Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0090/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0090/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-arrest ta' Aleksei Navalny

20.1.2021 - (2021/2513(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0090/2021 (S&D)
B9-0092/2021 (ECR)
B9-0093/2021 (Verts/ALE)
B9-0094/2021 (Renew)
B9-0095/2021 (PPE)

Michael Gahler, Andrius Kubilius, Željana Zovko, Sandra Kalniete, David McAllister, Radosław Sikorski, Traian Băsescu, Eugen Tomac, Andrzej Halicki, Arba Kokalari, Miriam Lexmann, Tomasz Frankowski
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Tonino Picula, Isabel Santos
f'isem il-Grupp S&D
Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, María Soraya Rodríguez Ramos, Dragoş Tudorache
f'isem il-Grupp Renew
Sergey Lagodinsky, Hannah Neumann, Sara Matthieu
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Bert-Jan Ruissen, Assita Kanko, Hermann Tertsch, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Elżbieta Kruk, Valdemar Tomaševski, Veronika Vrecionová, Alexandr Vondra, Jan Zahradil, Bogdan Rzońca, Elżbieta Rafalska, Eugen Jurzyca, Jadwiga Wiśniewska, Jacek Saryusz-Wolski
f'isem il-Grupp ECR
Nikolaj Villumsen, Silvia Modig, Fabio Massimo Castaldo

Proċedura : 2021/2513(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0090/2021
Testi mressqa :
RC-B9-0090/2021
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-arrest ta' Aleksei Navalny

(2021/2513(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny[1],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-9 ta' Diċembru 1998,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi),

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 u speċifikament l-Artikolu 29 tagħha dwar il-ħarsien tal-libertà tal-kelma, u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja ntrabtet li tosserva bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tas-17 ta' Jannar 2021, u tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tat-18 ta' Jannar 2021, b'segwitu għad-detenzjoni ta' Aleksei Navalny,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE dwar id-detenzjoni ta' Aleksei Navalny mal-wasla tiegħu f'Moska,

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Ottubru 2020,

  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Ottubru 2020 u l-ftehim politiku milħuq biex jiġu imposti miżuri restrittivi fil-konfront ta' dawk marbuta mat-tentattiv ta' assassinju ta' Aleksei Navalny,

  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fil-kawżi ta' Navalnyye vs Ir-Russja, tas-17 ta' Ottubru 2017, Navalnyy vs Ir-Russja tal-15 ta' Novembru 2018, u Navalnyy vs Ir-Russja (Nru 2) tad-9 ta' April 2019,

  wara li kkunsidra r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, magħruf ukoll bħala l-Liġi Magnitsky Ewropea, adottat mill-Kunsill fis-7 ta'Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

  1. billi Aleksei Navalny, esponent politiku prominenti Russu, avukat u attivist fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kixef diversi każijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu impriżi kummerċjali u politiċi Russi, mexxa bosta protesti pubbliċi fir-Russja kollha u sar wieħed mill-mexxejja l-aktar influwenti tal-oppożizzjoni Russa;
  2. billi Aleksei Navalny huwa wieħed mill-akbar oppożituri tal-awtoritajiet Russi u tal-President Putin u, bis-saħħa tad-determinazzjoni u l-kuraġġ tiegħu, jirrappreżenta raġġ ta' tama għal dawk kollha fir-Russja li jemmnu li l-libertà, id-demokrazija, il-pluraliżmu politiku u l-obbligu ta' rendikont huma possibbli f'pajjiżhom;
  3. billi fis-17 ta' Jannar 2021, Aleksei Navalny nżamm f'detenzjoni fl-Ajruport Internazzjonali Sheremetyevo ta' Moska, mal-wasla tiegħu lura r-Russja, wara li ngħata trattament mediku fil-Ġermanja b'segwitu l-avvelenament tiegħu fir-Russja, u ma tħalliex jara l-avukati tiegħu;
  4. billi fit-18 ta' Jannar 2021 Aleksei Navalny ġie kkundannat 30 jum ħabs, fl-istennija ta' proċess, waqt seduta mingħajr preċedent u organizzata bil-għaġla li saret f'għassa tal-pulizija, fl-assenza tal-avukat ta' Navalny;
  5. billi madwar 70 ruħ, fosthom ġurnalisti u sostenituri ta' Aleksei Navalny, inżammu f'detenzjoni waqt li kienu qegħdin jistennew il-wasla tiegħu,
  6. billi Aleksei Navalny ġie ttrasportat lejn il-Ġermanja bil-qbil tal-awtoritajiet Russi biex jieħu trattament mediku wara li kien ġie avvelenat fl-20 ta' Awwissu 2020; billi proġett konġunt ta' network ta' ġurnalisti investigattivi, fosthom l-Iskwadra ta' Investigazzjoni Bellingcat, irnexxielu jidentifika diversi awturi involuti fl-avvelenament, kollha kemm huma aġenti tas-servizzi ta' sigurtà tal-Federazzjoni Russa;
  7. billi l-isptar Charité ta' Berlin ikkonkluda li Aleksei Navalny kien avvelenat b'aġent nervin militari tal-grupp "Novichok", żviluppat mill-Unjoni Sovjetika u mill-Federazzjoni Russa u huwa disponibbli biss għall-istrutturi militari u għas-servizzi sigrieti fir-Russja; billi n-natura tal-avvelenament ġiet ikkonfermata minn diversi laboratorji fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Iżvezja, kif ukoll mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW);
  8. billi, skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, l-avvelenament ta' individwu permezz tal-użu ta' aġent nervin jitqies użu ta' armi kimiċi u billi l-użu ta' armi kimiċi min-naħa ta' kwalunkwe persuna fi kwalunkwe ċirkostanza tikkostitwixxi ksur gravi tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
  9. billi l-UE, flimkien mas-sħab internazzjonali, talbet lill-awtoritajiet Russi jinvestigaw bir-reqqa t-tentattiv ta' assassinju ta' Aleksei Navalny bl-użu ta' aġent nervin kimiku pprojbit, jikkooperaw bis-sħiħ mal-OPCW biex jiżguraw investigazzjoni internazzjonali imparzjali, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; billi s'issa għadha ma saret l-ebda investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali min-naħa tal-awtoritajiet Russi u r-Russja rrifjutat b'mod espliċitu kwalunkwe appell għal investigazzjoni;
  10. billi fil-15 ta' Ottubru 2020, fl-assenza ta' investigazzjoni jew kooperazzjoni tar-Russja mal-OPCW, l-UE imponiet sanzjonijiet fil-konfront ta' sitt ċittadini Russi u entità waħda involuta fir-reat;
  11. billi t-tentattiv ta' assassinju ta' Alexei Navalny, li seħħ fiż-żmien qabel l-elezzjonijiet lokali u reġjonali ta' Settembru 2020 fir-Russja, jixħet dawl partikolarment inkwetanti fuq l-istat tad-demokrazija, tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
  12. billi s-Servizz Penitenzjarju Federali Russu ħabbar li Aleksei Navalny kien qiegħed jinżamm f'detenzjoni fl-istennija ta' seduta tal-qorti għal ksur tat-termini ta' sentenza sospiża preċedenti, dwar l-hekk imsejħa kawża Yves Rocher, mentri fil-fatt kien qiegħed jirkupra minn tentattiv ta' assassinju orkestrat mill-awtoritajiet Russi;
  13. billi, f'sentenza tas-17 ta' Ottubru 2017, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) stabbiliet li Aleksei Navalny u ħuh Oleg kienu ġew ikkundannati inġustament għal reati finanzjarji fl-hekk imsejħa kawża Yves Rocher tal-2014 u li l-qrati Russi taw deċiżjonijiet "arbitrarji u manifestament irraġonevoli" fil-kawża, billi ordnaw lill-Federazzjoni Russa tħallas liż-żewġ aħwa aktar minn EUR 80 000 f'kumpens għad-danni u fi spejjeż;
  14. billi fil-passat Aleksei Navalny kien safa attakkat, inżamm f'detenzjoni, ġie arrestat u kkundannat, bħala tentattiv biex jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi u pubbliċi tiegħu; billi l-awtoritajiet Russi nqdew bil-kundanni politikament immotivati ta' Aleksei Navalny biex jimpeduh milli joħroġ għall-elezzjonijiet presidenzjali Russi fl-2018;
  15. billi fit-18 ta' Jannar 2021 l-awtoritajiet Russi bdew proċediment kriminali ġdid fil-konfront Alexei Navalny, bl-akkuża ta' frodi relatata mat-trasferiment ta' flus lil diversi organizzazzjonijiet tal-karità;
  16. billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa; billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-KEDB, u hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u għaldaqstant intrabtet li tirrispetta l-istandards u l-prinċipji internazzjonali li jirregolaw l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
  17. billi skont Memorial, is-soċjetà magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem Russa, fil-Federazzjoni Russa hemm aktar minn 300 priġunier politiku u reliġjuż; billi l-UE turi solidarjetà mad-dissidenti kollha u mal-poplu Russu li, minkejja t-theddida għal-libertà tagħhom u għal ħajjithom u l-pressjoni min-naħa tal-Kremlin u tal-awtoritajiet Russi, ikomplu jiġġieldu għal-libertà, għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija;
  18. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt qed tkompli tiddeterjora fir-Russja, fid-dawl tal-isforzi sistematiċi tal-awtoritajiet biex joħonqu l-libertà tal-kelma, jillimitaw il-libertà ta' għaqda, jimpedixxu l-attivitajiet tal-oppożizzjoni, jirreaġixxu b'mod repressiv għal kwalunkwe attività mmirata biex tikxef il-korruzzjoni u joħonqu l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Russa;
  19. billi l-ksur tad-dritt internazzjonali fl-Ukrajna u fil-Georgia u l-assassinji u l-eliminazzjoni fiżika, li saru bis-sostenn tal-Istat, ta' mexxejja tal-oppożizzjoni, ġurnalisti u oħrajn, kif kien il-każ ta' Boris Nemtsov, Anna Politkovskaya, Sergei Magnitsky u oħrajn baqgħu ma ġewx ikkastigati; billi dawn il-bosta tentattivi ta' assassinju b'avvelenament u b'mezzi oħra, kif ukoll ir-rifjut ta' kooperazzjoni fil-proċediment ġudizzjarju rigward it-twaqqigħ tal-ajruplan tat-titjira MH17, wasslu f'minimu storiku r-relazzjonijiet mal-Federazzjoni Russa;
  20. billi minn Diċembru 2020 fost l-istrumenti disponibbli għall-Unjoni Ewropea hemm ukoll ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, li jikkonċerna individwi u entitajiet responsabbli għal ksur u abbuż gravi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, li huma involuti f'dan il-ksur u l-abbuż jew li huma assoċjati miegħu;
  1. Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Aleksei Navalny u tal-persuni l-oħra kollha miżmuma f'detenzjoni b'rabta mar-ritorn tiegħu fir-Russja, kemm jekk huma ġurnalisti, kollaboraturi fit-tim jew ċittadini li kienu qed juru appoġġ;
  2. Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni ta' Aleksei Navalny u tas-sostenituri tiegħu, u r-repressjoni abbażi ta' raġunijiet politiċi fil-konfront tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet Russi, anki permezz tal-użu tas-sistema ġudizzjarja; jikkundanna, barra minn hekk, l-attentat fuq il-ħajja ta' Navalny u jesprimi wkoll it-tħassib kbir tiegħu dwar l-ispazju li qed jiċkien għall-oppożizzjoni politika, id-dissidenti li jsemmgħu leħinhom u s-soċjetà ċivili fil-Federazzjoni Russa;
  3. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-aġir tal-Federazzjoni Russa, li jqis inopportun għal membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE li ntrabat li josserva l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif minquxa fil-KEDB u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jinkoraġġixxi lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE jadottaw miżuri adegwati biex jevalwaw il-ksur tal-impenji li ħadet il-Federazzjoni Russa;
  4. Ifakkar li d-detenzjoni ta' avversarji politiċi tmur kontra l-impenji internazzjonali tar-Russja, u jinsisti li l-ġudikatura tiġi depolitiċizzata u li d-drittijiet għal proċess ġust u aċċess għal parir legali jiġu rispettati; jistieden lill-Kumitat tal-Ministri u lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa jużaw is-setgħat minquxa fl-Artikolu 46(4) tal-KEDB biex iressqu każ ta' ksur kontra l-Federazzjoni Russa quddiem il-QEDB;
  5. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-vessazzjonijiet, l-intimidazzjonijiet, il-vjolenza u r-repressjoni ta' attivisti indipendenti u dissidenti li jsemmgħu leħinhom billi jtemmu l-impunità prevalenti li diġà wasslet biex tilfu ħajjithom ħafna ġurnalisti, attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u esponenti politiċi tal-oppożizzjoni, kif ukoll jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr biża' għal ħajjithom jew għal ħajjet il-membri tal-familja jew il-ħbieb tagħhom;
  6. Iqis li t-tentattiv ta' assassinju ta' Aleksei Navalny u l-arrest immedjat tiegħu mar-ritorn tiegħu fir-Russja għandhom l-għan li jiskoraġġixxu kxif ulterjuri ta' korruzzjoni serja fir-reġim u huma parti minn sforz sistemiku biex jiġu msikkta u eliminati Navalny innifsu, l-oppożizzjoni politika u d-dissidenti oħra li jsemmgħu leħinhom fil-pajjiż, b'mod partikolari fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari li jmiss fil-ħarifa tal-2021; jemmen li b'dan l-aġir, ir-reġim juri d-disprezz tiegħu lejn il-poplu tiegħu, jipprova jibqa' fil-poter akkost ta' kollox, u jċaħħad lill-poplu minn kwalunkwe possibbiltà ta' demokrazija u libertà; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati favur soċjetà miftuħa u ħielsa;
  7. Jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jsegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' Aleksei Navalny u l-benesseri tiegħu, kemm fiżiku kif ukoll mentali, li l-awtoritajiet Russi biss huma responsabbli għalihom;
  8. Jikkundanna r-rikors ripetut min-naħa tal-Federazzjoni Russa għal aġenti nervini kimiċi kontra ċ-ċittadini tagħha stess u jfakkar li l-użu ta' armi kimiċi fi kwalunkwe ċirkostanza jikkostitwixxi reat deplorevoli fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, b'mod fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi; ikompli jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex jipprovdu informazzjoni eżawrjenti u kompleta dwar il-programm Novichok lill-OPCW u, mingħajr aktar dewmien, biex iressqu l-qorti u jżommu responsabbli lil dawk li kkommettew ir-reat kontra Aleksei Navalny; itenni l-appell tiegħu għal investigazzjoni internazzjonali dwar ksur tal-impenji internazzjonali tar-Russja fil-qasam tal-armi kimiċi;
  9. Jistieden lill-Kunsill jieħu pożizzjoni attiva f'dan ir-rigward waqt il-laqgħat li jmiss tiegħu u jħarrxu konsiderevolment il-miżuri restrittivi tal-UE fil-konfront tar-Russja, anki billi jimponu sanzjonijiet fil-konfront tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti fid-deċiżjoni dwar l-arrest u l-priġunerija ta' Aleksei Navalny; iqis, barra minn hekk, li l-UE għandha timponi miżuri restrittivi speċifiċi addizzjonali fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fil-konfront tal-individwi kollha li kienu involuti fl-attakki kontra Aleksei Navalny, jew li jġorru r-responsabbiltà għalihom;
  10. Iħeġġeġ lill-Kunsill jintroduċi sanzjonijiet kontra l-oligarki Russi b'rabtiet mar-reġim u membri taċ-ċirku ta' ġewwa tal-President Putin kif ukoll propagandisti tal-media li jippossjedu assi fl-Unjoni Ewropea u jgawdu l-libertà tal-ivvjaġġar lejn l-Istati Membri; jemmen li dawn is-sanzjonijiet għandhom jiġu estiżi wkoll għall-membri tal-familja immedjata tagħhom; isostni li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex tibqa' post akkoljenti għall-ġid Russu ta' oriġini mhux ċara;
  11. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfasslu strateġija ġdida għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, ibbażata fuq l-appoġġ lis-soċjetà ċivili, li tippromwovi l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrieżaminaw b'mod kritiku l-kooperazzjoni mar-Russja f'diversi pjattaformi ta' politika estera u fi proġetti bħal Nord Stream 2, li l-UE jeħtieġ li twaqqaf it-tlestija tagħhom minnufih;
  12. Jistieden lill-Gvern Russu u lid-Duma jirrevedu l-qafas legali għall-elezzjonijiet u l-leġiżlazzjoni dwar l-aġenti barranin u l-organizzazzjonijiet mhux mixtieqa sabiex jiffaċilitaw il-pluraliżmu u l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti skont l-istandards internazzjonali u joħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati tal-oppożizzjoni; jitlob b'insistenza li l-Gvern Russu jiggarantixxi aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs lill-partiti demokratiċi kollha matul l-elezzjonijiet imminenti tad-Duma, peress li n-nuqqas ta' reġistrazzjoni tal-partiti huwa abbuż tal-proċedura ta' reġistrazzjoni li teqred il-kompetizzjoni politika u d-demokrazija pluralistika; jenfasizza li hemm konverġenza dejjem akbar ta' attitudnijiet u tattiki bejn ir-reġim fir-Russja u d-dittatura fil-Belarussja; josserva li ż-żewġ reġimi qed jibżgħu mit-talba li qed tikber għal bidla fost il-popli tagħhom, u huwa għalhekk li s-serq tal-elezzjonijiet huwa soluzzjoni politika konvenjenti għalihom;
  13. Jiddispjaċih li Aleksei Navalny ma tħalliex jindirizza lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE), kif kien previst li jagħmel fid-19 ta' Jannar 2021, filwaqt li d-delegazzjoni parlamentari Russa dan l-aħħar ġiet awtorizzata tirritorna fl-APKE;
  14. Itenni l-appell tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex ikomplu jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE fir-Russja u lill-ambaxxati tal-Istati Membri biex ikomplu jsegwu l-każijiet ġudizzjarji ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, esponenti politiċi tal-oppożizzjoni u attivisti, inkluż il-każ ta' Aleksei Navalny; jitlob lill-UE żżid l-appoġġ tagħha lid-dissidenti, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi, kif ukoll lill-media u lill-ġurnalisti indipendenti;
  15. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar ir-Russja u jitkellmu b'vuċi waħda f'fora bilaterali u multilaterali mal-awtoritajiet Russi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-UE għandha tisfrutta l-bidla tal-amministrazzjoni f'Washington biex issaħħaħ l-għaqda trans-Atlantika fil-protezzjoni tad-demokrazija u l-valuri fundamentali mir-reġimi awtoritarji; ifakkar li l-Parlament jappoġġa lill-poplu Russu fil-ġlieda tiegħu favur il-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
  16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lid-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza