Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0190/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0190/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Renju tal-Bahrain, b'mod partikolari l-każijiet tal-priġunieri li qed jistennew il-piena tal-mewt u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

10.3.2021 - (2021/2578(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0190/2021 (The Left)
B9-0191/2021 (Verts/ALE)
B9-0192/2021 (S&D)
B9-0193/2021 (Renew)
B9-0194/2021 (PPE)
B9-0195/2021 (ECR)

Michael Gahler, Tomáš Zdechovský, Sandra Kalniete, Isabel Wiseler-Lima, Miriam Lexmann, Paulo Rangel, Vladimír Bilčík, Michaela Šojdrová, Loránt Vincze, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Maria Walsh, Adam Jarubas, Krzysztof Hetman, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, David Lega, Romana Tomc, Tomas Tobé, Christian Sagartz, Vangelis Meimarakis, Luděk Niedermayer, Inese Vaidere, Ioan-Rareş Bogdan, Stelios Kympouropoulos, Seán Kelly, Magdalena Adamowicz, Janina Ochojska, Frances Fitzgerald
f'isem il-Grupp PPE
Marek Belka, Isabel Santos, Marc Tarabella
f'isem il-Grupp S&D
José Ramón Bauzá Díaz, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Olivier Chastel, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Moritz Körner, Javier Nart, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Hannah Neumann, Ernest Urtasun
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ryszard Antoni Legutko, Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Karol Karski, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Elżbieta Kruk, Elżbieta Rafalska, Adam Bielan, Eugen Jurzyca, Veronika Vrecionová, Jadwiga Wiśniewska, Joanna Kopcińska, Valdemar Tomaševski
f'isem il-Grupp ECR
Miguel Urbán Crespo
f'isem il-Grupp The Left
Fabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2021/2578(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0190/2021
Testi mressqa :
RC-B9-0190/2021
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Renju tal-Bahrain, b'mod partikolari l-każijiet tal-priġunieri li qed jistennew il-piena tal-mewt u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

(2021/2578(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab[1], u tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-13 ta' Lulju 2020 dwar iż-żamma ta' pieni tal-mewt fil-Bahrain, tal-10 ta' Ġunju 2020 dwar il-ħelsien tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Nabeel Rajab, tad-9 ta' Jannar 2020 dwar il-konferma tal-piena tal-mewt għal żewġ ċittadini tal-Bahrain, u tas-27 ta' Lulju 2019 dwar l-eżekuzzjonijiet ta' Ali al-Arab u Ahmed al-Malali,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Frar 2020 ta' Agnes Callamard, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Fionnuala Ni Aolain, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u Nils Melzer, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, li tħeġġeġ lill-Bahrain biex iħassar il-pieni tal-mewt fil-konfront ta' Mohammed Ramadan u Husain Moosa,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ottubru 2019 tal-VP/RGħ Federica Mogherini, f'isem l-UE, u tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Marija Pejčinović Burić, dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar id-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma' pajjiżi terzi u dwar il-Libertà tal-Espressjoni,

 wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandhom l-għan li jqiegħdu l-promozzjoni, ir-rispett u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-25 sessjoni tal-Kunsill Konġunt u tal-Laqgħa Ministerjali tal-UE-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) tat-18 ta' Lulju 2016,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Bahrain,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, li l-Bahrain huwa parti għalihom,

 wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain (Bahrain Independent Commission of Inquiry - BICI),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

 wara li kkunsidra l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi wara r-rewwixta popolari tal-2011, l-awtoritajiet tal-Bahrain għadhom qed jiksru u jillimitaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-popolazzjoni, b'mod partikolari d-dritt tal-individwi għal protesta paċifika, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà diġitali kemm online kif ukoll offline; billi l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti politiċi qed jiffaċċjaw attakki sistematiċi kontinwi, fastidju, detenzjoni, tortura, intimidazzjoni, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u revoka taċ-ċittadinanza; billi, mill-2011 'l hawn, l-awtoritajiet irrifjutaw it-talbiet kollha tal-oppożizzjoni demokratika u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex jiġu rispettati l-libertajiet tal-kelma u ta' għaqda; billi fil-Bahrain ma hija ttollerata l-ebda oppożizzjoni politika; billi l-awtoritajiet arrestaw bosta tfal talli ssieħbu fi protesti fi Frar 2021, u ġie rrappurtat li dawn ġew soġġetti għal theddid ta' stupru u ta' xokkijiet tal-elettriku; billi, mill-4 ta' Marzu 2021 'l hawn, mill-inqas tlieta minnhom għadhom f'detenzjoni, inkluża persuna ta' 16-il sena b'kundizzjoni medika serja;

B. billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja, ċittadin Bahraini u Daniż, kofundatur taċ-Ċentru tal-Bahrain għad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem, bħalissa qed itemm l-għaxar sena tiegħu fil-ħabs filwaqt li qed jiskonta sentenza ta' għomru l-ħabs fuq akkużi li "ffinanzja t-terroriżmu u pparteċipa fih biex iwaqqa' l-gvern u jispjuna għal pajjiż barrani"; billi wara l-arrest ta' Abdulhadi Al-Khawaja, huwa ġie msawwat, ittorturat u kkundannat fi proċess inġust li ma kienx konformi mad-dritt kriminali tal-Bahrain jew mal-istandards internazzjonali għal proċess ġust; billi, f'Lulju 2012, il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kkonkluda li l-arrest ta' Al-Khawaja kien arbitrarju, peress li rriżulta mill-eżerċizzju tiegħu tad-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, u appella għall-ħelsien tiegħu;

C. billi Nabeel Rajab, wieħed mill-aktar difensuri Bahraini prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, inħeles mill-ħabs fid-9 ta' Ġunju 2020 biex jiskonta l-bqija tas-sentenza ta' ħames snin tiegħu skont il-liġi dwar is-sanzjonijiet alternattivi;

D. billi bejn l-2011 u l-2020, il-Bahrain ikkundanna għall-mewt madwar 50 persuna, meta mqabbel mas-seba' pieni tal-mewt mogħtija bejn l-2001 u l-2010; billi 27 persuna huma bħalissa kkundannati għall-mewt fil-Bahrain, li minnhom 26 jinsabu f'riskju imminenti ta' eżekuzzjoni; billi fil-15 ta' Jannar 2017 il-Bahrain temm moratorju de facto ta' seba' snin fuq il-piena tal-mewt billi ġġustizzja tliet persuni ċivili; billi, minn dak iż-żmien 'l hawn, ġew iġġustizzjati sitt persuni; billi dawn l-eżekuzzjonijiet ġew iddikjarati qtil ekstraġudizzjarju mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji; billi l-piena tal-mewt hija l-aktar piena krudili, inumana u degradanti, u tikser id-dritt għall-ħajja li huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni ta' dawk li jkunu qed jistennew il-piena tal-mewt jikkawżaw tbatija psikoloġika estrema;

E. billi osservaturi indipendenti jirrapportaw li fil-maġġoranza tal-eżekuzzjonijiet reċenti, l-awtoritajiet tal-Bahrain akkwistaw konfessjonijiet permezz tat-tortura, u l-imputati ma ġewx garantiti proċessi ġusti; billi mill-protesti tal-2011 'l hawn, u wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-BICI dwar l-abbużi tal-gvern, twaqqfu għadd ta' korpi interni, bħall-Uffiċċju tal-Ombudsman fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, Unità Speċjali tal-Investigazzjonijiet (SIU) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Priġunieri u d-Detenuti (PDRC), iżda mhumiex effettivi u indipendenti biżżejjed; billi n-nuqqas ta' indipendenza ta' dawn il-korpi allegatament ikkawża nuqqas ta' obbligu ta' rendikont fil-Gvern u l-forzi tas-sigurtà tal-Bahrain; billi dan rawwem kultura ta' impunità li ddgħajjef it-tentattivi ta' riforma demokratika u sservi biex tkompli tiddestabbilizza l-pajjiż;

F. billi Ali Al-Arab u Ahmed Al-Malili, it-tnejn li huma ċittadini tal-Bahrain, ikkundannati għal reati terroristiċi fi proċess tal-massa miżgħud b'allegazzjonijiet ta' tortura u ksur serju ta' proċess ġust, ġew iffuċilati fis-27 ta' Lulju 2019; billi fit-18 ta' Frar 2014 Mohamed Ramadan ġie arrestat mill-awtoritajiet tal-Bahrain talli allegatament ħa sehem – flimkien ma' Hussein Ali Moosa – f'attakk bil-bombi f'Al Dair fl-14 ta' Frar 2014; billi fl-appell, fit-13 ta' Lulju 2020, il-Qorti tal-Kassazzjoni affermat mill-ġdid is-sentenza finali tagħha u kkonfermat il-pieni tal-mewt imposti fuq Mohamed Ramadan u Hussein Ali Moosa, minkejja proċess inġust b'verdett ibbażat fuq konfessjonijiet allegatament furzati minn imputati taħt tortura, u l-eżiti tal-investigazzjoni tal-Unità ta' Investigazzjoni Speċjali dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura ta' Moosa u Ramadan; billi Agnes Callamard, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, wissiet li l-kundanna u l-piena tal-mewt ta' Moosa u Ramadan ikunu arbitrarji u ksur ċar tad-dritt tagħhom għall-ħajja u jikkostitwixxu qtil arbitrarju; billi l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU appellaw lill-Bahrain biex jipprevjeni l-eżekuzzjoni taż-żewġt irġiel; billi Mohamed Ramadan u Hussein Ali Moosa jinsabu f'riskju imminenti ta' eżekuzzjoni u eżawrew ir-rimedji legali kollha;

G. billi l-awtoritajiet tal-Bahrain xoljew al-Wefaq, l-akbar partit politiku paċifiku tal-oppożizzjoni tal-pajjiż, ikkonfiskaw l-assi tiegħu u arrestaw il-mexxejja tiegħu; billi l-mexxej tal-partit, Shaikh Ali Salman, bħalissa qed jiskonta piena ta' għomru l-ħabs fuq allegati akkużi ta' spjunaġġ;

H. billi diversi persuni pubbliċi ttellgħu l-qorti sempliċiment minħabba l-attività tal-midja soċjali tagħhom, inklużi l-avukati prominenti Abdullah Al Shamlawi u Abdullah Hashim; billi l-ebda midja indipendenti ma operat fil-Bahrain minn mindu l-Ministeru tal-Affarijiet tal-Informazzjoni ssospenda fl-2017 lil Al Wasat, l-unika gazzetta indipendenti tal-pajjiż;

I. billi l-kundizzjonijiet tas-saħħa u tal-iġjene fil-ħabsijiet iffullati tal-Bahrain għadhom estremament serji; billi l-Bahrain irrilaxxa 1 486 priġunier f'Marzu 2020 minħabba r-riskju għas-saħħa kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19; billi r-rilaxxi, fil-biċċa l-kbira tagħhom, eskludew il-mexxejja tal-oppożizzjoni, l-attivisti, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-awtoritajiet tal-Bahrain qed jiċħdu l-attenzjoni medika urġenti lill-priġunieri, u b'hekk qed jirriskjaw saħħithom u l-benessri tagħhom, bi ksur tar-Regoli Standard Minimi dwar it-Trattament tal-Priġunieri; billi bosta priġunieri politiċi strajkjaw biex jipprotestaw kontra t-trattament ħażin fil-ħabsijiet;

J. billi l-qrati tal-Bahrain għadhom joħorġu u jikkonfermaw deċiżjonijiet li jċaħħdu liċ-ċittadini miċ-ċittadinanza tagħhom; billi aktar minn 300 persuna fl-2018 u aktar minn 100 persuna fl-2019, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi, ġurnalisti u awtoritajiet reliġjużi anzjani, fost oħrajn, kellhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata mill-Qrati tal-Bahrain u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għadhom mingħajr Stat; billi r-revoka taċ-ċittadinanza qed tintuża bi ksur tal-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

K. billi f'Diċembru 2018, il-Bahrain emenda l-liġi tax-xogħol tiegħu biex jipprojbixxi lil min iħaddem milli jiddiskrimina kontra ħaddiema abbażi ta' sess, oriġini, lingwa jew twemmin; billi adotta sanzjonijiet kontra l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol; billi l-Bahrain għadu post fejn il-ħaddiema migranti, speċjalment in-nisa impjegati bħala ħaddiema domestiċi, jiġu sfruttati minħabba s-sistema Kafala li tippermetti l-isfruttament;

L. billi l-liġi Bahraini tkompli tiddiskrimina kontra n-nisa fil-liġi tal-familja, bħal fid-dritt għad-divorzju u t-trażmissjoni taċ-ċittadinanza Bahraini lil uliedhom fuq bażi ugwali għall-irġiel; billi l-Bahrain aderixxa għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) fl-2002, iżda għandu riżervi għal diversi artikoli li fihom dispożizzjonijiet li huma ċentrali għall-iskop tal-konvenzjoni; billi l-Artikolu 353 tal-kodiċi kriminali jeżenta lill-awturi ta' stupru mill-prosekuzzjoni u l-kastig jekk jiżżewġu lill-vittmi tagħhom; billi l-Parlament tal-Bahrain ippropona revoka sħiħa ta' dak l-artikolu fl-2016, iżda l-kabinett irrifjuta l-proposta; billi l-Artikolu 334 tal-kodiċi kriminali jnaqqas il-pieni għall-awturi tal-hekk imsejħa delitti tal-unur u tal-adulterju, u billi r-relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ għadhom kriminalizzati;

M. billi l-Bahrain huwa sieħeb importanti tal-UE fil-Golf Persjan, inkluż fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, l-enerġija u s-sigurtà; billi r-Renju tal-Bahrain għandu storja rikka u twila ta' ftuħ għal kulturi oħra minn madwar id-dinja, u huwa attur attiv fil-ħolqien tal-momentum għall-bini tal-fiduċja u t-trawwim tad-djalogu u l-istabbiltà fil-Golf u fir-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani;

N. billi l-bidla fit-tmexxija f'Novembru 2020 u l-ħatra tal-Prim Ministru l-ġdid, il-Prinċep Salman bin Hamad Al Khalifa, jagħtu lill-Bahrain opportunità li jimxi lejn riforma politika u rikonċiljazzjoni nazzjonali inklużiva, inkluża r-rikonċiljazzjoni bejn is-Sunni u x-Shia; billi d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Bahrain sar fi Frar 2021; billi l-Bahrain huwa t-tieni pajjiż fir-reġjun tal-Golf li miegħu l-UE stabbiliet Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

1. Huwa mħasseb ħafna li għaxar snin wara r-rewwixta tar-"Rebbiegħa Għarbija" fil-Bahrain, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż qed tkompli tmur għall-agħar, bl-applikazzjoni tal-piena tal-mewt, l-arresti arbitrarji, il-prosekuzzjoni u l-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u ċ-ċaħda tad-drittijiet ċivili u politiċi u tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda u ta' espressjoni kemm online kif ukoll offline;

2. Jikkundanna bil-qawwa l-piena tal-mewt mogħtija lil Mohammed Ramadan u Husain Ali Moosa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain, u b'mod partikolari lill-Maestà Tiegħu x-Sheikh Hamad bin Isa Al Khalifa, biex iwaqqfu immedjatament l-eżekuzzjoni tagħhom, ibiddlu s-sentenzi tagħhom, jordnaw proċess mill-ġdid li jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali dwar proċess ġust u li jeskludi evidenza miksuba taħt tortura, u jippermettu investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura; jistieden lill-Bahrain jeżamina mill-ġdid l-indipendenza u l-effikaċja tal-korpi interni li jimmonitorjaw l-abbużi governattivi bħall-Ombudsman, l-Unità tal-Investigazzjonijiet Speċjali (SIU) u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Priġunieri u d-Detenuti (PDRC) li qed iwettqu investigazzjonijiet inadegwati u qed jgħattu d-dipendenza tal-qorti tal-Bahrain fuq konfessjonijiet furzati biex jiggarantixxu l-kundanni, inkluż fl-investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet tas-Sur Ramadhan u s-Sur Moosa;

3. Jiddeplora bil-qawwa t-tneħħija tal-moratorju de facto fuq l-użu tal-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jitlob li jsir rieżami komprensiv tal-pieni tal-mewt kollha biex jiġi żgurat li dawn il-proċessi kienu konformi mal-istandards internazzjonali u li l-vittmi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu ġew ikkundannati għall-mewt illegalment jingħataw rimedju; ifakkar li l-UE topponi l-piena kapitali u tqisha bħala kastig krudili u inuman li ma jservix ta' deterrent għall-imġiba kriminali u huwa irriversibbli f'każ ta' żball;

4. Jenfasizza li l-bidla fit-tmexxija minn Novembru 2020 hija opportunità għall-UE biex tiffoka mill-ġdid il-politika barranija tagħha fil-konfront tal-Bahrain, anki fid-dawl tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali l-ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Prim Ministru l-ġdid, il-Prinċep Salman bin Hamad Al Khalifa, biex juża l-awtorità tiegħu biex imexxi l-Bahrain lejn ir-riforma politika u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

5. Jappella għar-rilaxx immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-priġunieri minħabba twemmin kollha, inklużi Abdulhadi al-Khawaja, Dr Abduljalil al-Singace, Naji Fateel, Abdulwahab Hussain, Ali Hajee, Sheikh Ali Salman u Hassan Mshaima, li ġew detenuti u kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, u jitlob li jiġu rtirati l-akkużi kollha kontrihom; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jsostnu u jippromwovu kampanja vigoruża biex jiżguraw ir-rilaxx immedjat tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs, bħala element ewlieni għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Bahrain; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jiggarantixxu spazju sikur għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain jippermetti lill-ġurnalisti barranin u lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem l-aċċess għall-Bahrain; ifaħħar bil-qawwa l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tal-avukati kollha li xogħolhom huwa essenzjali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain jerġa' jistabbilixxi l-uniku mezz ta' komunikazzjoni indipendenti tal-pajjiż, Al Wasat, u jippermetti lis-soċjetajiet politiċi indipendenti joperaw fil-Bahrain, inklużi dawk li ġew xolti;

7. Jilqa' r-rilaxx ta' Nabeel Rajab skont il-liġi dwar is-sanzjonijiet alternattivi, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain jirrevokaw il-projbizzjoni tiegħu li jivvjaġġa;

8. Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain iwaqqaf il-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jirrevoka minnufih il-projbizzjoni tagħhom li jivvjaġġaw, u jinsisti li l-awtoritajiet jiggarantixxu fiċ-ċirkostanzi kollha li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra l-pajjiż;

9. Jesprimi tħassib partikolari dwar l-użu ħażin tal-liġijiet kontra t-terroriżmu fil-Bahrain, u jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ mogħti lill-Bahrain, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bahrain jemendaw minnufih l-Att Nru 58 (2006) tiegħu dwar il-protezzjoni tas-soċjetà minn atti ta' terroriżmu u l-liġijiet l-oħra kollha li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertajiet politiċi, u li mhumiex kompletament konformi mal-obbligi u l-istandards internazzjonali;

10. Jikkundanna l-użu kontinwu tat-tortura, inkluż iċ-ċaħda tal-kura medika, u trattament jew pieni krudili u degradanti oħra tad-detenuti, inklużi d-dimostranti paċifiċi u ċ-ċivili; jitlob li jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa u kredibbli dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura bl-għan li dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom; jiddeplora l-kundizzjonijiet terribbli tal-ħabs fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain jipproteġu lid-detenuti kollha mill-periklu tal-COVID-19;

11. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain jirrispetta l-obbligi u l-impenji tiegħu skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, inkluż l-Artikolu 15 tagħha, li jipprojbixxi l-użu ta' kwalunkwe dikjarazzjoni li ssir taħt tortura bħala evidenza fi kwalunkwe proċediment; jappella għar-ratifika tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (OPCAT) u tat-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt;

12. Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jikkoopera bis-sħiħ mal-korpi tan-NU, jestendi stedina permanenti biex iżuru l-Bahrain lill-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jikkoopera b'mod proattiv; jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jippermetti lil uffiċjali tal-UE, osservaturi indipendenti u gruppi tad-drittijiet tal-bniedem iżuru l-ħabsijiet tal-Bahrain, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain jiżguraw b'mod partikolari li r-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar il-Libertà tal-Espressjoni u dwar il-Libertà tal-Assemblea jitħallew jidħlu fil-pajjiż;

13. Jikkundanna l-prattika fis-seħħ li ċ-ċittadini titneħħielhom b'mod arbitrarju ċ-ċittadinanza tagħhom, li f'ħafna każijiet wasslet biex persuni sfaw apolidi bi ksur tal-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jemendaw il-liġi dwar iċ-ċittadinanza tal-pajjiż u jerġgħu jagħtu ċ-ċittadinanza tal-Bahrain lil dawk l-individwi li tneħħitilhom inġustament;

14. Jinnota l-isforzi li qed isiru mill-Gvern tal-Bahrain biex jirriforma l-kodiċi kriminali u l-proċeduri legali tal-pajjiż, u jħeġġeġ it-tkomplija ta' dan il-proċess; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-BICI u tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU); ikompli jappoġġja l-aġenda ta' riforma tal-Gvern tal-Bahrain, u jħeġġeġ lir-Renju tal-Bahrain jipprova jikseb l-istabbiltà permezz ta' riformi ulterjuri u rikonċiljazzjoni inklużiva f'ambjent fejn l-ilmenti politiċi paċifiċi jistgħu jiġu espressi liberament, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tiegħu;

15. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE timplimenta bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, tipprovdi l-appoġġ xieraq kollu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu detenuti, inkluż permezz ta' żjarat fil-ħabs, monitoraġġ tal-proċessi u dikjarazzjonijiet pubbliċi, u toffri appoġġ lis-soċjetà ċivili u aċċess għall-protezzjoni għal persuni f'riskju ta' persekuzzjoni;

16. Jistieden lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex sistematikament iqajmu tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, kif ukoll dwar in-nuqqas ta' spazju politiku għall-espressjoni ta' dissens leġittimu u paċifiku, u biex jikkunsidraw miżuri speċifiċi kontra dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

17. Jinnota d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Bahrain; jappella għat-tisħiħ tad-djalogu skont il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota li djalogu bejn l-UE u l-Bahrain dwar id-drittijiet tal-bniedem mhuwiex sostitut għal djalogu xieraq bejn il-gvern, l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Bahrain stess; iħeġġeġ lis-SEAE jiżgura li d-djalogu informali dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Bahrain ikollu l-għan li jikseb riżultati u impenji konkreti, inkluża l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili qabel u wara d-djalogu; jenfasizza li l-awtoritajiet tal-Bahrain għandhom jieħdu sehem f'dan il-proċess b'mod sinifikanti u ġenwin; jappoġġja aktar djalogu, impenn u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-proċeduri ġudizzjarji bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u r-Renju tal-Bahrain;

18. Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati fl-oqsma kollha ta' kooperazzjoni mal-Bahrain, inkluż fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bahrain, li ġie konkluż reċentement u ma kienx jinkludi referenzi għad-drittijiet tal-bniedem;

19. Huwa preokkupat dwar ir-rapporti tal-użu ta' teknoloġija ta' sorveljanza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-Bahrain; itenni li t-teknoloġiji ta' sorveljanza esportati minn kumpaniji Ewropej lejn il-Bahrain jistgħu jiffaċilitaw ir-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-UE jqisu l-kriterji tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma jagħtu liċenzji tal-esportazzjoni lil pajjiż terz; jistieden lill-Istati Membri kollha jirrispettaw b'mod strett il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, u b'mod partikolari biex iwaqqfu t-trasferimenti kollha tal-armi, tat-tagħmir tas-sorveljanza u tal-intelligence u materjal li jista' jintuża mill-Bahrain fir-repressjoni li għaddejja tad-drittijiet tal-bniedem;

20. Jisħaq li l-Premju Chaillot tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf m'għandux jingħata lil dawk li jiġġustifikaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

21. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-fatt li s-sistema Kafala tippermetti ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema u restrizzjonijiet kontra movimenti soċjali u tat-trade unions fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain jemenda l-leġiżlazzjoni tax-xogħol biex jiżgura li l-ħaddiema domestiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess drittijiet bħall-ħaddiema l-oħra, inklużi limiti fuq is-sigħat tax-xogħol tagħhom, jiem ta' mistrieħ fil-ġimgħa u paga minima;

22. Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jemenda l-leġiżlazzjoni kif meħtieġ biex jelimina d-diskriminazzjoni kontra n-nisa marbuta maż-żwieġ, fiż-żwieġ, matul ix-xoljiment taż-żwiġijiet, u fir-rigward tat-tfal u l-wirt, u jippermetti lin-nisa jgħaddu ċ-ċittadinanza lil uliedhom fuq l-istess bażi bħall-irġiel; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain ineħħi r-riżervi kollha għas-CEDAW, jirrevoka l-Artikoli 353 u 334 tal-Kodiċi Kriminali li jiskużaw il-vjolenza kontra n-nisa, u jirrevoka d-dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw ir-relazzjonijiet sesswali konsenswali bejn l-adulti;

23. Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu viġilanti fir-rigward tal-iżviluppi fil-pajjiż u fir-reġjun tal-Golf b'mod ġenerali, u jużaw il-mezzi kollha ta' influwenza għad-dispożizzjoni tagħhom; jiddeplora l-indħil barrani fil-politika nazzjonali tal-Bahrain bl-għan li jiddestabbilizza l-pajjiż;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Marzu 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza