MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-proċessi tal-massa kontra l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Kambodja
10.3.2021 - (2021/2579(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0183/2021 (Verts/ALE)
B9-0184/2021 (The Left)
B9-0185/2021 (S&D)
B9-0186/2021 (Renew)
B9-0187/2021 (PPE)
B9-0188/2021 (ECR)
Michael Gahler, Seán Kelly, Isabel Wiseler-Lima, David McAllister, Sandra Kalniete, Miriam Lexmann, Paulo Rangel, Vladimír Bilčík, Michaela Šojdrová, Loránt Vincze, Ivan Štefanec, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Maria Walsh, Tom Vandenkendelaere, Adam Jarubas, Krzysztof Hetman, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, David Lega, Romana Tomc, Tomas Tobé, Christian Sagartz, Vangelis Meimarakis, Tomáš Zdechovský, Željana Zovko, Luděk Niedermayer, Inese Vaidere, Ioan-Rareş Bogdan, Stelios Kympouropoulos, Peter Pollák, Magdalena Adamowicz, Lefteris Christoforou, Janina Ochojska
f'isem il-Grupp PPE
Marek Belka, Isabel Santos, Evin Incir
f'isem il-Grupp S&D
Svenja Hahn, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Olivier Chastel, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Moritz Körner, Javier Nart, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Heidi Hautala, Hannah Neumann
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ryszard Antoni Legutko, Anna Fotyga, Karol Karski, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Elżbieta Rafalska, Eugen Jurzyca, Joanna Kopcińska, Jadwiga Wiśniewska, Veronika Vrecionová, Emmanouil Fragkos, Bogdan Rzońca, Alexandr Vondra, Valdemar Tomaševski, Elżbieta Kruk
f'isem il-Grupp ECR
Emmanuel Maurel
f'isem il-Grupp The Left
Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proċessi tal-massa kontra l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Kambodja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha[1], tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-Kambodja: b'mod partikolari x-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja[2] u tat-13 ta' Settembru 2018 dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha[3],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Kambodja,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Paċi ta' Pariġi tal-1991, li fl-Artikolu 15 tagħhom jistabbilixxu impenn dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kambodja, anke min-naħa tal-firmatarji internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Frar 2020[4] li tirtira parti mill-preferenzi tariffarji mogħtija lill-Kambodja skont l-iskema kummerċjali tal-Unjoni Ewropea, Kollox Ħlief Armi (EBA), mit-12 ta' Awwissu 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-11 ta' Settembru 2020 dwar l-arrest tat-trejdjunjonista prominenti Rong Chhun u 24 difensur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent[5],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-2 ta' Marzu 2021 dwar il-proċessi tal-massa mwettqa kontra esponenti tal-oppożizzjoni ,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni, il-Membri tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u r-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' opinjoni u espressjoni tas-16 ta' Novembru 2020 dwar ir-ripressjoni fuq is-soċjetà ċivili u l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja tad-29 ta' April 1997[6],
– wara li kkunsidra l-Kodiċi Kriminali tal-Kambodja,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, Rhona Smith, tal-25 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'Novembru 2020 tal-anqas 137 individwu ġew akkużati li kellhom rabta mal-Partit ta' Salvataġġ Nazzjonali (CNRP - Cambodia National Rescue Party) tal-oppożizzjoni li ġie xolt, biex jiġu proċessati fuq akkużi b'motivazzjoni politika ta' inċitament, ippjanar u attakki kontra l-istat skont l-Artikoli 451, 453, 494 u 495 tal-Kodiċi Kriminali;
B. billi fl-1 ta' Marzu 2021, il-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh ikkundannat lid-disa' mexxejja l-aktar anzjani tas-CNRP fuq akkużi li "ppruvaw jorganizzaw kolp ta' stat biex iwaqqgħu l-gvern" b'rabta mat-tentattiv tagħhom li jirritornaw fil-Kambodja fid-9 ta' Novembru 2019;
C. billi l-eks President tas-CNRP, Sam Rainsy, ipprova jirritorna fil-Kambodja fl-2019; billi s-Sur Rainsy ingħata l-aktar sentenza ħarxa ta' 25 sena ħabs; billi Mu Sochua, Eng Chhay Eang, Ou Chanrith, Ho Vann, Long Ry, Men Sothavrin, Tiolung Saumura u Nuth Romduol ġew ikkundannati flimkien ma' Sam Rainsy; billi l-konvenuti kollha qed jiffaċċjaw sentenzi ta' ħabs ta' bejn 20 u 25 sena; billi d-dritt tagħhom li jivvutaw u d-dritt li joħorġu għall-elezzjoni ġew revokati;
D. billi l-politiċi tal-oppożizzjoni ġew ipproċessati in absentia, peress li ma tħallewx jirritornaw fil-Kambodja biex jiddefendu lilhom infushom fil-qorti;
E. billi, filwaqt li dawn il-każijiet qed jitħaffu mill-qrati, il-proċess kontra l-eks president tas-CNRP, Kem Sokha, li nħeles fuq pleġġ restrittiv, għadu sospiż u l-petizzjonijiet tiegħu għat-tkomplija tal-proċedimenti ġew miċħuda;
F. billi f'Lulju 2019 il-qorti kkundannat in absentia lil Kong Atith, il-president il-ġdid elett tal-Koalizzjoni tal-Union Demokratika tal-Ħaddiema tat-Tessuti Kambodjani (CCAWDU - Coalition of Cambodian Apparel Workers Union Democratic Union), fuq atti ta' vjolenza intenzjonali b'rabta ma' protesta fl-2016 bejn is-sewwieqa u l-Kumpanija Capitol Bus; billi bħala riżultat tas-sentenza sospiża għal tliet snin tiegħu, is-Sur Kong Atith ma jistax jibqa' jaħdem bħala mexxej ta' union ta' ħaddiema;
G. billi fil-31 ta' Lulju 2020, l-awtoritajiet arrestaw lil Rong Chhun, president tal-Konfederazzjoni Indipendenti tal-Unions Kambodjani (Cambodian Confederation of Unions), mingħajr mandat ta' arrest f'daru fi Phnom Penh, u billi fl-1 ta' Awwissu 2020, huwa ġie akkużat b' "istigazzjoni biex jiġi kommess delitt" skont l-Artikoli 494 u 495 tal-Kodiċi Kriminali tal-Kambodja; billi sussegwentement huwa tqiegħed taħt arrest preventiv fiċ-Ċentru Korrezzjonali 1 ta' Phnom Penh;
H. billi matul il-proċessi tal-massa mwettqa minn Novembru 2020 sa Frar 2021, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza affidabbli; billi l-konvenuti ma tħallewx ikunu preżenti matul il-proċessi; billi l-pubbliku ġie fil-biċċa l-kbira eskluż mill-proċedimenti legali; billi kien hemm rapporti ta' konvenuti li oġġezzjonaw għall-konfessjonijiet allegati li ntużaw matul il-proċess, billi sostnew li dawn ġew iffirmati jew bil-marka tas-swaba miżjuda taħt pressjoni u mingħajr il-preżenza ta' rappreżentanza legali;
I. billi l-proċessi li saru mill-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh jiksru r-rekwiżiti proċedurali u sostantivi ta' proċess ġust kif rifless fil-Kodiċi Kriminali tal-Kambodja u l-Artikolu 14(3)(d) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
J. billi mill-2017 il-Gvern tal-Kambodja wettaq sensiela ta' azzjonijiet repressivi intiżi biex jillimitaw il-parteċipazzjoni politika u d-drittijiet elettorali fil-pajjiż, u biex jmorru lil hinn mit-triq lejn id-demokrazija u joħolqu stat awtoritarju;
K. billi fis-16 ta' Novembru 2017, il-Qorti Suprema ħabbret ix-xoljiment tas-CNRP;
L. billi l-elezzjonijiet tal-2018 fil-Kambodja naqsu milli jissodisfaw l-istandards internazzjonali minimi għal elezzjonijiet demokratiċi u ppermettew lill-partit fil-gvern, il-Partit Popolari tal-Kambodja (CPP - Cambodian People's Party), jieħu kontroll totali tas-siġġijiet kollha, kemm fis-Senat kif ukoll fl-Assemblea Nazzjonali, u b'hekk de facto jinħoloq stat b'partit wieħed mingħajr l-ebda oppożizzjoni parlamentari;
M. billi l-awtoritajiet tal-Kambodja ħabbru li l-elezzjonijiet lokali li jmiss se jsiru fil-5 ta' Ġunju 2022, filwaqt li l-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, is-CNRP, għadu legalment xolt u l-mexxejja tiegħu ġew ikkundannati u pprojbiti milli jipparteċipaw fil-politika, bis-sostenituri tiegħu jiġu ffastidjati, arrestati u soġġetti għal vjolenza;
N. billi l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU esprimew tħassib dwar l-issikkar tar-restrizzjonijiet fuq is-soċjetà ċivili fil-Kambodja;
O. billi fit-12 ta' Frar 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira parti mill-preferenzi tariffarji mogħtija lill-Kambodja skont l-iskema kummerċjali Kollox Ħlief Armi (EBA) tal-Unjoni Ewropea minħabba l-ksur serju u sistematiku tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
1. Jappella lill-Gvern tal-Kambodja jtemm kull forma ta' fastidju, intimidazzjoni u akkużi kriminali motivati politikament kontra membri tal-oppożizzjoni, trejdjunjonisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-media u l-atturi tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-forzi tas-sigurtà jevitaw forza eċċessiva u bla bżonn kontra dawk involuti fi protesti paċifiċi;
2. Jappella lill-awtoritajiet Kambodjani jipproċedu bl-annullament immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tas-sentenzi kontra Sam Rainsy, Mu Sochua, Eng Chhay Eang, Ou Chanrith, Ho Vann, Long Ry, Men Sothavrin, Tiolung Saumura u Nuth Romduol;
3. Jappella lill-awtoritajiet Kambodjani biex jibdew proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali permezz ta' djalogu ġenwin u inklużiv mal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili;
4. Jappella lill-Gvern tal-Kambodja biex jeħles, mingħajr dewmien, lill-persuni kollha li ġew detenuti talli eżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, u biex jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jenfasizza li l-akkużi miġjuba kontra aktar minn 130 persuna fil-mira huma motivati politikament u mmirati biex jeqirdu kwalunkwe dissens;
5. Jinsab ixxukkjat bil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed dejjem jiżdied fil-Kambodja, inkluż il-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi, l-adozzjoni ta' liġijiet ripressivi ġodda u l-arrest ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, attivisti tal-partiti tal-oppożizzjoni, ambjentalisti, studenti u ċittadini ordinarji talli esprimew l-opinjonijiet tagħhom b'mod paċifiku, u jikkundannhom;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jirrevoka l-liġijiet repressivi kollha, inklużi d-digrieti u l-abbozzi ta' liġijiet reċenti li jirregolaw l-ambjent diġitali u li jippermettu lill-gvern iżid is-sorveljanza, iċ-ċensura u l-kontroll online tal-internet, kif ukoll jirrevoka l-emendi reċenti kollha għall-Kostituzzjoni, il-Kodiċi Kriminali, il-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, il-Liġi dwar it-Trade Unions, il-Liġi dwar l-NGOs u kull leġiżlazzjoni oħra li tillimita l-libertà tal-kelma u l-libertajiet politiċi, u li mhumiex kompletament konformi mal-obbligi u l-istandards internazzjonali tal-Kambodja;
7. Jappella lill-awtoritajiet Kambodjani jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini kollha għal proċess ġust, il-libertà ta' espressjoni, u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika;
8. Jappella lill-awtoritajiet Kambodjani jwaqqfu minnufih forom oħra ta' fastidju, inkluż il-fastidju ġudizzjarju u l-intimidazzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni fil-pajjiż;
9. Jikkundanna l-azzjoni repressiva bl-iskuża tal-protezzjoni tas-saħħa u jfakkar li l-miżuri ta' emerġenza fil-qafas tat-trażżin tal-pandemija tal-COVID-19 ma għandhomx jintużaw sempliċement biex joħonqu d-dissens;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fir-repressjoni fuq l-attivisti ambjentali; jinsab allarmat bl-inklużjoni tagħhom fil-proċessi tal-massa reċenti;
11. Itenni li l-elezzjonijiet la kienu ħielsa u lanqas ġusti u s-CPP ma għandux jitqies bħala l-partit leġittimu fil-gvern tal-Kambodja; jenfasizza li l-elezzjonijiet jistgħu jkunu verament ħielsa u ġusti biss jekk il-partiti tal-oppożizzjoni jitħallew jipparteċipaw;
12. Jappella lill-Gvern Kambodjan jirritorna d-demokrazija u jiżgura li l-applikazzjoni tal-liġi tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;
13. Jesprimi tħassib serju dwar miżuri governattivi kontinwi u atti ta' fastidju kontra stabbilimenti tal-media indipendenti u ġurnalisti li joħonqu d-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, inkluż id-dritt tagħhom li jħaddnu opinjonijiet u li jirċievu u jagħtu informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika, u jesprimi allarm dwar il-priġunerija ta' diversi ġurnalisti fuq akkużi foloz minħabba rappurtar indipendenti;
14. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Gvern Kambodjan naqas milli jissodisfa r-responsabbiltà tiegħu li jegħleb il-ksur serju u sistematiku tal-parteċipazzjoni politika, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, li wassal għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira parti mill-preferenzi tariffarji mogħtija lill-Kambodja skont l-iskema kummerċjali EBA tal-Unjoni Ewropea mit-12 ta' Awwissu 2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti fuq punti ta' riferiment definiti b'mod ċar dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-interazzjonijiet kollha tagħha mal-Gvern Kambodjan, u tinkludi l-kwistjonijiet ta' tħassib enfasizzati f'din ir-riżoluzzjoni bħala parti mill-impenn imsaħħaħ kontinwu tagħha mal-awtoritajiet, inkluż dwar l-EBA; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja is-sitwazzjoni mill-qrib, u tivvaluta l-effett tal-irtirar parzjali tal-EBA fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà ċivili;
15. Jinnota li s-Summit tal-Laqgħa Asja-Ewropa ta' din is-sena huwa skedat li jsir fi Phnom Penh; jemmen li l-UE m'għandhiex taċċetta dan il-post sakemm ma tirritornax id-demokrazija ;
16. Jistieden lill-Istati Membri jissospendu l-appoġġ finanzjarju bilaterali kollu lill-Gvern Kambodjan u minflok jiffukaw fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partiti tal-oppożizzjoni;
17. Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u jaġixxu f'konformità sħiħa mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE fi Phnom Penh u l-ambaxxati tal-Istati Membri jimmonitorjaw il-proċessi u jwettqu żjarat fil-ħabsijiet;
18. Jinsisti li l-Gvern Kambodjan jikkoopera mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Proċeduri Speċjali tan-NU sabiex iħallihom iwettqu l-mandati tagħhom mingħajr indħil;
19. Jappella lill-Gvern Kambodjan jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li x-xoljiment tas-CNRP jitreġġa' lura malajr u jerġgħu l-5 007 kunsillier lokali tiegħu jiġu riintegrati;
20. Itenni l-appell lill-awtoritajiet Kambodjani minn Rhona Smith, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, biex jiftħu l-ispazju ċiviku, jipproteġu u jippromwovu l-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ta' għaqda u ta' espressjoni, u jiżguraw id-dritt għal proċess ġust għal kulħadd, kif iggarantit min-normi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mil-liġijiet tal-Kambodja;
21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ifasslu inizjattiva komprensiva u strateġika dwar id-demokrazija fir-rigward tal-pajjiżi tar-reġjun tal-ASEAN u jippreżentawha lill-Parlament Ewropew fi żmien sitt xhur;
22. Jemmen li s-sanzjonijiet immirati, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, kontra l-mexxejja Kambodjani u l-interessi ekonomiċi tagħhom imisshom ilhom li ttieħdu; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra l-mexxejja politiċi u l-mexxejja tal-forzi tas-sigurtà responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xoljiment u r-repressjoni sussegwenti tal-oppożizzjoni fil-Kambodja, u kontra l-interessi ekonomiċi tagħhom fl-ambitu tar-reġim ta' sanzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem globali tal-UE;
23. Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex imexxu l-isforzi fit-48 sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-adozzjoni ta' riżoluzzjoni b'saħħitha li tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, li testendi l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, u biex il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tintalab timmonitorja u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u tiddeskrivi l-azzjonijiet li l-gvern għandu jieħu biex jikkonforma mal-obbligi internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem;
24. Jistieden lill-Kunsill Ewropew jadotta pożizzjoni formali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-deterjorament tad-demokrazija fil-Kambodja;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.
- [1] ĠU C 337, 20.9.2018, p. 99.
- [2] ĠU C 369, 11.10.2018, p. 76.
- [3] ĠU C 433, 23.12.2019, p. 128.
- [4] Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/550 tat-12 ta' Frar 2020 li jemenda l-Annessi II u IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-irtirar temporanju tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 fir-rigward ta' ċerti prodotti li joriġinaw mir-Renju tal-Kambodja, ĠU L 127, 22.4.2020, p. 1.
- [5] https://www.ohchr.org/FR/HRBodies/HRC/Pages/NewsDetail.aspx?NewsID=26223&LangID=F
- [6] ĠU L 269, 19.10.1999, p. 18.