MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-assassinju tal-ambaxxatur Taljan Luca Attanasio u tal-entourage tiegħu
10.3.2021 - (2021/2577(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0173/2021 (The Left)
B9-0174/2021 (ID)
B9-0196/2021 (Verts/ALE)
B9-0198/2021 (Renew)
B9-0199/2021 (PPE)
B9-0200/2021 (S&D)
B9-0201/2021 (ECR)
Michael Gahler, Antonio Tajani, David McAllister, Sandra Kalniete, Isabel Wiseler-Lima, Miriam Lexmann, Paulo Rangel, Vladimír Bilčík, Michaela Šojdrová, Loránt Vincze, Ivan Štefanec, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Benoît Lutgen, Maria Walsh, Tom Vandenkendelaere, Adam Jarubas, Krzysztof Hetman, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, David Lega, Lefteris Christoforou, Romana Tomc, Tomas Tobé, Christian Sagartz, Vangelis Meimarakis, Tomáš Zdechovský, Željana Zovko, Luděk Niedermayer, Inese Vaidere, Antonio López-Istúriz White, Ioan-Rareş Bogdan, Stelios Kympouropoulos, Seán Kelly, Peter Pollák, Magdalena Adamowicz, Janina Ochojska
f'isem il-Grupp PPE
Marek Belka, Isabel Santos, Maria Arena
f'isem il-Grupp S&D
Charles Goerens, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Olivier Chastel, Nicola Danti, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Moritz Körner, Javier Nart, Jan-Christoph Oetjen, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Frédérique Ries
f'isem il-Grupp Renew
Marco Campomenosi
f'isem il-Grupp ID
Salima Yenbou, Hannah Neumann
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Raffaele Fitto, Carlo Fidanza, Nicola Procaccini, Pietro Fiocchi, Sergio Berlato, Raffaele Stancanelli, Vincenzo Sofo, Ryszard Antoni Legutko, Anna Fotyga, Karol Karski, Ryszard Czarnecki, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Elżbieta Kruk, Elżbieta Rafalska, Joanna Kopcińska, Jadwiga Wiśniewska, Adam Bielan, Eugen Jurzyca, Veronika Vrecionová, Emmanouil Fragkos, Bogdan Rzońca, Alexandr Vondra, Valdemar Tomaševski
f'isem il-Grupp ECR
Marisa Matias
f'isem il-Grupp The Left
Tiziana Beghin, Dino Giarrusso, Daniela Rondinelli, Fabio Massimo Castaldo, Mario Furore, Chiara Gemma, Sabrina Pignedoli, Isabella Adinolfi
Riżoluzzjoni tal-parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-assassinju tal-ambaxxatur Taljan Luca Attanasio u tal-entourage tiegħu
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dik tat-18 ta' Jannar 2018[1] bl-istess titolu u dik tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-każ ta' Dr Denis Mukwege fir-RDK[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-22 ta' Frar 2021 dwar ir-RDK,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Mejju 2020 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà f'Ituri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2463 tad-29 ta' Marzu 2019 dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) sal-20 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/2033 tal-10 ta' Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo[3],
– wara li kkunsidra l-miżuri stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 2528 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Ġunju 2020 dwar it-tiġdid ta' miżuri dwar l-embargo fuq l-armi kontra r-RDK impost bir-riżoluzzjoni 2293 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà sal-1 ta' Lulju 2021 u l-estensjoni tal-mandat tal-Grupp ta' Esperti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1533 (2004) sal-1 ta' Awwissu 2021, li ġeddet sal-1 ta' Lulju 2021 serje ta' sanzjonijiet bħal embargo fuq l-armi fuq gruppi armati fir-RDK, projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar ta' individwi u ffriżar tal-assi ta' individwi u entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU ta' Awwissu 2010 dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar li jiddokumenta l-każijiet ta' ksur l-aktar serji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa fit-territorju tar-RDK bejn Marzu 1993 u Ġunju 2003,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u MONUSCO tas-6 ta' Lulju 2020 intitolat "Ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-grupp armat tal-Forzi Demokratiċi Alleati u minn membri tal-forzi tad-difiża u tas-sigurtà fit-territorju Beni, fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Kivu u fit-territorji ta' Irumu u Mambasa, fil-provinċja ta' Ituri, bejn l-1 ta' Jannar 2019 u l-31 ta' Jannar 2020",
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni tal-landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitt u ta' riskju għoli (ir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt)[4],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija tat-23 ta' Ġunju 2000 bejn il-membri tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou)[5],
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, adottata fit-18 ta' Frar 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-22 ta' Frar 2021 Luca Attanasio, ambaxxatur Taljan għar-RDK, is-sewwieq tiegħu Mustapha Milambo, u Vittorio Iacovacci, uffiċjal tal-pulizija militari Taljan, inqatlu minn persuni armati waqt attakk fuq il-konvoj tagħhom; billi l-ambaxxatur u l-persunal tiegħu kienu qed jivvjaġġaw f'vettura tan-NU minn Goma biex iżuru proġett tal-iskola tal-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU (WFP) f'Rutshuru; billi r-rotta kienet tgħaddi minn triq li qabel kienet identifikata bħala sikura għall-ivvjaġġar mingħajr tim ta' sigurtà;
B. billi l-gwardjani mill-Park Nazzjonali Virunga ppruvaw isalvaw il-ħajjiet tal-ambaxxatur u tal-entourage tiegħu; billi l-gwardjani nfushom jaħdmu taħt it-theddida kostanti ta' ħtif u qtil minn gruppi ribelli; billi sitt gwardjani nqatlu u s-seba' wieħed indarab f'attakk f'Jannar 2021 f'Nyamitwitwi; billi 12-il gwardjan u ħames ċivili nqatlu f'imbuskata f'April 2020;
C. billi s-sitwazzjoni gravi tas-sigurtà fil-Lvant tar-RDK qed tkompli tiddeterjora, b'mod partikolari fil-fruntiera bejn Ituri, in-Nofsinhar ta' Kivu u t-Tramuntana ta' Kivu; billi madwar 120 grupp armat, inklużi l-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda, il-Forzi Demokratiċi Alleati, u Nduma défence de la Congo-Rénové, joperaw fir-reġjun u jikkompetu għall-aċċess għar-riżorsi naturali u għall-kontroll tagħhom, inklużi l-minerali, u kienu responsabbli għall-każijiet ta' ħtif, qtil, tortura u vjolenza sesswali;
D. billi l-vjolenza fil-Lvant tar-RDK kkawżat aktar minn 2 000 vittma fl-2020; billi l-vjolenza żdiedet anke aktar mill-bidu tal-2021; billi ċ-ċivili, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa u tfal, huma fil-mira tal-vjolenza ripetuta, li rriżultat fil-mewt ta' aktar minn 150 persuna bejn il-11 ta' Diċembru 2020 u l-10 ta' Jannar 2021; billi sal-ewwel xahrejn tal-2021, aktar minn 100 persuna nħatfu u ħafna oħrajn indarbu; billi l-infrastruttura medika u r-riżorsi naturali nqerdu, u ġie rrapportat li d-djar ingħataw in-nar; billi l-konsegwenzi umanitarji ta' din il-vjolenza huma kawża ta' tħassib; billi sal-lum in-NU rreġistraw aktar minn 67 000 persuna spostata;
E. billi, skont il-Kivu Security Tracker, ġew irrapportati 152 każ ta' qtil ċivili, 61 każ ta' ħtif għal riskatt u 34 każ ta' sekwestru ta' persuna kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar ta' Kivu mill-1 ta' Jannar 2021;
F. billi fit-12 ta' Marzu 2017, irġiel armati qatlu żewġ investigaturi tan-NU – Zaida Catalán, Żvediża, u Michael Sharp, Amerikan – u l-interpretu tagħhom Betu Tshintela waqt li kienu qed jiddokumentaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun ċentrali ta' Kasai fir-RDK;
G. billi r-RDK għandha waħda mill-ogħla rati ta' spostament intern fid-dinja; billi aktar minn ħames miljun persuna ġew spostati minħabba nuqqas ta' sigurtà fi ħdan il-fruntieri tal-pajjiż; billi ħafna nisa u tfal jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji, jorqdu barra jew fi spazji pubbliċi ffullati żżejjed u huma esposti għar-riskju ta' fastidju, attakk jew sfruttament sesswali; billi l-popolazzjonijiet spostati spiss ma jirċievu l-ebda servizz bażiku ta' salvataġġ u huma f'riskju ta' malnutrizzjoni u mard; billi mill-4 ta' Frar 2021, ġiet iddikjarata tifqigħa tal-Ebola fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Kivu;
H. billi l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji rrapporta żieda fil-każijiet ta' ħtif u attakki fuq ħaddiema u konvojs umanitarji, li ġiegħlu lill-organizzazzjonijiet umanitarji jipposponu t-twassil tal-għajnuna u jissospendu l-attivitajiet tagħhom; billi membri tas-soċjetà ċivili, inklużi attivisti, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, għadhom qed jiffaċċjaw fastidju, intimidazzjoni u attakki; billi ħafna minnhom jirriskjaw ħajjithom biex jiddefendu l-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;
I. billi l-mandat tal-MONUSCO jiskadi fl-20 ta' Diċembru 2021 u billi r-reġim ta' sanzjonijiet tar-RDK stabbilit bir-Riżoluzzjoni 1533 tan-NU jiskadi fil-1 ta' Lulju 2021; billi l-għadd ta' truppi u l-baġit allokat lill-MONUSCO qed ikomplu jonqsu;
J. billi f'Diċembru 2020, l-UE ġeddet is-sanzjonijiet immirati stabbiliti kontra ħdax-il uffiċjal tar-RDK responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;
K. billi r-Rapport tan-NU dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar ippubblikat fl-2010 ddokumenta 617-il każ ta' ksur serju kkorroborati tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK bejn l-1993 u l-2003; billi r-rapport ta dettalji dwar sensiela ta' rakkomandazzjonijiet, li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma ġewx implimentati; billi l-impunità għadha problema serja.
1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-qtil ta' Luca Attanasio, Moustapha Milambo u Vittorio Iacovacci, u jesprimi s-simpatija profonda tiegħu mal-familji tal-vittmi, il-Gvern tal-Italja u l-persunal nazzjonali tal-WFP; jiddeplora it-telf tal-ħajjiet u l-qtil ta' ċivili innoċenti;
2. Jappella biex issir investigazzjoni bir-reqqa, indipendenti u trasparenti taċ-ċirkostanzi tal-qtil; jilqa' l-impenn tal-President Tshisekedi li jniedi inkjesta u jħeġġeġ kemm lill-Gvern tar-RDK kif ukoll lill-mexxejja provinċjali biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet Taljani u man-Nazzjonijiet Uniti;
3. Jisħaq fuq il-fatt li hija r-responsabbiltà primarja tal-Gvern tar-RDK biex jiżgura s-sigurtà fit-territorju tiegħu u jipproteġi l-popolazzjonijiet tiegħu filwaqt li jħares ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż il-protezzjoni minn delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;
4. Jinsisti bil-qawwa li l-awtoritajiet tar-RDK għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itemmu l-attakki armati fuq ċivili u għandhom jinvestigaw bir-reqqa, b'mod indipendenti, effettiv u imparzjali kull qtil u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja permezz ta' proċessi ġusti;
5. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju mwettaq mill-milizzja lokali fil-Lvant tar-RDK; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ġustizzja u l-obbligu ta' rendikont għal dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentat fir-Rapport tan-NU dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar, kif ukoll għal delitti oħra mwettqa fir-RDK meqjusa bħala serji skont id-dritt internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali;
6. Iħeġġeġ lill-President Félix Tshisekedi jissodisfa l-impenn tiegħu li jiżgura li jinżammu responsabbli dawk responsabbli għall-qtil tal-investigaturi tan-NU Zaida Catalán u Michael Sharp u l-interpretu tagħhom Betu Tshintela, u jappella għal trasparenza sħiħa f'din l-investigazzjoni;
7. Jinsab imħasseb dwar il-persistenza ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali kontra ċivili fil-Lvant tar-RDK, inklużi eżekuzzjonijiet sommarji, vjolenza sesswali u sessista flimkien mar-reklutaġġ u l-użu fuq skala kbira ta' tfal minn gruppi armati, kif ukoll il-qtil ta' ċivili minn membri tal-forzi tas-sigurtà tar-RDK; jisħaq li dawn l-atti jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali; jiddeplora t-theddida kontinwa ta' vjolenza esperjenzata mill-popolazzjoni lokali, il-ħaddiema umanitarji u tal-iżvilupp, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-komunità diplomatika u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li joperaw fil-Lvant tar-RDK;
8. Jinsab estremament imħasseb dwar il-livelli kontinwi ta' impunità fil-pajjiż; jinnota li meta ma tiġix indirizzata l-impunità għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, dan jipperpetwa biss aktar abbużi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK iressqu malajr quddiem il-ġustizzja lill-awturi tal-attakk tat-22 ta' Frar 2021 u jieħdu passi serji biex issir ġustizzja tranżizzjonali;
9. Itenni l-appell tiegħu biex jiġu avvanzati r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tan-NU dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni dwar il-ħolqien ta' kmamar imħallta speċjalizzati fil-qrati tar-RDK li jippermettu kooperazzjoni bejn il-ġudikatura tar-RDK u l-komunità internazzjonali dwar il-prosekuzzjoni ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għat-tisħiħ tas-settur tal-ġustizzja nazzjonali kollu biex jittieħdu passi kontra reati li kkawżaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-forzi tas-sigurtà u tad-difiża; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK biex ineħħu minn fost l-uffiċjali tal-forzi tas-sigurtà u uffiċjali oħra tal-fergħa eżekuttiva lil dawk li ġew irrapportati min-NU u r-RDK u minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem minħabba li huma implikati fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' skrutinju formali bħala parti minn sforzi aktar mifruxa fir-riforma tas-settur tas-sigurtà, biex jiġi żgurat li jiġu impjegati l-aktar kandidati adegwati u li l-forzi tas-sigurtà jaġixxu b'mod konsistenti mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali; jappella lill-awtoritajiet biex itemmu l-appoġġ kollu li l-uffiċjali tal-forzi tas-sigurtà u l-mexxejja politiċi jagħtu lill-gruppi armati u jiżguraw li dawk responsabbli għal dan l-appoġġ jinżammu responsabbli fi proċessi ġusti;
11. Jappella lill-Gvern tar-RDK jadotta approċċ ta' tolleranza żero għall-kollaborazzjoni bejn il-mexxejja politiċi, il-forzi armati u l-pulizija, u l-gruppi armati;
12. Jappella lill-awtoritajiet tar-RDK jistabbilixxu b'mod urġenti programm effettiv ta' demobilizzazzjoni, diżarm u riintegrazzjoni (DDR) u strateġija għat-trattament ta' gruppi armati, b'appoġġ fit-tul biex jiġi evitat li jirritornaw l-eks ġellieda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jipprovdu assistenza umanitarja kritika lil mijiet ta' ġellieda demobilizzati li attwalment huma stazzjonati f'kampijiet tad-DDR bi provvisti tal-ikel skarsi u ebda aċċess għal kura medika adegwata;
13. Jisħaq fuq id-determinazzjoni tal-MONUSCO li tkompli tagħmel il-massimu tagħha biex tiżgura l-protezzjoni ta' ċivili f'konformità mal-mandat tagħha u biex tappoġġja l-isforzi nazzjonali biex jiġu kkonsolidati l-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż; jinnota li r-rwol tagħha għandu jiġi rriaffermat permezz ta' mandat ċar fejn għandhom jintlaħqu l-punti ta' riferiment relatati mas-sitwazzjoni tas-sigurtà qabel l-irtirar possibbli tagħha mir-reġjun;
14. Ifakkar li l-vjolenza fil-Lvant tar-RDK hija marbuta ħafna mal-kummerċ tal-materja prima; jenfasizza li kwalunkwe negozju, individwu, stat jew attur relatat ma' stat li jikkontribwixxi għat-twettiq ta' reati bħal dawn irid jitressaq quddiem il-ġustizzja; jilqa' d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt[6] f'Jannar 2021; jisħaq li dan ir-regolament iżomm lir-RDK fil-lista ta' pajjiżi meqjusa li huma milquta minn kunflitti u ta' riskju għoli; jinnota li l-akbar sfida għadha d-deheb artiġjanali, li l-ġestjoni tiegħu hija sors ta' instabbiltà fir-reġjun; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' aktar azzjoni dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja u l-imġiba kummerċjali responsabbli min-negozji li joperaw f'żoni ta' kunflitt;
15. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsiru aktar sforzi biex jinqata' l-finanzjament għall-gruppi armati involuti f'attivitajiet destabbilizzanti permezz tal-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali, inkluż deheb jew prodotti ta' organiżmi selvaġġi;
16. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà u dik umanitarja, speċjalment iż-żieda reċenti fl-għadd ta' persuni spostati internament fir-RDK, li għadha taffettwa serjament il-popolazzjoni ċivili; ifakkar fit-tħassib serju tiegħu dwar l-attivitajiet militari li għaddejjin ta' gruppi armati barranin u domestiċi u l-kuntrabandu tar-riżorsi naturali tar-RDK; jappella lill-investituri internazzjonali kollha, inkluża ċ-Ċina, biex jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt internazzjonali, l-istandards u l-aħjar prattiki tal-estrazzjoni responsabbli;
17. Jikkundanna l-qtil tal-ekogwardji tal-Park Nazzjonali ta' Virunga matul l-attakki li seħħew fl-2020; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK iżarma lir-ribelli mill-armi u jistabbilixxi mill-ġdid is-sigurtà fir-reġjun tal-Park;
18. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Kunsill tan-NU dwar is-Sigurtà tal-14 ta' Jannar 2021 bit-titolu "United Nations Strategy for Peace Consolidation, Conflict Prevention and Conflict Resolution in the Great Lakes region" (Strateġija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi, il-Prevenzjoni tal-Konflitti u r-Riżoluzzjoni tal-Konflitti fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar); iħeġġeġ lill-partijiet involuti biex ikomplu l-kooperazzjoni transfruntiera, inkluż permezz tal-Uffiċċju tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għal-Lagi l-Kbar, biex jindirizzaw il-vjolenza, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-impunità fil-Lvant tar-RDK;
19. Jappella lill-Gvern tar-RDK biex jiżgura governanza aħjar fil-livelli kollha tal-istat u tas-soċjetà, inkluż il-finanzi pubbliċi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jappella biex il-mekkaniżmu ta' sanzjonijiet tal-UE jintuża fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jisħaq fuq l-importanza li fl-2023 jiġi organizzat proċess elettorali kredibbli u li tiġi garantita sigurtà sostenibbli fil-Lvant tar-RDK;
20. Jappella lill-VP/RGħ, lid-delegazzjoni tal-UE u lill-missjonijiet tal-UE fir-RDK biex iżidu l-viżibbiltà tal-appoġġ tagħhom lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju fir-RDK permezz tal-għodod kollha disponibbli (jiġifieri politiċi, diplomatiċi u finanzjarji), bħala miżura protettiva li tipprovdi rikonoxximent għall-ħidma tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem u jirrikonoxxu r-rwol importanti tagħhom bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin jiġġieldu għall-istabbiltà u l-paċi fir-reġjun u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri;
21. Jappella lill-Unjoni Ewropea biex iżżid il-finanzjament għar-RDK biex tindirizza s-sottofinanzjament serju tal-aġenziji tan-NU li jaħdmu mal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali biex jipproteġu liċ-ċivili;
22. Jissottolinja bil-qawwa l-ħtieġa ta' kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani u l-istabbiliment ta' strateġija reġjonali mill-pajjiżi ġirien biex jiġu indirizzati l-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK; jappella biex il-missjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-sigurtà u t-titjib tas-sitwazzjoni umanitarja;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha.