Proċedura : 2021/2576(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B9-0177/2021

Testi mressqa :

RC-B9-0177/2021

Dibattiti :

PV 09/03/2021 - 22
PV 09/03/2021 - 23
CRE 09/03/2021 - 22
CRE 09/03/2021 - 23

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2021 - 11
PV 11/03/2021 - 18

Testi adottati :

P9_TA(2021)0088

<Date>{10/03/2021}10.3.2021</Date>
<RepeatBlock-NoDocSe> <NoDocSe>B9-0177/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0178/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0179/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0181/2021</NoDocSe></RepeatBlock-NoDocSe> } RC1
PDF 210kWORD 61k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Replacing>li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:</Replacing>

<TablingGroups>B9-0177/2021 (S&D)

B9-0178/2021 (ECR)

B9-0179/2021 (Renew)

B9-0181/2021 (PPE)</TablingGroups>


<Titre>dwar il-kunflitt Sirjan – 10 snin wara r-rewwixta</Titre>

<DocRef>(2021/2576(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Michael Gahler, Lukas Mandl, Antonio López-Istúriz White, Isabel Wiseler-Lima, Tom Vandenkendelaere, David Lega, Adam Jarubas, Janina Ochojska</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Marek Belka, Isabel Santos, Tonino Picula</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Nathalie Loiseau, Barry Andrews, Olivier Chastel, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Ryszard Antoni Legutko, Anna Fotyga, Karol Karski, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Elżbieta Rafalska, Jadwiga Wiśniewska, Veronika Vrecionová, Bogdan Rzońca, Ruža Tomašić, Hermann Tertsch, Elżbieta Kruk</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

<Depute>Nikolaj Villumsen, Fabio Massimo Castaldo</Depute>

</RepeatBlock-By>


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kunflitt Sirjan – 10 snin wara r-rewwixta

(2021/2576(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja[1], tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja[2], tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju[3], tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha[4], tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal[5] u tas-17 ta' Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI[6],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tas-6 ta' Marzu 2020, u l-aktar konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill tal-UE dwar is-Sirja tal-14 ta' Ottubru 2019, tas-16 ta' April 2018 u tat-3 ta' April 2017,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sirja, fosthom dawk ta' Frar 2020 dwar l-aċċess umanitarju f'Idlib, tat-13 ta' Jannar 2020 u tas-26 ta' Settembru 2019 dwar is-Sirja, u tad-9 ta' Ottubru 2019 dwar l-iżviluppi fil-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/30 tal-15 ta' Jannar 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[7], li żdiedet il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sirjan il-ġdid mal-lista ta' sanzjonijiet tal-UE kontra dawk responsabbli għat-trażżin vjolenti fis-Sirja,

 wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja, adottata fit-3 ta' April 2017, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE relatata mas-Sirja u mal-Iraq u mat-theddida rrappreżentata mill-ISIL/Daesh, adottata fis-16 ta' Marzu 2015,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tan-NU u l-Unjoni Ewropea bħala l-Presidenti Konġunti tar-raba' Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun, li saret fit-30 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja, inklużi dawk tal-kelliem tiegħu tal-1 u tat-18 ta' Frar 2020,

 wara li kkunsidra l-aktar dikjarazzjoni reċenti tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, Geir O. Pedersen, indirizzata lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-22 ta' Jannar 2021,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rilevanti għas-Sirja sa mill-2011, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2254 (2015) li tapprova pjan direzzjonali għal proċess ta' paċi fis-Sirja, ir-Riżoluzzjoni 2249(2015) dwar l-Istat Iżlamiku fl-Iraq u fis-Sirja u r-Riżoluzzjoni 2533(2020) li ġġedded il-punt ta' qsim tal-fruntiera ta' Bab al-Hawa sal-10 ta' Lulju 2021 għall-għajnuna umanitarja,

 wara li kkunsidra l-aħħar rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ippreżentata lill-UNHRC fl-1 ta' Marzu 2021,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 2016 li tistabbilixxi l-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unicef tat-28 ta' Frar 2021 dwar ir-riintegrazzjoni u r-ripatrijazzjoni sikuri tat-tfal kollha fil-kamp ta' Al-Hol u madwar il-Grigal tas-Sirja, kif ukoll ir-Rapport 2020 tal-Unicef dwar is-Sitwazzjoni Umanitarja fis-Sirja Kollha tat-2 ta' Frar 2021,

 wara li kkunsidra t-twaqqif, fl-2011, tas-Segretarjat tan-Network tal-UE għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, tad-delitti kontra l-umanità u tad-delitti tal-gwerra, li hu ospitat minn Eurojust,

 wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali[8], il-Pjan ta' Azzjoni tiegħu tal-2004, maħsub biex jikseb ir-ratifika u l-implimentazzjoni universali tal-QKI, kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE rivedut tal-2011,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-QKI,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-NU u l-konvenzjonijiet tan-NU li s-Sirja hija Stat parti tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

 wara li kkunsidra l-Komunikati ta' Ġinevra appoġġati min-NU tal-2012 u l-2014,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-aħħar ta' Frar 2011 f'Deraa, ir-reġim Sirjan arresta, żamm f'detenzjoni u ttortura tfal Sirjani talli kitbu slogans ta' kritika kontra l-President Bashar Al-Assad mal-ħitan tal-belt; billi fil-15 ta' Marzu 2011 eluf ta' Sirjani niżlu fit-toroq ta' Deraa u ta' Damasku, fi kwantitajiet rekord, biex jitolbu riformi demokratiċi, il-ħelsien tad-detenuti politiċi, il-waqfien tat-torturi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, elezzjonijiet liberi u ġusti, u li tintemm il-korruzzjoni; billi matul diversi snin dawn il-protesti popolari nxterdu mal-pajjiż kollu, fil-bliet il-kbar bħal Homs, Hama, Idlib u l-kwartieri popolari ta' Aleppo u Damasku, kif ukoll fi bliet iżgħar bħal Al-Hasakah fil-Grigal u Kafr Nabl fil-Majjistal;

B. billi r-rewwixta Sirjana tal-2011 kienet turija tad-diversità etnika u reliġjuża tas-Sirja, u involviet mexxejja tal-gruppi etniċi u reliġjużi kollha u tal-provinċji kollha tal-pajjiż;

C. billi r-reġim Sirjan irrisponda għall-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tal-poplu tiegħu bi brutalità assoluta eżerċitata mill-forzi tas-sigurtà Sirjani u mill-milizji alleati taħt il-kmand tagħhom; billi aktar minn nofs miljun ruħ tilfu ħajjithom waqt li aktar minn miljun ruħ indarbu; billi skont in-Network Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem (SNHR), minn Marzu 2011 'l hawn inqatlu aktar minn 230 000 ċivili, li minnhom 88 % inqatlu mir-reġim Sirjan, 3 % mill-forzi Russi, 2 % minn Daesh u 2 % mill-gruppi armati tal-oppożizzjoni; billi aktar minn 15 000 ċivili ġew ittorturati sal-mewt, 99 % minnhom fil-ħabsijiet tar-reġim; billi, minn dak iż-żmien, aktar minn 150 000 ċivili sfaw vittma ta' għajbien imġiegħel u għadhom detenuti, 88 % minnhom mir-reġim Sirjan, 6 % minn Daesh u 3 % mill-gruppi armati tal-oppożizzjoni; billi minn dak iż-żmien 'l hawn, aktar minn 3 400 membru tal-persunal tas-saħħa sfaw vittma ta' għajbien imġiegħel jew detenzjoni, 98 % minnhom mir-reġim Sirjan;

D. billi l-partijiet fil-kunflitt, inklużi l-forzi tal-gvern u l-alleati tagħhom, il-gruppi armati kontra l-gvern u l-organizzazzjonijiet terroristiċi elenkati min-NU bħall-ISIL/Daesh, wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem sa diversi gradi, inklużi delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; billi t-tattiċi użati kemm mir-reġim brutali kif ukoll mill-ġiħadisti kienu ffukati fuq il-qerda tal-forzi moderati u prodemokratiċi; billi dawk kollha responsabbli għal dawn id-delitti jeħtieġ li jwieġbu għal għemilhom;

E. billi r-reġim Sirjan uża armi kimiċi, missili Scud, artillerija konvenzjonali u bombi li jintefgħu mill-ajru, kif ukoll bombi bettija, bombi dispersivi u bombi inċendjarji fil-kwartieri ċivili densament popolati bħal Homs, Hama u n-naħa tal-Lvant ta' Aleppo; billi d-dimostranti paċifiċi midruba minn tiri ta' armi tan-nar mill-forzi tas-sigurtà Sirjani ġew imċaħħda mill-kura u ttorturati sal-mewt fl-isptarijiet militari u fiċ-ċentri ta' detenzjoni fil-pajjiż kollu, kif evidenzjat mir-rapport Caesar ippreżentat minn Franza lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f'Mejju 2014; billi l-familji sistematikament ma tħallewx jidfnu lill-mejtin tagħhom fiċ-ċimiterji; billi bliet sħaħ ġew assedjati u mġiegħla jsofru l-ġuħ deliberatament; billi seħħew każijiet ta' kkastigar kollettiv, qtil extraġudizzjarju u massakri multipli ta' mijiet ta' rġiel, nisa u tfal fil-bliet rurali, bħal pereżempju f'Mejju 2012 f'Houla; billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja rrappurtat dwar l-użu sistematiku tal-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra min-naħa tal-forzi tar-reġim Sirjan u l-milizji tagħhom;

F. billi n-Nazzjonijiet Uniti, permezz tal-mandat tal-Mibgħuta Speċjali tan-NU, bdew sensiela ta' inizjattivi biex jilħqu waqfien mill-ġlied bejn il-partijiet kollha, jinħelsu d-detenuti, jiġi garantit l-aċċess umanitarju għaż-żoni kollha tal-pajjiż, jiġu protetti l-ġurnalisti u l-NGOs u jinbeda djalogu inklużiv favur soluzzjoni politika tal-kunflitt li faqqa' wara l-2011; billi dan il-proċess u l-Kumitat Kostituzzjonali Sirjan (SCC) li għandu l-mandat min-NU għadhom wieqfa;

G. billi l-Kumitat Kostituzzjonali Sirjan ġie stabbilit f'Ottubru 2019 bil-mandat li jsib soluzzjoni politika għall-kunflitt Sirjan, taħt l-awspiċi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja u f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2254(2015) tal-KSNU; billi, minkejja n-nuqqasijiet strutturali tiegħu u r-reżistenza kontinwa ta' Assad rigward il-kooperazzjoni kostruttiva fi ħdan il-Kumitat Kostituzzjonali Sirjan, dan jibqa' strument kruċjali biex tinkiseb riżoluzzjoni politika paċifika għall-kunflitt;

H. billi r-Russja, appoġġata miċ-Ċina, użat il-veto f'16-il riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mill-2011, fosthom riżoluzzjoni dwar id-differiment tas-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u riżoluzzjoni dwar iż-żieda fl-aċċess umanitarju; billi l-Iran u l-Hezbollah kienu involuti direttament biex isostnu t-trażżin taċ-ċivili min-naħa tar-reġim Sirjan; billi r-Russja ilha mill-2015 tinvesti riżorsi loġistiċi, diplomatiċi u finanzjarji biex torganizza intervent militari fuq skala kbira tal-forzi tal-ajru Russi b'appoġġ għar-reġim Sirjan;

I. billi t-Turkija ilha mill-2016 tintervjeni direttament fis-Sirja, bit-tir li tokkupa r-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiż, li fil-parti l-kbira tikkonsisti f'enklavi Kurdi Sirjani, bi ksur tad-dritt internazzjonali, fosthom billi invadiet, f'Ottubru 2019, territorji kkontrollati mill-Forzi Demokratiċi Sirjani; billi, b'reazzjoni għal dawn l-azzjonijiet min-naħa tat-Turkija, għadd ta' Stati Membri tal-UE ssospendew formalment il-bejgħ tal-armi lit-Turkija;

J. billi skont il-pajjiżi Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE, it-Turkija ttrasferiet merċenarji Sirjani lejn Nagorno-Karabakh;

K. billi l-Koalizzjoni Globali qed tkompli bl-isforzi tagħha fl-Iraq, fis-Sirja u globalment biex tfixkel l-ambizzjonijiet tal-ISIL/Daesh u l-attivitajiet tal-fergħat u n-networks tagħha;

L. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ssospendew ir-relazzjonijiet diplomatiċi mar-reġim Sirjan fl-2012; billi l-UE għalqet id-delegazzjoni tagħha f'Damasku f'Diċembru 2012, b'segwitu għall-għeluq tal-ambaxxati tal-Istati Membri li sar fil-bidu tal-2012;

M. billi l-Kunsill adotta sanzjonijiet fil-konfront ta' persuni u entitajiet involuti fit-trażżin taċ-ċivili, li ġew adottati fl-2011 u minn dak iż-żmien ġew estiżi, biex tintlaħaq soluzzjoni politika negozjata; billi dawn is-sanzjonijiet jipprevedu derogi umanitarji;

N. billi r-reazzjoni tar-reġim Sirjan għar-rewwixta wasslet għall-qerda tan-nisġa ekonomika u soċjali tas-Sirja; billi il-kollass tal-lira Sirjana ġie amplifikat mill-kollass tal-ekonomija Libaniża mill-2019, u mir-riperkussjonijiet ekonomiċi globali marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 minn Marzu 2020; billi l-prezz tal-prodotti bażiċi ogħla b'aktar minn 100 % mill-2019;

O. billi s-Sirja, li tinsab taħt pressjoni internazzjonali intensa, iffirmat u rratifikat il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi f'Ottubru 2013, wara li wettqet l-aktar attakk kimiku gravi tagħha sal-lum fuq kwartier ċivili fin-naħa tal-Lvant ta' Ghouta, sobborg fil-Lvant ta' Damasku; billi, minn dak iż-żmien, it-Tim ta' Investigazzjoni u Identifikazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) qies ir-reġim Sirjan responsabbli li uża armi kimiċi fuq iċ-ċivili diversi drabi; billi f'Lulju 2020 il-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW talab formalment, għal darb'oħra, lir-reġim Sirjan jiddikjara l-impjanti ta' armi kimiċi tiegħu;

P. billi b'riżultat tal-kunflitt, kważi 7 miljun persuna saru rifuġjati, aktar minn 13-il miljun persuna saru dipendenti mill-għajnuna umanitarja fis-Sirja, li minnhom 6 miljuni huma nisa u tfal, 6,8 miljun persuna ġew spostati internament u aktar minn 3 miljun persuna qed jgħixu f'żoni assedjati li diffiċli jintlaħqu; billi s-sena l-oħra biss, il-bżonnijiet umanitarji fis-Sirja żdiedu b'għoxrin fil-mija, u 4,5 miljun Sirjan ieħor qed jesperjenza insigurtà fir-rigward tal-ikel, filwaqt li 90 % tas-Sirjani qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar; billi l-aċċess umanitarju għall-popolazzjonijiet kollha fil-bżonn għadu fundamentali, u 40 % tal-popolazzjoni Sirjana tirrisjedi f'żoni mhux ikkontrollati mill-gvern; billi, barra mill-assistenza ġenerali tas-saħħa għall-popolazzjoni, il-pandemija tal-COVID-19 uriet kemm l-aċċess transfruntier għall-Majjistral u għall-Grigal tas-Sirja għadu kruċjali; billi x-xitwa u l-għargħar sussegwenti, li laqtu lil madwar 121 000 ruħ fi 304 siti IDP fil-Majjistral tas-Sirja, ġabu magħhom livell addizzjonali ta' tbatija għal popolazzjoni li diġà kienet estremament vulnerabbli; billi l-Gvern Sirjan kompla jimponi restrizzjonijiet qawwija fuq it-twassil tal-għajnuna umanitarja f'żoni tas-Sirja okkupati mill-gvern u fi bnadi oħra fil-pajjiż;

Q. billi madwar 12 000 ċittadin barrani, li fil-parti l-kbira huma ssuspettati li għandhom rabtiet diretti jew indiretti mal-ISIL/Daesh, qed jinżammu f'seba' ħabsijiet immexxija mill-Forzi Demokratiċi Sirjani fil-Grigal tas-Sirja; billi 9 000 minnhom qed jinżammu fil-kamp ta' Al-Hol, l-akbar wieħed fis-Sirja, li jospita total ta' 64 000 persuna, fil-parti l-kbira familji b'rabtiet mal-ISIL/Daesh, li 94 % minnhom huma nisa u tfal, inklużi ċittadini tal-UE; billi l-kundizzjonijiet attwali huma allarmanti ħafna, speċjalment wara l-aktar każijiet ta' qtil reċenti rreġistrati mill-bidu ta' din is-sena;

R. billi l-kunflitt kellu impatt partikolarment serju fuq il-ħajja u d-drittijiet tal-bniedem tat-tfal fis-Sirja; billi, skont in-Network Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, aktar minn 29 500 tifel u tifla nqatlu, li minnhom 78 % mir-reġim Sirjan u mill-milizzji Iranjani, 7 % mill-forzi Russi u 3 % minn ISIL/Daesh; billi aktar minn 2,6 miljun tifla u tifel sfaw spostati internament minn djarhom u billi s-saħħa mentali ta' ħafna tfal Sirjani ġiet affettwata u se tkompli tiġi affettwata profondament mill-brutalità assoluta tal-kunflitt; billi l-fatt li t-tfal fis-Sirja ma jistgħux jiksbu dokumenti tar-reġistrazzjoni tat-twelid u tal-identità jpoġġihom f'riskju ta' apolidija; billi miljuni ta' tfal tilfu snin ta' edukazzjoni, u billi attwalment hemm 2,8 miljun tifel u tifla li mhumiex jattendu l-iskola fis-Sirja;

S. billi l-attakki ma jaqtgħu xejn fuq il-faċilitajiet tas-saħħa qerdu s-sistema tas-saħħa Sirjana, u ħallew lis-Sirjani f'diffikultà biex jegħlbu l-isfidi kkawżati bil-kriżi tal-COVID-19;   billi anqas minn 64 % tal-isptarijiet u 52 % taċ-ċentri ta' assistenza tas-saħħa primarja fis-Sirja huma operattivi; billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), 70 % tal-persunal tas-saħħa ħarab mill-pajjiż;

T. billi l-attakki regolari fuq il-faċilitajiet tas-saħħa kkaratterizzaw sa mill-bidu nett il-kunflitt Sirjan, bi ksur sfaċċat tad-dritt umanitarju internazzjonali, u ppersistew fl-2020 matul il-pandemija; billi f'dawn l-aħħar għaxar snin żdied ir-rikonoxximent internazzjonali tan-natura sistematika tal-attakki fuq il-faċilitajiet tas-saħħa fis-Sirja, iżda ma kienx faċli li tiġi stabbilita b'mod ċar ir-responsabbiltà għal dawn l-attakki minkejja r-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 2139 (2014) u 2286 (2016); billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti waqqaf Bord ta' Inkjesta intern tan-Nazzjonijiet Uniti, li eżamina numru limitat ta' inċidenti li seħħew fil-Majjistral tas-Sirja bejn Settembru 2019 u April 2020;

U. billi l-prattikanti umanitarji u dawk li jappoġġjaw il-kawża umanitarja qed ikomplu jqajmu tħassib dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tal-persuni rimpatrijati u tal-individwi spostati fid-dawl tal-kundizzjonijiet f'ħafna żoni tal-pajjiż u l-mistoqsijiet li jqajjem l-approċċ tal-Gvern Sirjan fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni politika;

V. billi mill-2011 l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 20 biljun f'għajnuna umanitarja, għall-istabbilizzazzjoni u għar-reżiljenza għas-Sirjani f'pajjiżhom u fil-pajjiżi ġirien; billi l-UE kienet il-forza motriċi tal-konferenzi b'appell għal wegħdiet ta' donazzjonijiet għas-Sirja li saru fi Brussell f'erba' snin konsekuttivi (2017-2020), u l-ħames konferenza ta' Brussell li għandha ssir fid-29 u t-30 ta' Marzu 2021;

W. billi r-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2533 (2020) tal-11 ta' Lulju 2020 dwar l-għajnuna trasnfruntiera ġeddet biss il-punt ta' qsim tal-fruntiera ta' Bab al-Hawa, għal perjodu ta' sena sal-10 ta' Lulju 2021, u b'hekk ingħalqu l-punti ta' qsim tal-fruntiera ta' Bab al-Salam, Al Yarubiyah u Al-Ramtha;

X. billi mill-2011 miljuni ta' Sirjani tneħħewlhom id-drittijiet tal-proprjetà tagħhom permezz ta' liġijiet ġodda dwar il-proprjetà Sirjana kontra dawk li jkunu qed jevitaw is-servizz militari jew jaħarbu mill-pajjiż mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel;

Y. billi l-Għoljiet tal-Golan huma territorju Sirjan u ilhom okkupati mill-Istat ta' Iżrael mill-1967;

Z. billi twettqu numru ta' attakki fuq il-wirt kulturali minn partijiet differenti matul il-kunflitt, inklużi l-qerda u s-sakkeġġ ta' siti arkeoloġiċi minn ISIL/Daesh u t-twaqqigħ, is-sakkeġġ u l-qerda ta' siti arkeoloġiċi u ta' santwarji u oqbra tal-Yazidi mill-Armata Nazzjonali Sirjana f'Afrin;

AA. billi l-Istatut ta' Ruma tal-QKI, iffirmat u ratifikat mill-Istati Membri kollha, jafferma li jeħtieġ li l-aktar delitti serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi – b'mod partikolari l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra – ma jistgħux jibqgħu impuniti;

AB. billi l-Istati Membri rratifikaw l-Istatut ta' Ruma tal-QKI mill-2009; billi fl-2011 il-Kunsill waqqaf is-Segretarjat tan-Network tal-UE għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, tad-delitti kontra l-umanità u tad-delitti tal-gwerra, li hu ospitat minn Eurojust, billi l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja tistieden lill-UE tippromwovi l-obbligu ta' rendikont għad-delitti tal-gwerra kommessi fis-Sirja, bil-għan li jkunu aġevolati proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali u ġustizzja tranżizzjonali;

AC. billi fl-2018 għall-ewwel darba tnediet Skwadra ta' Investigazzjoni Konġunta (SIK) immexxija mill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-fi Franza u l-Ġermanja biex tiffaċilita l-arrest u l-prosekuzzjoni tal-kriminali tal-gwerra Sirjani b'segwitu għall-pubblikazzjoni tar-rapport Caesar, li kixef il-prattiki sistematiċi li bihom mijiet ta' eluf ta' nisa u rġiel fiċ-ċentri ta' detenzjoni Sirjani mill-2011 tħallew bil-ġuħ u ġew ittorturati;

1. Jesprimi s-sostenn tiegħu għall-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Sirjan li, 10 snin ilu fil-15 ta' Marzu 2011, għamel dimostrazzjoni paċifika biex jitlob riformi demokratiċi f'Deraa, f'Damasku u fil-bqija tal-pajjiż; jagħti ġieħ lill-500 000 vittma tar-repressjoni u tal-kunflitt fis-Sirja mill-bidu tar-rewwixta popolari; jemmen li l-futur tas-Sirja għandu jibqa' f'idejn il-poplu Sirjan; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istat Sirjan u l-poplu tiegħu;

2. Jesprimi tħassib kbir dwar l-istaġnar politiku persistenti, u jfaħħar l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Geir O. Pedersen, biex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt; jikkondividi t-tħassib tal-Mibgħut Speċjali dwar in-nuqqas ta' progress; jafferma mill-ġdid li ma tistax tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt Sirjan b'mod militari; huwa wkoll imħasseb minħabba l-kollass ekonomiku u l-kriżi umanitarja diżastruża li qed jolqtu lis-Sirja;

3. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2254 (2015), li tistabbilixxi proċess ta' riforma kostituzzjonali mmexxi mis-Sirja; jesprimi dispjaċir kbir għan-nuqqas ta' impenn min-naħa tar-reġim Sirjan, minkejja l-impenn ripetut u d-disponibbiltà murija mill-movimenti tal-oppożizzjoni Sirjana li jinnegozjaw mar-reġim Sirjan fl-abbozzar ta' kostituzzjoni Sirjana ġdida; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li jinħoloq mekkaniżmu ta' monitoraġġ, verifika u rapportar tal-waqfien mill-ġlied taħt it-tmexxija tan-NU;

4. Jopponi kwalunkwe normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet diplomatiċi mar-reġim Sirjan sakemm fis-Sirja ma jsirx progress fundamentali fil-post, b'impenn ċar, kostanti u kredibbli fi proċess politiku inklużiv; iqis li l-elezzjonijiet presidenzjali Sirjani li jmiss tal-2021 huma nieqsa minn kwalunkwe kredibbiltà f'għajnejn il-komunità internazzjonali fil-kuntest attwali; jikkundanna bil-qawwa l-laqgħat ta' Membri tal-Parlament Ewropew mar-reġim Sirjan, u jenfasizza li dawk il-Membri ma jirrappreżentawx lill-Parlament Ewropew;

5. Jiddispjaċih li xi atturi komplew jaqsmu oppożizzjoni Sirjana frammentata, billi ostakolaw il-Proċess ta' Ġinevra;

6. Jikkundanna bil-qawwa kull atroċità u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, b'mod partikolari mir-Reġim ta' Assad, iżda wkoll minn atturi Russi, Iranjani u Torok, u jistieden lir-Russja, lill-Iran u lill-Hezbollah jirtiraw il-forzi kollha taħt il-kmand tagħhom, inklużi dawk irregolari, bl-eċċezzjoni ta' dawk li jkunu qed jipparteċipaw f'forzi internazzjonali għaż-żamma tal-paċi jew tal-istabbilizzazzjoni taħt il-mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddeplora r-rwol tar-Russja u tal-Iran talli sostnew ir-repressjoni totali tar-reġim Sirjan fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili u talli ħadu l-kontroll tal-proċess politiku u tar-riżorsi ekonomiċi fis-Sirja;

7. Jistieden lit-Turkija tirtira t-truppi tagħha mit-Tramuntana tas-Sirja, territorju li tokkupa illegalment u mingħajr mandat tan-Nazzjonijiet Uniti; jikkundanna t-trasferimenti illegali ta' Sirjani Kurdi mit-territorju okkupat fit-Tramuntana tas-Sirja lejn it-Turkija għal skopijiet ta' detenzjoni u prosekuzzjoni, bi ksur tal-obbligi internazzjonali tat-Turkija fil-qafas tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; iħeġġeġ biex id-detenuti Sirjani kollha li ġew trasferiti lejn it-Turkija jiġu rimpatrijati minnufih lejn it-territorji okkupati fis-Sirja; huwa inkwetat bil-fatt li l-ispostamenti li qegħdin isiru fit-Turkija jaf ikunu ekwivalenti għal tindif etniku kontra l-popolazzjoni Kurda Sirjana; jenfasizza li l-intervent tat-Turkija dgħajjef l-isforzi internazzjonali kontra ISIL/Daesh; jikkundanna bil-qawwa l-użu min-naħa tat-Turkija ta' merċenarji Sirjani fil-kunflitti fil-Libja u fin-Nagorno-Karabakh, bi ksur tad-dritt internazzjonali;

8. Jemmen bis-sħiħ fid-diversità reliġjuża u etnika tas-Sirja; jiddeplora d-diskriminazzjoni min-naħa tar-reġim Sirjan kontra s-Sirjani Kurdi; jikkundanna l-attakki mmirati tar-reġim Sirjan kontra l-ilħna kritiċi, bħar-rebbieħ tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew Ali Ferzat għall-kritika tiegħu kontra l-President Assad, kif ukoll l-attakki tar-reġim Sirjan kontra 124 knisja Kristjana, li ġew dokumentati min-Network Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem; jikkundanna bil-qawwa l-assassinju ta' minoranzi reliġjużi min-naħa ta' ISIL/Daesh, partikolarment id-delitti ta' ġenoċidju kontra l-Yazidi u persuni ta' twemmin Musulman Xiita u Kristjan bejn l-2014 u l-2018; jiddeplora bil-qawwa l-persekuzzjoni tal-minoranzi taħt il-gruppi armati tal-oppożizzjoni;

9. Ifakkar lill-komunità internazzjonali fil-gravità u l-kobor tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja mwettaq mill-partijiet differenti involuti fil-kunflitt; jissottolinja r-responsabbiltà kbira tar-reġim Sirjan fid-deċiżjoni tiegħu li jirrispondi għal protesti paċifiċi b'repressjoni totali u b'mezzi tal-waħx; ifakkar fl-importanza tar-rapport Caesar u l-konferma, ippreżentata lill-KSNU minn Franza fl-2014, tal-kredibbiltà tar-ritratti tal-11 000 priġunier identifikati li tħallew bil-ġuħ u ġew ittorturati għall-mewt f'ċentri ta' detenzjoni u sptarijiet militari fl-inħawi ta' Damasku bejn l-2011 u l-2013; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU ta' Marzu 2021 biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' mekkaniżmu indipendenti b'mandat internazzjonali u approċċ immexxi mill-vittmi biex jinstabu l-persuni neqsin jew il-fdalijiet tagħhom, inklużi dawk misjuba f'oqbra tal-massa;

10. Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' 550 ġurnalist internazzjonali u Sirjan min-naħa tar-reġim Sirjan u għexieren oħra min-naħa ta' ISIL/Daesh u gruppi armati oħra; jistieden lir-reġim Sirjan jeħles minnufih lill-400 ġurnalist li, skont in-Network Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, qiegħed iżomm f'detenzjoni;

11. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra kontra n-nisa, sew jekk mir-reġim Sirjan u l-milizzji tiegħu kif dokumentat mill-Kumitat Indipendenti Internazzjonali tan-NU, u sew jekk minn ISIL/Daesh fuq nisa Yazidi u Xiiti; ifakkar fir-rwol tan-nisa fir-rewwixta tal-2011 u l-importanza fundamentali tal-inklużjoni tan-nisa fil-livelli kollha tal-istrutturi tal-poter politiku, ekonomiku u ġudizzjarju tas-Sirja, inkluż fil-ġustizzja tranżizzjonali; itenni l-importanza li n-nisa u ż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-proċess ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti;

12. Itenni l-kundanna l-aktar qawwija tiegħu fil-konfront tal-attakki mill-ajru Russi li qatlu total ta' aktar minn 6 900 persuna ċivili, – fosthom 2 000 tifel u tifla – permezz ta' munizzjonijiet dispersivi, bombi termobariċi u missili fuq distanza twila, immirati lejn ċentri tal-midja indipendenti, sptarijiet, infrastruttura umanitarja, inklużi 'l fuq minn 207 faċilità medika, skont in-Network Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, u unitajiet tad-difiża ċivili Sirjani bħal membri tal-organizzazzjoni umanitarja tal-Elmi Bojod; jikkundanna t-tentattivi tar-Russja li tħammeġ ir-reputazzjoni tal-Elmi Bojod fil-midja tal-Punent permezz ta' kampanja ta' diżinformazzjoni aggressiva u sostnuta fuq il-midja soċjali; jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-involviment ta' ajruplani tal-gwerra Russi fl-attakki kimiċi tar-reġim Sirjan, bħal fil-massakru kimiku ta' Khan Sheikhoun f'April 2017, segwit minnufih mill-bumbardament – min-naħa ta' ajruplani tal-gwerra Russi – tal-uniku sptar fejn kienu qed jingħataw kura l-vittmi;

13. Iħeġġeġ lir-reġim Sirjan jeħles minnufih lill-130 000 priġunier politiku li qed jinżammu arrestati inġustament, inklużi nisa, irġiel u tfal li sfaw vittmi ta' għajbien sfurzat min-naħa tal-forzi tas-sigurtà Sirjani; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku ta' tortura, trattamenti inumani u vjolenza sesswali fil-kundizzjonijiet orribbli li qed jinżammu fihom, mingħajr ebda aċċess għal qorti ċivili, għal avukat, għal kura medika jew għall-familji tagħhom; jenfasizza li qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet bażiċi tagħhom għal proċess ġust, inkluż biż-żamma ta' informazzjoni dwar l-arrest tagħhom u bl-użu tat-tortura biex jiġu mġiegħla jammettu ħtija li m'għandhomx; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani biex, mingħajr ebda eċċezzjoni, jagħtu aċċess immedjat u bla xkiel għall-faċilitajiet ta' detenzjoni lill-NGOs umanitarji u l-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ internazzjonali rikonoxxuti mingħajr preavviż;

14. Jenfasizza li ISIL/Daesh għadu attiv fir-reġjun u ma ġiex megħlub; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diffikultajiet affaċċjati biex tiġi ppreservata u jinkiseb aċċess fir-rigward ta' evidenza ta' delitti mwettqa minn ISIL/Daesh u biex jiġi żvelat id-destin ta' dawk maħtufa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-isforzi fuq il-post biex tiġi dokumentata u ppreservata l-evidenza ta' dawk id-delitti; jilqa' l-l-prsekuzzjoni ta' ċittadini tal-UE u ta' pajjiżi terzi li ssieħbu ma' ISIL/Daesh;

15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-ritorn ta' ISIL/Daesh fil-Grigal tas-Sirja; ifaħħar l-isforzi tal-koalizzjoni internazzjonali kontra ISIL/Daesh; jenfasizza l-importanza ta' impenn kontinwu u fit-tul min-naħa tal-Istati Uniti fil-koalizzjoni; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra ISIL/Daesh, u jissottolinja l-kontribut sinifikanti tal-Forzi Demokratiċi Sirjani (FDS) bħala alleat fil-ġlieda kontra ISIL/Daesh;

16. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet dejjem akbar fil-Kurdistan Iraqi, li f'dawn l-aħħar snin gawda aktar stabbiltà mis-Sirja u pprovda kenn sikur lil rifuġjati Sirjani;

17. Jafferma mill-ġdid li l-persuni responsabbli għal dawn id-delitti kriminali internazzjonali l-aktar serji għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja kif dovut, inkluż mill-Istati Membri tal-UE, fin-nuqqas ta' proċessi ta' ġustizzja tranżizzjonali internazzjonali jew nazzjonali oħra; jenfasizza l-importanza essenzjali li tissolva l-kwistjoni ta' dawk miżmuma u li sfaw vittmi ta' għajbien sfurzat min-naħa tal-partijiet kollha involuti fil-kunflitt bħala parti fundamentali minn kwalunkwe proċess tranżitorju bil-għan li tinkiseb il-paċi;

18. Ifakkar li l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) għandha tibqa' l-ġuriżdizzjoni primarja għall-ġustizzja internazzjonali f'każijiet ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u delitti ta' aggressjoni; iqis li n-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont jipprovdi bażi għal aktar atroċitajiet u jżid it-tbatija tal-vittmi; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-awturi kollha jinżammu responsabbli, partikolarment bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ġuriżdizzjoni universali, u li jingħata kumpens lill-vittmi; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' miżuri ta' ġustizzja riparatriċi ma tistax tistenna sa tmiem il-kunflitt u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ tagħhom għall-proċessi mmexxija minn gruppi rappreżentattivi ta' Sirjani; jikkundanna bil-qawwa s-16-il veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti min-naħa tar-Russja, bl-appoġġ taċ-Ċina, biex is-Sirja titressaq quddiem il-QKI;

19. Jilqa' l-ewwel sentenza li qatt ingħatat fil-konfront ta' uffiċjal tas-sigurtà tar-reġim Sirjan għal kompliċità f'delitti kontra l-umanità fl-24 ta' Frar 2021 mill-qorti ta' Koblenz fil-Ġermanja;

20. Ifaħħar l-isforzi magħmula mill-Istati Membri tal-UE mill-2019 'l hawn biex jiżguraw appoġġ internazzjonali wiesa' għal garanzija ta' finanzjament fit-tul għall-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011 (MIII) fil-baġit ġenerali tan-NU;

21. Jilqa' l-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta Franko-Ġermaniża b'appoġġ għall-prosekuzzjoni fil-konfront tad-delitti kontra l-umanità ddokumentati mir-rapport Caesar; jilqa' l-mandati ta' arrest internazzjonali maħruġa miż-żewġ pajjiżi fl-2018 biex jiġu arrestati tliet uffiċjali tas-sigurtà ta' livell għoli; ifaħħar ir-rwol tal-NGOs Sirjani lokali fil-verifika, id-dokumentazzjoni, il-ġbir u l-protezzjoni tal-evidenza ta' delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, kif ukoll ir-rwol komplementari ta' NGOs bħall-Kummissjoni għall-Ġustizzja u r-Responsabbiltà Internazzjonali fl-assistenza lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji Ewropej biex jittieħdu passi effettivi fil-konfront ta' kriminali tal-gwerra preżenti fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-UE tipprovdi aktar taħriġ legali lis-Sirjani biex ikunu jistgħu jiżvolġu rwol fil-ġlieda kontra l-impunità;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-impunità, b'kapitlu speċifiku dwar is-Sirja; jenfasizza li dan il-pjan ta' azzjoni għandu jara li jkun hemm aktar koordinament u armonizzazzjoni fir-riżorsi u l-isforzi u tal-Istati Membri biex il-kriminali tal-gwerra jitressqu quddiem il-ġustizzja fl-UE; hu tal-fehma li l-ġustizzja tranżizzjonali għandha rwol fundamentali biex tiġi żgurata l-paċi fit-tul; jistieden lill-UE tniedi fond Ewropew apposta għall-vittmi ta' delitti kontra l-umanità fis-Sirja;

23. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-koordinament fil-qasam tar-riżorsi ġudizzjarji, tal-pulizija u tal-immigrazzjoni bl-iżvilupp ta' ġuriżdizzjonijiet komuni sabiex jiġu mutwalizzati l-kompetenzi ġudizzjarji tagħhom u tiġi ffaċilitata l-prosekuzzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri li huma mgħammra aħjar għandhom jikkondividu l-esperti u l-interpreti tagħhom sabiex jiġu ffaċilitati investigazzjonijiet effiċjenti u effettivi, filwaqt li kull Stat Membru għandu jagħmel ħiltu biex jaħtar prosekutur apposta għal dawn id-delitti sabiex jitħaffu l-isforzi ta' koordinament fil-qasam ġudizzjarju;

24. Jistieden lill-Istati Membri jikkondividu awtomatikament, fil-livell tal-UE, informazzjoni dwar persuni li jkun suspettat li huma kriminali tal-gwerra skont l-Artikolu 1f tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra; hu tal-fehma li hemm bżonn ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u l-prosekuturi pubbliċi dwar persuni li jkun suspettat li huma kriminali tal-gwerra fil-livell nazzjonali;

25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE, mingħajr ebda eċċezzjoni, biex jikkooperaw bis-sħiħ fil-ġlieda kontra l-impunità; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' ċerti Stati Membri fil-prosekuzzjoni ta' kriminali tal-gwerra Sirjani;

26. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi Ewropej immexxija min-Netherlands minn Settembru 2020 biex jinfetħu proċedimenti legali kontra s-Sirja fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) għal ksur tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura;

27. Jistieden lill-Istati Membri biex, fil-konferenza li jmiss tal-OPCW fir-rebbiegħa tal-2021, jitolbu s-sospensjoni tas-sħubija tas-Sirja fl-OPCW talli ffalsifikat l-evidenza tal-użu ta' armi kimiċi; jerġa' jesprimi x-xokk u l-kundanna tiegħu għat-336 attakk kimiku dokumentat min-naħa tar-reġim Sirjan bl-użu ta' gass tal-kloru, sarin u mustarda tal-kubrit fuq il-popolazzjoni ċivili;

28. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki fuq il-ħaddiema umanitarji minn kull naħa, speċjalment mir-reġim Sirjan u l-ISIL/Daesh; jirrimarka li r-reġim Sirjan għandu responsabbiltà partikolari għall-qtil immirat ta' ħaddiema umanitarji sa mill-2011; jenfasizza r-responsabbiltà kbira tar-Russja għall-attakki fuq il-ħaddiema umanitarji, partikolarment għall-bumbardament ta' 21 sptar temporanju ta' Médecins Sans Frontières (MSF) f'Ottubru 2015;

29. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar it-tbatija kontinwa tal-poplu Sirjan, 10 snin mindu beda l-kunflitt; jesprimi tħassib partikolari dwar il-fatt li, fl-aħħar sena biss, il-bżonnijiet umanitarji fis-Sirja żdiedu b'għoxrin fil-mija, u li 4,5 miljun Sirjan ieħor issa qegħdin f'kundizzjoni ta' insigurtà fir-rigward tal-ikel, filwaqt li 90 % qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar; iqis li l-aċċess umanitarju għandu jibqa' prijorità ċentrali għall-UE fis-Sirja, u li ż-żieda fil-bżonnijiet tirrikjedi rispons finanzjarju u politiku akbar min-naħa tal-UE; jinnota li r-riżoluzzjoni 2533 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-qsim tal-fruntiera f'Bab al Hawa waslet biex tiġġedded f'Lulju 2021; jiddispjaċih li r-Russja u ċ-Ċina astjenew mill-aħħar votazzjoni minflok ma vvutaw favur ir-riżoluzzjoni; hu tal-fehma li t-twassil transfruntier tal-assistenza umanitarja għall-persuni li bħalissa jiddependu fuq il-konsenja transfruntiera mhuwiex affidabbli; ifakkar li 2,4 miljun Sirjan jiddependu fuq il-qsim tal-fruntiera għas-sopravivenza tagħhom u li jekk dan ma jiġix estiż għal minimu ta' 12-il xahar ikollu konsegwenzi serji u ta' theddida għall-ħajja; jikkundanna l-azzjonijiet ta' dawk il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ppruvaw jillimitaw l-aċċess umanitarju għal skopijiet politiċi; iħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jagħtu l-appoġġ tagħhom għat-tiġdid tar-riżoluzzjoni dwar il-konsenja transfruntiera sabiex tiġi evitata kriżi umanitarja akbar u jiżguraw l-espansjoni u l-appoġġ għal interventi trasversali mwettqa f'konformità ma' prinċipji umanitarji; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata r-riawtorizzazzjoni immedjata tal-punti ta' qsim tal-fruntiera bejn Bab al-Salam u Yarubiyah f'konformità mar-riżoluzzjoni 74/169 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi żgurat li l-għajnuna tilħaq lill-popolazzjonijiet fil-bżonn kemm fil-Majjistral kif ukoll fil-Grigal permezz tal-aktar rotot diretti; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tasal esklużivament għand dawk li huma l-aktar fil-bżonn;

30. Jistieden lill-komunità internazzjonali tindirizza b'urġenza l-livelli rekord ta' bżonnijiet umanitarji tal-poplu Sirjan ġewwa u barra s-Sirja; iħeġġeġ lill-UE biex, bħala dik li laqqgħet il-Ħames Konferenza tad-Donaturi ta' Brussell dwar is-Sirja, timmobilizza donaturi internazzjonali oħra biex jiżdied l-appoġġ għas-settur tas-saħħa fil-Pjan ta' Risposta Umanitarja fis-Sirja permezz ta' finanzjament akbar, flessibbli u pluriennali li jkopri l-bżonnijiet tal-popolazzjoni fit-tul; jistieden lid-donaturi internazzjonali jinvestu speċifikament fi programmi li jsewwu, jirrestawraw u jsaħħu l-faċilitajiet tas-saħħa li saritilhom ħsara jew inqerdu, flimkien ma' infrastrutturi ċivili oħra li ġarrbu ħsara;

31. Iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jinkludi appelli espliċiti għall-protezzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa fir-riżoluzzjonijiet tan-NU u d-diskussjonijiet uffiċjali li ġejjin; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex, f'dan ir-rigward, joffru appoġġ politiku u operazzjonali għal inizjattivi ta' responsabbiltà u investigazzjonijiet immexxija min-NU favur ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali;

32. Jenfasizza, ftit jiem qabel il-Ħames Konferenza tad-Donaturi ta' Brussell tad-29 u t-30 ta' Marzu 2021, l-importanza mhux biss li jinżammu l-wegħdiet ta' assistenza umanitarja iżda li din l-assistenza favur is-Sirjani, il-persuni spostati internament u r-rifuġjati, kif ukoll il-komunitajiet milquta mill-kriżi fir-reġjun, tiżdied; jirrimarka l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu l-akbar donaturi umanitarji b'risposta għall-kriżi umanitarja fis-Sirja, tant li mill-2011 l-għajnuniet laħqu l-EUR 20 biljun; jesprimi tħassib serju dwar l-allegati pjanijiet tal-Gvern tar-Renju Unit li jnaqqas b'mod sinifikanti l-kontribuzzjonijiet tiegħu f'termini ta' għajnuna, inkluż tnaqqis ta' 67 % għas-Sirja u 88 % għal-Libanu;

33. Ifaħħar ir-rwol tal-istati ġirien li qed joffru solidarjetà u assistenza lir-rifuġjati Sirjani fil-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija u l-Iraq; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jiffinanzjaw programmi ta' assistenza umanitarja fil-pajjiżi ospitanti tar-rifuġjati, kif ukoll għall-persuni spostati internament fis-Sirja; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu l-finanzjament u l-appoġġ kollu li hemm bżonn biex jiġi żgurat li t-tfal rifuġjati Sirjani kollha fil-pajjiżi ospitanti jkollhom aċċess mhux biss għall-edukazzjoni primarja, iżda anke għall-edukazzjoni sekondarja; iħeġġeġ lill-pajjiżi ospitanti kollha jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex dan jinkiseb u jneħħu kwalunkwe ostaklu amministrattiv jew leġiżlattiv; iħeġġeġ lill-pajjiżi ospitanti jiffukaw fuq l-aċċess għall-impjiegi, is-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll id-dokumentazzjoni ċivika, u b'hekk irawmu l-kapaċità tar-rifuġjati li jaħdmu biex isiru indipendenti;

34. Jinnota li l-Fond Fiduċjarju Madad tal-UE b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana se jkun skada sa tmiem l-2021; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura mezzi finanzjarji għar-rispons umanitarju tal-UE għall-kriżi Sirjana taħt l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali, u tiżgura l-funzjonament bla xkiel tal-proġetti tagħha;

35. Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jagħtu l-appoġġ tagħhom għal assistenza umanitarja bbażata fuq il-prinċipji mingħajr ma jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet mar-reġim Sirjan; iwissi kontra l-investiment ta' assi finanzjarji tal-UE fir-rikostruzzjoni ġenerali tas-Sirja – sew direttament u sew indirettament – jekk ir-reġim Sirjan ma jimplimentax proċess politiku kredibbli; jitlob lill-VP/RGħ biex, bħala parti mill-ippjanar fit-tul għar-rispons fis-Sirja, jiżviluppa politika robusta dwar id-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem għal interventi ta' bini mill-ġdid fil-futur f'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili Sirjana, inkluż qafas ta' monitoraġġ b'indikaturi ddedikati għall-istandards tad-drittijiet tal-bniedem; jiddeplora l-pjanijiet kummerċjali Russi, Iranjani, Ċiniżi u Torok intiżi biex japprofittaw mill-qerda tas-Sirja;

36. Jistieden lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ is-sanzjonijiet fuq individwi u entitajiet involuti fir-repressjoni fis-Sirja; jenfasizza l-importanza li tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza negattiva mhux intenzjonata tas-sanzjonijiet permezz ta' eżenzjonijiet umanitarji għal azzjoni umanitarja bbażata fuq il-prinċipji, u l-importanza li jiġu indirizzati l-problemi ta' konformità bankarja eċċessiva bi sħab mal-Istati Uniti;

37. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jġeddu u jespandu l-lista ta' persuni soġġetti għal sanzjonijiet immirati skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-kmandanti ċivili u militari Sirjani, Russi u Iranjani li huma implikati b'ċerta kredibbiltà f'delitti tal-gwerra;

38. Jimpenja ruħu favur l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni effettiva dwar id-diliġenza dovuta korporattiva fil-livell tal-UE li timponi obbligi ta' diliġenza dovuta b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem għall-kumpaniji tal-UE u dawk li joperaw fis-suq uniku;

39. Ifakkar lill-Istati Membri kollha li s-Sirja mhijiex pajjiż sikur għal finijiet ta' rimpatriju; jemmen li kwalunkwe rimpatriju għandu jkun sikur, volontarju, dinjituż u infurmat, f'konformità mal-pożizzjoni ddikjarata tal-UE; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jastjenu milli jorjentaw il-politiki nazzjonali tagħhom lejn iċ-ċaħda ta' ċerti kategoriji ta' Sirjani mill-istatus ta' protezzjoni, u jmorru lura minn din it-tendenza jekk diġà applikaw politiki bħal dawn; iħeġġeġ lil-Libanu, lit-Turkija u lill-pajjiżi kollha fir-reġjun jissospendu d-deportazzjoni ta' ċittadini Sirjani lura lejn is-Sirja kontra r-rieda tagħhom;

40. Jikkundanna l-ħsara irreparabbli kkawżata mit-tattika ta' ħruq tal-art adottata mir-reġim ta' Assad fuq siti kulturali, kif ukoll is-serq u t-traffikar ta' artifatti min-naħa tal-ġiħadisti, li jużawhom biex jiffinanzjaw ir-rwol tagħhom fil-kunflitt;

41. Jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorjament tas-sitwazzjoni umanitarja, sanitarja u tas-sigurtà fil-kampijiet tal-Grigal tas-Sirja, partikolarment fil-kampijiet ta' Al-Hol u Roj, li għadhom jikkostitwixxu art fertili għar-radikalizzazzjoni; jemmen li ċ-ċittadini tal-UE suspettati li jappartjenu lil organizzazzjonijiet terrositiċi u miżmuma f'dawk il-kampijiet għandhom jiġu pproċessati quddiem qorti; jesprimi x-xokk tiegħu għall-qtil ta' impjegat tal-MSF li kien qed jaħdem fil-kamp ta' Al-Hol fl-24 ta' Frar 2021, li jkompli juri kemm il-vjolenza qed tiswa ħajjiet u kemm  huma perikolużi l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kamp;

42. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jipproteġu liċ-ċittadini tfal li jistgħu jinsabu miżmuma arrestati għal reati relatati mas-sigurtà jew assoċjazzjoni ma' gruppi armati;

43. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiffaċilitaw ir-ritorn tat-tfal lejn pajjiżhom għar-riabilitazzjoni, ir-riintegrazzjoni u/jew il-prosekuzzjoni, skont il-każ, f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali;

44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

 

 

[1] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 119.

[2] ĠU C 307, 30.8.2018, p. 117.

[3] ĠU C 334, 19.9.2018, p. 69.

[4] Testi adottati, P9_TA(2019)0049.

[5] Testi adottati, P9_TA(2019)0066.

[6] ĠU C 153E , 31.5.2013, p. 115.

[7] ĠU L 12 I, 15.1.2021, p. 3.

[8] ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza