u mibgħuta l-ħabs diversi drabi; billi l-prosekuzzjoni tagħha u l-akkużi miġjuba kontriha juru sa liema punt il-ġudikatura Iranjana qed tikkriminalizza l-attiviżmu għad-drittijiet tal-bniedem;
B. billi Nasrin Sotoudeh ilha detenuta arbitrarjament mit-13 ta' Ġunju 2018 talli rrappreżentat lil nisa li pprotestaw kontra l-liġi tal-Iran li permezz tagħha l-ilbies tal-hijab huwa obbligatorju u, f'Marzu 2019, ġiet ikkundannata in absentia għal 33 sena ħabs u 148 daqqa ta' frosta; billi l-esperti tan-NU f'diversi okkażjonijiet esprimew tħassib serju li d-detenzjoni attwali tagħha hija arbitrarja u appellaw għall-ħelsien tagħha;
C. billi Nasrin Sotoudeh inħelset temporanjament fis-7 ta' Novembru 2020 wara test pożittiv għall-COVID-19; billi ġiet ordnata tirritorna fil-ħabs ta' Qarchak, ċentru ta' detenzjoni tan-nisa f'Tehran magħruf għall-kundizzjonijiet ta' detenzjoni krudili u inumani, fit-2 ta' Diċembru 2020; billi din id-deċiżjoni min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani jista' jkollha konsegwenzi potenzjalment letali għaliha u tkompli testendi l-priġunerija arbitrarja tagħha bi ksur tal-obbligi tal-Iran skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
D. billi l-familja, il-qraba u l-ħbieb ta' Nasrin Sotoudeh, b'mod partikolari r-raġel tagħha Reza Khandan, sfaw fil-mira tal-awtoritajiet Iranjani bil-għan li jsikktuhom u jwaqqfu kwalunkwe kampanja għall-ħelsien ta' Nasrin Sotoudeh;
E. billi l-arrest ta' Nasrin Sotoudeh huwa parti minn repressjoni intensifikata kontra d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Iran; billi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa li b'mod attiv għamlu kampanja biex isaħħu l-emanċipazzjoni u d-drittijiet tan-nisa ġarrbu fastidju, arresti u detenzjonijiet arbitrarji, u d-drittijiet tagħhom għal proċess ekwu u ġust ġew miksura;
F. billi Ahmadreza Djalali, tabib Iranjan-Żvediż u akkademiku u professur fl-Università VUB fil-Belġju u fl-Università degli Studi del Piemonte Orientale fl-Italja li ġie kkundannat għall-mewt fuq akkużi foloz ta' spjunaġġ f'Ottubru 2017, kien irrappurtat li ġie ttrasferit f'reklużjoni bi tħejjija għall-eżekuzzjoni tiegħu, minkejja sejbiet evidenzjati sew li jikkonfermaw li l-proċess tiegħu kien inġust għall-aħħar u li l-kundanna tiegħu kienet ibbażata fuq konfessjoni furzata li ngħatat taħt tortura; billi rċieva theddid ta' mewt fil-konfront tiegħu u tal-familja tiegħu fl-Iżvezja u fl-Iran min-naħa ta' uffiċjali Iranjani; billi f'ittra miktuba mill-ħabs politiku ta' Evin, qal li r-raġuni għad-detenzjoni tiegħu kienet li oġġezzjona li jwettaq spjunaġġ għall-Iran kontra l-istituzzjonijiet Ewropej; billi Dr Djalali ġie infurmat fl-24 ta' Novembru 2020 li l-eżekuzzjoni tiegħu kienet imminenti;
G. billi fit-12 ta' Diċembru 2020, il-ġurnalist Ruhollah Zam inqatel bit-tagħliq wara deċiżjoni mgħaġġla tal-Qorti Suprema tat-8 ta' Diċembru 2020, li kkonfermat il-piena kapitali tiegħu għal akkużi vagi ta' "korruzzjoni fid-dinja", li kienu sostnuti minn konfessjonijiet miksuba bil-forza; billi s-Sur Zam, li ngħata ażil fi Franza fl-2009 u mexxa programm popolari fuq Telegram li jikkritika lill-awtoritajiet Iranjani, ġie mħajjar imur l-Iraq fejn inħataf u ttieħed l-Iran mill-awtoritajiet Iranjani; billi l-eżekuzzjoni tiegħu talli eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà tal-espressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
H. billi Fariba Adelkhah, ċittadina tal-UE, akkademika Franċiża-Iranjana prominenti u direttriċi tar-riċerka fl-Università Sciences Po ta' Pariġi, ilha detenuta arbitrarjament minn Ġunju 2019 fil-ħabs ta' Evin;
I. billi ċ-ċittadini b'ċittadinanza doppja tal-UE u Iranjana għadhom qed jiġu arrestati, u wara l-arrest jgħaddu minn perjodi twal ta' reklużjoni u interrogazzjonijiet, b'nuqqas ta' proċess ekwu, ebda aċċess għal proċess ġust u sentenzi twal ta' ħabs ibbażati fuq akkużi vagi jew mhux speċifikati ta' "sigurtà nazzjonali" u "spjunaġġ"; billi l-Iran ma jirrikonoxxix iċ-ċittadinanza doppja, u b'hekk jillimita l-aċċess tal-ambaxxati barranin għaċ-ċittadini tagħhom b'ċittadinanza doppja miżmuma hemmhekk;
J. billi l-qrati Iranjani jonqsu milli jipprovdu proċessi ekwi u ġusti, u jiċħdu l-aċċess għal konsulenti legali, b'mod partikolari matul il-perjodu ta' investigazzjoni, u jiċħdu żjarat konsulari, tan-NU jew ta' organizzazzjonijiet umanitarji; billi s-sentenzi mill-ġudikatura Iranjana spiss ikunu bbażati fuq akkużi vagi jew mhux speċifikati ta' sigurtà nazzjonali u spjunaġġ; billi m'hemm ebda mekkaniżmu indipendenti biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont fi ħdan il-ġudikatura, u għad hemm tħassib serju dwar il-politiċizzazzjoni tal-imħallfin;
K. billi l-protesti tas-soċjetà ċivili fl-Iran kontra l-faqar, l-inflazzjoni, il-korruzzjoni u l-awtoritarjaniżmu politiku ntlaqgħu mill-awtoritajiet Iranjani b'repressjoni qawwija; billi s-servizz tal-intelligence Iranjan intensifika r-repressjoni tiegħu fuq il-ħaddiema tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, l-attivisti ambjentali, id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, l-istudenti, il-ġurnalisti, l-għalliema, is-sewwieqa tat-trakkijiet u l-attivisti paċifiċi;
L. billi l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU appellaw lill-Iran biex jiggarantixxi d-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-avukati li ntbagħtu l-ħabs talli appoġġaw pubblikament il-protesti kontra l-ilbies obbligatorju tal-hijab fl-Iran u tennew tħassib serju fir-rigward tal-eżekuzzjonijiet kontinwi ta' delinkwenti minorenni fl-Iran;
M. billi kien hemm diversi rapporti dwar il-kundizzjonijiet inumani u degradanti fil-ħabsijiet u r-rifjut li jingħata aċċess adegwat għall-kura medika matul id-detenzjoni bil-għan li d-detenuti jiġu intimiditi, ikkastigati jew li titqiegħed pressjoni fuqhom, bi ksur tar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri;
N. billi għexieren ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, avukati u attivisti għadhom il-ħabs minħabba attiviżmu paċifiku u ġew esklużi mill-klemenza u mill-ħelsien temporanju implimentati matul il-pandemija tal-COVID-19 biex titnaqqas il-popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet;
O. billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, fir-rapport annwali tiegħu ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-21 ta' Lulju 2020, esprima l-kosternazzjoni tiegħu għall-użu kontinwu mill-Iran tal-piena tal-mewt u ċ-ċifri għoljin ta' eżekuzzjoni tiegħu u afferma li r-rapporti li waslu juru xejra kontinwa ta' restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni u diskriminazzjoni kontinwa kontra l-minoranzi u n-nisa;
P. billi f'dan l-istess rapport, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU jafferma li minkejja evidenza ċara li l-forzi tas-sigurtà Iranjani użaw forza eċċessiva u letali li kkawżat il-mewt ta' aktar minn 300 ruħ, inklużi nisa u tfal, fil-protesti f'Novembru 2019, kważi sena wara, l-awtoritajiet Iranjani naqsu milli jwettqu investigazzjoni konformi mal-istandards internazzjonali;
Q. billi l-użu tal-piena tal-mewt kontra d-dimostranti qed jiżdied, b'xejra ta' hekk imsejħa konfessjonijiet li jinkisbu taħt tortura, u wara li jingħataw id-dimostranti jiġu ġġustizzjati mingħajr ma jiġu infurmati l-avukati jew il-membri tal-familja tagħhom, kif ġara fil-każ tal-istilla tar-wrestling Navid Afkari, li nqatel permezz ta' eżekuzzjoni fit-12 ta' Settembru 2020 għal akkużi li ċaħad għalkollox; billi ħutu s-subien għadhom il-ħabs u ngħataw sentenzi twal ħafna talli ħadu sehem fi protesti kontra l-gvern;
R. billi l-Parlament adotta riżoluzzjoni li titlob l-istabbiliment ta' unità StratCom tas-SEAE ddedikata għal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari l-Iran;
S. billi t-teknoloġiji ta' sorveljanza tal-massa qed jintużaw biex jitrażżnu protesti online u fit-toroq, inkluż permezz ta' ċensura online; billi l-midja tal-istat mexxiet kampanji ta' diżinformazzjoni kontra d-dimostranti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bl-involviment ta' personalitajiet nazzjonali ewlenin, bl-għan li jfixklu l-protesti ta' Novembru 2019;
1. Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni arbitrarja, il-kundanna u, reċentement, ir-ritorn għall-ħabs ta' Nasrin Sotoudeh, mara impenjata fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u avukatessa, u jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex jeħilsuha immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, bħala kwistjoni ta' urġenza, u jippermettulha tirċievi l-kura tas-saħħa li teħtieġ;
2. Jikkundanna bis-saħħa l-eżekuzzjoni fit-12 ta' Diċembru 2020 tal-ġurnalist ibbażat fi Franza Ruhollah ZAM, editur tal-kanal Amad News Telegram, u tar-wrestler Navid Afkari fit-12 ta' Settembru 2020; jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-familji, lill-ħbieb u lill-kollegi tagħhom; jistieden lill-UE u lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri tagħha jipprovdu protezzjoni aktar effettiva liċ-ċittadini Iranjani residenti fl-UE li huma soġġetti għal fastidju u theddid mis-servizzi tal-intelligence Iranjani;
3. Jistieden lill-Iran iwaqqaf immedjatament l-eżekuzzjoni imminenti tal-akkademiku Żvediż-Iranjan Ahmadreza Djalali, jeħilsu u jikkumpensah, u jieqaf jhedded lill-familja tiegħu fl-Iran u fl-Iżvezja; jikkundanna bis-saħħa, barra minn hekk, it-tortura, id-detenzjoni arbitrarja u l-piena tal-mewt tiegħu; jinnota li Dott. Djalali ġie infurmat fl-24 ta' Novembru 2020 li l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni kienu ħarġu ordni għas-sentenza u li ġie ttrasferit għal reklużjoni fis-sezzjoni 209 tal-ħabs ta' Evin; itenni s-sejħiet tiegħu għal interventi urġenti mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u mill-Istati Membri tal-UE, bil-għan li jitwaqqaf kwalunkwe pjan biex jinqatel Ahmadreza Djalali, titħassar il-piena tal-mewt tiegħu u jiġi żgurat il-ħelsien immedjat tiegħu;
4. Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex flimkien jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi u jieħdu inizjattivi diplomatiċi biex jimmonitorjaw proċessi inġusti u jżuru ħabsijiet fejn qed jiġu detenuti difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri oħra tal-kuxjenza, inklużi ċittadini tal-UE fl-Iran, f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;
5. Jistieden lill-Gvern tal-Iran jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-mijiet ta' persuni detenuti b'mod arbitrarju talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni inklużi d-dimostranti, il-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-midja, id-dissidenti politiċi, l-artisti, il-kittieba u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi avukati, difensuri tad-drittijiet tan-nisa, attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, attivisti tad-drittijiet tal-minoranzi, konservazzjonisti, attivisti kontra l-piena tal-mewt u oħrajn inklużi dawk li jitolbu l-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni għall-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji tal-massa tas-snin '80; jenfasizza li, sakemm jinħelsu, l-awtoritajiet Iranjani jridu jiggarantixxu s-saħħa fiżika u mentali tagħhom;
6. Iħeġġeġ lill-Iran iwaqqa' minnufih l-akkużi kollha u jneħħi r-restrizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar taċ-ċittadini b'ċittadinanza doppja Ewropea-Iranjana kollha li huma soġġetti għal detenzjoni arbitrarja u miżuri restrittivi oħra, bħal fil-każijiet ta' Fariba Adelkhah, Nahid Taghavi, Kameel Ahmady u Nazanin Zaghari-Ratcliffe; itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Kamran Ghaderi, Massoud Mossaheb u Morad Tahbaz, li bħalissa qed jinżammu f'ħabsijiet Iranjani, u jiddenunzja, għal darb'oħra, il-prattika kontinwa ta' priġunerija ta' ċittadini b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana mill-ġudikatura Iranjana wara proċessi inġusti, u n-nuqqas ta' aċċess tagħhom għall-appoġġ konsulari;
7. Jesprimi tħassib dwar l-attakk fiżiku u t-trasferiment furzat, fit-13 ta' Diċembru 2020, tal-mara impenjata fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem Golrokh Iraee lejn il-ħabs ta' Evin; jitlob kjarifika immedjata tas-sitwazzjoni tagħha u jtenni t-talba tiegħu għall-ħelsien tagħha;
8. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi r-repressjoni fuq id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Iran huwa parti minnu, u jiżguraw id-dritt tad-detenuti kollha għal proċess ekwu u ġust, inkluż id-dritt li jkunu rappreżentati minn avukat tal-għażla tagħhom;
9. Jikkundanna r-restrizzjonijiet fuq l-ispazju ċiviku, l-użu tal-piena tal-mewt bħala arma ta' repressjoni politika, l-amputazzjonijiet, is-swat u pieni krudili u inumani oħra inklużi fil-kodiċi penali tal-Iran, il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni krudili u inumani, konfessjonijiet miksuba permezz ta' tortura jew trattament ħażin u l-proċess ta' ċivili quddiem qrati rivoluzzjonarji; jiddenunzja l-użu tal-piena tal-mewt bħala deterrent kontra l-attiviżmu paċifiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt li tiġi eżerċitata l-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern Iranjan jiddikjara moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet pendenti kollha bil-ħsieb tal-abolizzjoni sħiħa tal-piena tal-mewt;
10. Jinnota l-iżviluppi li saru min-nisa Iranjani fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka, kif jidher mill-fatt li l-maġġoranza tal-istudenti fl-universitajiet tal-Iran huma nisa; iħeġġeġ lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran telimina, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta' diskriminazzjoni u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kontra n-nisa u l-bniet; jappoġġa bis-saħħa lin-nisa Iranjani u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li, minkejja d-diffikultajiet u r-riperkussjonijiet personali li qed jiffaċċjaw, jibqgħu jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jindirizzaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu għal minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi l-Insara u l-Baha'i, u l-persuni LGBTI, u jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha li jinsabu l-ħabs talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin jew tal-orjentazzjoni sesswali;
12. Jappella għall-istabbiliment ta' inkjesta mmexxija min-NU dwar id-delitti skont id-dritt internazzjonali u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq waqt il-protesti ta' Novembru 2019 u Jannar 2020; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jadottaw miżuri restrittivi mmirati kontra l-uffiċjali responsabbli għal dawk l-abbużi;
13. Jappoġġa bis-saħħa l-aspirazzjonijiet tal-poplu Iranjan li jixtieq jgħix f'pajjiż liberu, stabbli, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-imwiet kollha li seħħew waqt dawn il-protesti, dwar dawk kollha suspettati li għandhom responsabbiltà kriminali għall-qtil tad-dimostranti, u dwar il-każijiet kollha ta' vittmi li qed jiġu soġġetti għal għajbien furzat u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji kontinwi; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, barra minn hekk, jeżoneraw u jirritornaw il-fdalijiet tal-vittmi lill-familji tagħhom, jidentifikaw u jħarrku lill-awturi tar-reati, u jipprovdu rimedji effettivi għall-vittmi;
14. Jilqa' l-adozzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Sanzjonijiet għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-hekk imsejjaħ Att Magnitsky, mill-Kunsill bħala strument importanti tal-UE biex jissanzjona lil dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jitlob miżuri mmirati kontra uffiċjali Iranjani li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem inklużi l-eżekuzzjonijiet reċenti ta' Ruhollah Zam u Navid Afkari u d-detenzjoni arbitrarja ta' ċittadini doppji u barranin fl-Iran, kif ukoll ta' dawk involuti f'abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi mħallfin li kkundannaw ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dissidenti politiċi u attivisti għall-mewt;
15. Iqis li ser ikunu meħtieġa aktar sanzjonijiet immirati jekk l-awtoritajiet Iranjani ma jeħilsux lil Dott. Djalali, kif qed jitolbu l-UE u l-Istati Membri tagħha;
16. Jistieden lill-Kunsill iqajjem il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħala komponent ewlieni tal-kooperazzjoni bilaterali tiegħu mal-Iran, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta maqbula mill-VP/RGħ u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan f'April 2016; jistieden lis-SEAE jkompli jinkludi d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tad-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Iran u jistieden bil-qawwa lill-awtoritajiet Iranjani jwaqqfu l-atti kollha ta' intimidazzjoni u rappreżalji kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem talli jikkomunikaw mal-uffiċjali tal-UE u tan-NU;
17. Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw bis-sħiħ ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov permezz tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tagħhom u billi jistabbilixxu task force interistituzzjonali interna f'appoġġ għar-rebbieħa tal-Premju Sakharov li jinsabu f'riskju; huwa tal-fehma li l-appoġġ għar-rebbieħa f'riskju għandu jissaħħaħ min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-UE;
18. Jitlob li s-SEAE jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu biex jiġġieled kontra l-interferenza u d-diżinformazzjoni Iranjani fit-territorju Ewropew; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jneħħu ċ-ċensura tagħhom ta' servizzi u kontenut online u biex ma jużawx shutdowns tal-Internet li huma inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali;
19. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-vulnerabilità partikolari tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' miżuri ta' protezzjoni adegwati li jipproteġuhom mir-riskji speċifiċi u bbażati fuq il-ġeneru li huma esposti għalihom;
20. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jagħmlu stedina permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u biex jikkooperaw b'mod proattiv; iħeġġiġhom jiżguraw b'mod partikolari li r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran jitħalla jidħol fil-pajjiż;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majlis Iranjan.
- [1] ĠU C 388, 13.11.2020, p. 127.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2019)0019.