MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela
19.1.2021 - (2021/2508(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0056/2021 (PPE)
B9-0064/2021 (ECR)
B9-0065/2021 (Renew)
Leopoldo López Gil, Dolors Montserrat, Esteban González Pons, Paulo Rangel, Michael Gahler, Antonio Tajani, David McAllister, Gabriel Mato, Antonio López-Istúriz White, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar, Isabel Wiseler-Lima, Miriam Lexmann, Álvaro Amaro
f'isem il-Grupp PPE
Jordi Cañas, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Nicola Danti, Klemen Grošelj, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Samira Rafaela, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Adrián Vázquez Lázara, Frédérique Ries
f'isem il-Grupp Renew
Hermann Tertsch, Eugen Jurzyca, Raffaele Fitto, Ryszard Antoni Legutko, Jadwiga Wiśniewska, Anna Fotyga
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-Presidenza tal-Assemblea Nazzjonali u tal-Bureau ġodda (kolp ta' stat parlamentari)[2] u tal-10 ta' Lulju 2020 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati,[3]
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-6 ta' Jannar 2021 u tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar il-Venezwela u dwar l-elezzjonijiet tas-6 ta' Diċembru 2020 għall-Assemblea Nazzjonali, u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Kelliem tal-4 u s-16 ta' Ġunju 2020 dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali tat-8 ta' Diċembru 2020 dwar l-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela li saru fis-6 ta' Diċembru 2020, tas-16 ta' Ġunju 2020 li rrifjutat bħala illeġittima n-nomina tad-direttiva tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) il-ġdida mill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, u tal-24 ta' Ġunju 2020 dwar il-kriżi politika li sejra għall-agħar fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Grupp ta' Lima, u b'mod partikolari dik tal-5 ta' Jannar 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2020 dwar l-attakki fuq l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kopresidenti tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-Parlament Ewropew tal-elezzjonijiet leġiżlattivi fil-Venezwela fis-6 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/898 tad-29 ta' Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], li żiedet 11-il uffiċjal Venezwelan ewlieni mal-lista tal-individwi soġġetti għal miżuri restrittivi,
– wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Tiftix tal-Fatti tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ppubblikat fis-16 ta' Settembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi b'solidarjetà mar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani fl-Amerika Latina u l-Karibew tas-26 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-QKI bit-titlu "Attivitajiet ta' Eżami Preliminari (2020) – Venezwela I" tal-14 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjonijiet parlamentari illegali u illeġittimi li saru fil-Venezwela fis-6 ta' Diċembru 2020 saru mingħajr ma kienu konformi mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi l-parteċipazzjoni tal-votanti kienet estremament baxxa u għalhekk iċ-ċaħda tal-elezzjonijiet mill-poplu Venezwelan hija evidenti; billi l-forzi demokratiċi fil-Venezwela unanimament qablu li ma jipparteċipawx f'din il-farsa elettorali; billi 27 partit politiku ffirmaw il-ftehim, inklużi l-akbar erba' partiti tal-oppożizzjoni Voluntad Popular, Primero Justicia, Acción Democrática u Un Nuevo Tiempo; billi l-elezzjonijiet naqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġijiet Venezwelani;
B. billi l-komunità internazzjonali, li tinkludi l-Unjoni Ewropea, il-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali, il-Grupp ta' Lima u l-Istati Uniti, irrifjutat li jsiru elezzjonijiet parlamentari fl-2020 minħabba n-nuqqas totali tal-kundizzjonijiet ħielsa u ġusti u ma rrikonoxxitx ir-riżultati ta' dan il-proċess elettorali bħala leġittimi jew rappreżentattivi tar-rieda tal-poplu Venezwelan; billi din l-elezzjoni illegali kompliet iċċekken l-ispazju demokratiku fil-pajjiż għall-minimu assolut u ħolqot ostakli kbar ħafna għar-riżoluzzjoni tal-kriżi politika fil-Venezwela;
C. billi fis-26 ta' Diċembru 2020, l-Assemblea Nazzjonali leġittima tal-2015 preseduta minn Juan Guaidó pproċediet biex tgħaddi leġiżlazzjoni sabiex testendi l-mandat kostituzzjonali u amministrattiv tagħha għal sena sa meta jkunu jistgħu jsiru elezzjonijiet ħielsa, ġusti, verifikabbli u demokratiċi fil-Venezwela;
D. billi fit-13 ta' Ġunju 2020, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja illeġittimu ħatar membri ġodda għas-CNE mingħajr ma kellu l-ebda setgħa legali li jagħmel dan; billi, skont l-Artikoli 187 u 296 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, dawn il-ħatriet huma l-kompetenza unika u esklużiva tal-Assemblea Nazzjonali, li hija organu demokratikament elett mill-poplu Venezwelan; billi l-komunità internazzjonali ma rrikonoxxiet l-ebda deċiżjoni jew sentenza li ttieħdet b'mod unilaterali minn dawn il-korpi illeġittimi; billi l-uffiċjali responsabbli għal dawn id-deċiżjonijiet ġew inklużi wkoll fil-lista tas-sanzjonijiet tal-Kunsill;
E. billi f'Lulju 2020, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, immexxi minn Michelle Bachelet, sab li "d-deċiżjonijiet tat-Tribunal Suprem tal-Ġustizzja jnaqqsu l-possibbiltà li jinbnew kundizzjonijiet għal proċessi elettorali demokratiċi u kredibbli" u li dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji "jaħtru retturi ġodda tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali mingħajr il-kunsens tal-forzi politiċi kollha";
F. billi fl-10 ta' Jannar 2019, Nicolás Maduro użurpa b'mod illeġittimu l-poter presidenzjali quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, bi ksur tal-ordni kostituzzjonali;
G. billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali elett b'mod leġittimu u demokratiku, Juan Guaidó, ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-President interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;
H. billi l-UE u l-Parlament ripetutament appellaw biex il-Venezwela terġa' lura lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz ta' proċess politiku kredibbli; billi Nicolás Maduro pubblikament ċaħad il-possibbiltà li jorganizza b'mod urġenti elezzjonijiet presidenzjali, leġiżlattivi u lokali ħielsa, ġusti, trasparenti, inklużivi u kredibbli bi tweġiba għat-talbiet tal-VP/RGħ, tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali u tal-Parlament;
I. billi l-Parlament, permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019, irrikonoxxa lil Juan Guaidó bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela skont il-Kostituzzjoni tal-Venezwela;
J. billi 25 mis-27 Stat Membru rrikonoxxew lil Juan Guaidó bħala l-uniku president interim leġittimu tal-pajjiż sakemm jissejħu elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli ġodda sabiex terġa' tiġi stabbilita d-demokrazija; billi bosta stati demokratiċi oħra għamlu l-istess;
K. billi fit-12 ta' Novembru 2020, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi kontra l-Venezwela sal-14 ta' Novembru 2021; billi dawn il-miżuri inkludew embargo fuq l-armi u fuq it-tagħmir għar-repressjoni interna, kif ukoll projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi ta' 36 mexxej u uffiċjal għoli Venezwelani;
L. billi, fl-2017, il-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tiegħu lill-oppożizzjoni demokratika u lill-priġunieri politiċi fil-Venezwela;
M. billi l-COVID-19 kompliet taggrava s-sitwazzjoni diġà kritika fil-Venezwela; billi l-kollass tas-sistema tas-saħħa, l-iperinflazzjoni, in-nuqqas gravi ta' ikel u mediċini u kriżi umanitarja mwiegħra ġiegħlu lil madwar mill-inqas parti waħda minn sitta tal-popolazzjoni titlaq mill-pajjiż, u, sa tmiem l-2020, telqu aktar minn ħames miljun u nofs Venezwelan;
N. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI ħabbar fl-14 ta' Diċembru 2020, qabel ir-rapport preliminari tiegħu u wara evalwazzjoni u analiżi dettaljati tal-informazzjoni disponibbli li hemm raġunijiet validi biex wieħed jemmen li l-awtoritajiet ċivili, il-membri tal-forzi armati u l-individwi favur il-Gvern fil-Venezwela huma responsabbli għal "priġunerija, tortura, stupru u/jew forom oħra ta' vjolenza sesswali u persekuzzjoni ta' grupp jew komunità għal raġunijiet politiċi, u jaf wettqu reati serji ħafna kontra l-umanità"; billi deċiżjoni finali dwar il-kwistjoni se tittieħed fl-ewwel nofs tal-2021; billi fis-16 ta' Settembru 2020 il-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Tiftix tal-Fatti tan-NU dwar il-Venezwela rrapportat li l-gvern u l-forzi tas-sigurtà tar-reġim, bl-għarfien tal-President Maduro u ta' wħud mill-ministri tiegħu, wettqu delitti kontra l-umanità fosthom eżekuzzjonijiet u tortura, filwaqt li ddikjarat li l-Istat Venezwelan jeħtieġlu jżomm responsabbli lil dawk responsabbli għall-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, l-għajbien sfurzat, id-detenzjonijiet arbitrarji u t-tortura, u jipprevjeni milli jseħħu aktar atti ta' din in-natura;
O. billi l-aktar rapport reċenti ppubblikat mill-Istitut CASLA fl-14 ta' Jannar 2021 jipprovdi evidenza tal-ippjanar strateġiku ta' repressjoni sistematika u tad-delitti kontinwi kontra l-umanità mwettqa mir-reġim, u jiżvela xejriet ġodda ta' tortura, iż-żieda fiċ-ċentri ta' detenzjoni u ta' tortura klandestini u illegali, u l-interferenza ta' stati oħra biex jinstigaw u jwettqu tali delitti; billi dan ir-rapport jenfasizza wkoll il-kundizzjonijiet inumani li fihom il-priġunieri politiċi jinżammu taħt l-art u jiġu esposti għal tortura fiżika u psikoloġika kontinwa, li ma tissodisfax l-istandards minimi tar-Regoli għat-Trattament tal-Priġunieri adottati mill-Ewwel Kungress tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni tal-Kriminalità u t-Trattament tat-Trasgressuri, li sar f'Ġinevra fl-1955, u approvat mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali fir-riżoluzzjonijiet tiegħu 663 C (XXIV) tal-31 ta' Lulju 1957 u 2076 (LXII) tat-13 ta' Mejju 1977;
P. billi l-priġunier politiku u indiġenu tal-grupp etniku ta' Pemón, Salvador Franco, miet minħabba mard f'ħabs Venezwelan fit-3 ta' Jannar 2021, mingħajr ma rċieva l-ebda attenzjoni medika, minkejja l-fatt li minn Novembru 2020 huwa kellu digriet tal-qorti, li ġie injorat, biex jiġi ttrasferit għal sptar;
Q. billi, mill-5 ta' Jannar 2021, ir-reġim intensifika l-attakki u l-persekuzzjoni tiegħu fil-konfront tal-ftit stabbilimenti tal-midja ħielsa u indipendenti li għad fadal fil-pajjiż filwaqt li kkonfiska l-assi u l-għodod tagħhom u ġegħelhom iwaqqfu immedjatament l-attività tagħhom;
R. billi, skont rapporti tal-aħbarijiet u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, mill-inqas 23 persuna nqatlu reċentement f'kunflitt bejn il-pulizija u l-gruppi fil-kapitali Venezwelana, Caracas, hekk kif il-gvern qed jiffaċċja skrutinju u investigazzjoni internazzjonali għall-qtil mill-forzi tas-sigurtà;
1. Itenni li sakemm isiru elezzjonijiet verament ħielsa, kredibbli, inklużivi, trasparenti u kompletament demokratiċi fil-Venezwela, huwa se jkompli jikkunsidra l-Assemblea Nazzjonali eletta f'Diċembru 2015, il-President tagħha Juan Guaidó, u l-Kummissjoni Delegata tagħha li wkoll hija mmexxija minn Juan Guaidó, li kienu l-aħħar espressjoni ħielsa tal-Venezwelani fi proċess elettorali, bħala l-uniku korp politiku demokratiku u rappreżentattiv leġittimu fil-Venezwela; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod inekwivoku l-kontinwazzjoni kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali leġittima tal-Venezwela eletta fl-2015 u lill-President interim leġittimu tal-Venezwela, Juan Guaidó;
2. Jiddispjaċih dwar l-elezzjonijiet parlamentari illegali u illeġittimi li jirriżultaw mill-proċess elettorali frawdolenti organizzat fis-6 ta' Diċembru 2020 u jiċħadhom, u jtenni li l-proċess elettorali la kien konformi mal-kundizzjonijiet u l-istandards aċċettati internazzjonalment u mal-liġijiet tal-Venezwela, la kien ħieles u ġust u lanqas ma rrappreżenta r-rieda tal-poplu Venezwelan; abbażi ta' dawn l-elezzjonijiet mhux demokratiċi, la jirrikonoxxi l-leġittimità u lanqas jirrikonoxxi l-legalità tal-Assemblea Nazzjonali frawdolenti stabbilita fil-5 ta' Jannar 2021;
3. Itenni li l-unika soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi multidimensjonali fil-Venezwela, li għandha impatt fuq ir-reġjun kollu, hija triq politika, paċifika u demokratika 'l quddiem, li tinvolvi elezzjonijiet presidenzjali, parlamentari, reġjonali u lokali li jkunu kredibbli, inklużivi, ħielsa, ġusti u trasparenti u li jirrispettaw l-istandards internazzjonali, b'garanziji għal kundizzjonijiet ekwi u għall-parteċipazzjoni bla xkiel tal-partiti politiċi kollha, u li jsiru taħt osservazzjoni internazzjonali oġġettiva;
4. Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tiegħu mal-poplu tal-Venezwela li qiegħed iġarrab l-effetti ta' kriżi umanitarja u politika serja, li bħalissa qiegħda tiġi aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; jiġbed l-attenzjoni lejn il-kriżi migratorja allarmanti u l-effetti kollaterali tagħha madwar ir-reġjun kollu u jfaħħar l-isforzi u s-solidarjetà murija mill-pajjiżi ġirien;
5. Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' aktar minn 350 priġunier politiku miżmuma fil-Venezwela, ċifra ċċertifikata minn Foro Penal Venezolano u l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani;
6. Itenni l-obbligu li jiġu garantiti b'mod sħiħ ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela kif ukoll il-ħarsien tagħhom, u jimpenja ruħu li jkun partikolarment viġilanti fir-rigward ta' kwalunkwe att ta' repressjoni, b'mod partikolari kontra membri tal-forzi demokratiċi; jiddenunzja t-theddid li sar mill-Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali kkostitwita illegalment, Iris Varela, meta qalet li se tordna l-arrest u l-prosekuzzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni u tal-President Juan Guaidó, il-konfiska tal-assi tagħhom u r-revoka taċ-ċittadinanza tagħhom;
7. Jikkundanna r-repressjoni l-aktar reċenti fuq il-libertà tal-espressjoni mwettqa mir-reġim u l-għeluq ta' stamperiji tal-gazzetti u stabbilimenti tal-midja li mhumiex politikament allinjati mar-reġim ta' Maduro;
8. Jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill ta' Ġunju 2020 li jestendi s-sanzjonijiet immirati għal 11-il individwu ieħor – deċiżjoni li ma tkunx ta' ħsara għall-popolazzjoni Venezwelana, u jitlob li dawn is-sanzjonijiet jissaħħu u jitwessgħu b'mod immedjat; iqis li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom konsegwentement jillimitaw il-movimenti tal-individwi mniżżla f'dik il-lista, kif ukoll dawk tal-eqreb qraba tagħhom, u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom; jappella wkoll għall-projbizzjoni immedjata tal-kummerċ u ċ-ċirkolazzjoni tad-deheb tad-demm mill-Venezwela fl-UE;
9. Itenni l-importanza tal-kooperazzjoni mill-qrib kontinwa mal-alleati internazzjonali, b'mod partikolari l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti u l-Grupp ta' Lima, sabiex tingħata spinta ġdida lill-isforz diplomatiku internazzjonali estensiv biex jerġgħu jkun hemm id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prosperità għall-poplu tal-Venezwela; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill għal politika ta' livell għoli kkoordinata mal-Istati Uniti u l-Grupp ta' Lima, sabiex jikkontribwixxu għal approċċ strateġiku aktar komprensiv għall-isforzi diplomatiċi internazzjonali u jivvalutaw bir-reqqa s-sitwazzjoni li qed terġa' tmur għall-agħar fil-Venezwela;
10. Jistieden lill-Assemblea Nazzjonali leġittima u lill-President tagħha Juan Guaidó jiżguraw trasparenza sħiħa fil-ġestjoni tal-fondi tagħhom sabiex jiggarantixxu responsabbiltà sħiħa;
11. Ifakkar li l-kriżi fil-Venezwela hija l-aktar waħda sottofinanzjata fid-dinja u jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji finanzjarji tagħha u tiżborża l-ammonti impenjati għall-kriżi umanitarja fil-Venezwela kif qablet dwarhom il-Konferenza tad-Donaturi;
12. Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar ir-reati u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; jitlob lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-inizjattiva tal-Istati Partijiet tal-QKI biex jiftħu investigazzjoni dwar l-allegati delitti kontra l-umanità mwettqa mir-reġim ta' Maduro sabiex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;
13. Jappoġġja bil-qawwa t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li ssir investigazzjoni indipendenti u sħiħa dwar il-każijiet ta' qtil li twettqu, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tiegħu adottati preċedentement;
14. Jitlob li jitwaqqaf Grupp ta' Kuntatt bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti eletti demokratikament tal-Kummissjoni Delegata tal-Assemblea Nazzjonali sabiex jiffaċilita l-kuntatt u d-djalogu regolari mal-forzi demokratiċi leġittimi fil-Venezwela;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela Juan Guaidó, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠU C 411, 27.11.2020, p. 185.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2020)0013.
- [3] Testi adottati, P9_TA(2020)0193.
- [4] ĠU L 205 I, 29.6.2020, p. 6.