MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-ħames anniversarju tal-Ftehim ta' Paċi fil-Kolombja
28.4.2021 - (2021/2643(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0227/2021 (PPE)
B9-0229/2021 (Verts/ALE)
B9-0230/2021 (Renew)
B9-0231/2021 (S&D)
Leopoldo López Gil, Sandra Kalniete, Esteban González Pons, Michael Gahler, Željana Zovko, Isabel Wiseler-Lima, Francisco José Millán Mon, Gabriel Mato, Juan Ignacio Zoido Álvarez
f'isem il-Grupp PPE
Javi López, Marek Belka, Maria-Manuel Leitão-Marques, Ibán García Del Blanco
f'isem il-Grupp S&D
Izaskun Bilbao Barandica, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Urmas Paet, Dragoș Pîslaru, María Soraya Rodríguez Ramos, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Jordi Solé
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħames anniversarju tal-Ftehim ta' Paċi fil-Kolombja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2016 b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra[2], li ġie ffirmat fi Brussell fis-26 ta' Lulju 2012, kif ukoll il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir[3], li ġie ffirmat fit-2 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tal-1 ta'Ottubru 2015 li taħtar lil Eamon Gilmore bħala l-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Finali biex Jintemm il-Kunflitt Armat u Tinbena Paċi Stabbli u Dejjiema bejn il-Gvern Nazzjonali tal-Kolombja u l-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja – l-Armata tal-Poplu (FARC-EP), iffirmat fl-24 ta' Novembru 2016,
– wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Missjoni ta' Verifika tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kolombja u, b'mod partikolari, ir-rapport tas-26 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-9 ta' Frar 2021 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, u tal-Kummissarju Janez Lenarčič dwar id-deċiżjoni tal-Kolombja li tagħti Status ta' Protezzjoni Temporanja lill-migranti Venezwelani, u d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-VP/RGħ tas-26 ta' Frar 2021 dwar il-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'Novembru 2021 il-Kolombja ser tfakkar il-ħames anniversarju tal-iffirmar tal-Ftehim Finali biex Jintemm il-Kunflitt Armat u Tinbena Paċi Stabbli u Dejjiema bejn il-Gvern tal-Kolombja mmexxi mill-President Juan Manuel Santos u l-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja – l-Armata tal-Poplu (FARC-EP), li temm kunflitt ta' aktar minn 50 sena u jirrappreżenta pass sinifikanti fil-bini ta' paċi stabbli u dejjiema fil-pajjiż; billi l-Kolombja żammet l-integrità demokratika tagħha minkejja perjodi twal ta' vjolenza straordinarja;
B. billi l-Qorti Kostituzzjonali tal-Kolombja stmat li ser ikun hemm bżonn ta' mill-inqas 15-il sena għall-konformità mal-Ftehim Finali, mal-ippjanar fuq 10 snin tal-Pjan Direzzjonali Uniku, u mal-Pjan ta' Investiment għall-Paċi ta' erba' snin attwali b'riżorsi ta' kważi USD 11,5 biljun;
C. billi l-President tal-Kolombja, Iván Duque, u l-President tal-Partit Comunes (li qabel kien il-Partit FARC), Rodrigo Londoño, iltaqgħu fl-10 ta' Marzu 2021 biex jiddiskutu l-istatus ta' implimentazzjoni tal-Ftehim Finali; billi waqt id-djalogu ffaċilitat mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Kolombja u Kap tal-Missjoni ta' Verifika tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kolombja, iż-żewġ partijiet tennew l-impenn tagħhom favur il-Ftehim Finali, u qablu li jaħdmu b'mod konġunt biex ifasslu pjan direzzjonali għall-bqija tal-perjodu ta' żmien previst għall-implimentazzjoni komprensiva tiegħu, kif ukoll li jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ex kumbattenti u l-garanziji ta' sigurtà għalihom;
D. billi ex ġellieda gwerillieri qegħdin javvanzaw fil-proċess tagħhom biex jirrintegraw fil-ħajja ċivili, u billi s-sistema legali u kostituzzjonali fil-Kolombja qiegħda tadotta riformi preċiżi biex tiżgura li l-impenji tal-ftehim jiġu implimentati u l-ġejjieni tal-pajjiż ikun jista' jinbena fuqhom;
E. billi fil-Ftehim Finali, il-partijiet qablu li jistabbilixxu Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi (JEP), inkluża l-implimentazzjoni ta' Sistema Komprensiva għall-Verità, il-Ġustizzja, ir-Reparazzjoni u n-Nonripetizzjoni, kif ukoll ftehimiet dwar ir-reparazzjonijiet għall-vittmi, fost oħrajn, kif rikonoxxut mir-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tal-10 ta' Frar 2021; billi l-Kolombja qiegħda tiffaċċja sfidi kumplessi fl-implimentazzjoni komprensiva tal-Ftehim Finali, aggravati bis-sitwazzjoni tal-COVID-19 u l-wasla u l-akkoljenza tal-migranti Venezwelani;
F. billi fis-26 ta' Jannar 2021, il-JEP tal-Kolombja ħabbar l-ewwel deċiżjoni ewlenija tiegħu, li akkużat lil tmien mexxejja ewlenin tal-ex FARC-EP b'delitti tal-gwerra u b'delitti kontra l-umanità, f'dak li kien l-aktar riżultat ċar s'issa għall-ġustizzja tranżizzjonali fil-pajjiż; billi kkonfermat ukoll progress fl-investigazzjoni tal-hekk imsejħa "pożittivi foloz"; billi l-JEP beda azzjonijiet biex isir progress għall-istabbiliment ta' djalogu permanenti u fluwidu mal-awtoritajiet indiġeni;
G. billi għadhom qegħdin isiru avvanzi importanti li jipprovdu eżempju rigward il-potenzjal trasformattiv tal-Ftehim ta' Paċi, li jinkludi, għall-ewwel darba, approċċ speċifiku mill-perspettiva tal-ġeneri; billi għandhom isiru aktar avvanzi fil-Programm Komprensiv għal salvagwardji għall-mexxejja nisa, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-programmi ta' sostenn għan-nisa u l-bniet li huma vittmi ta' vjolenza inkluż stupru u ħtif; billi, minħabba n-natura interkonnessa tal-kapitoli differenti tal-ftehim, huwa tal-akbar importanza li l-approċċ mill-perspettiva tal-ġeneri jiġi integrat b'mod attiv fl-oqsma kollha;
H. billi minkejja l-fatt li t-taħditiet ta' paċi wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' mwiet u fil-vjolenza fil-Kolombja, il-kollass tas-sigurtà f'reġjuni differenti tal-Kolombja huwa meqjus minn ħafna bħala ostaklu għall-proċess ta' paċi, filwaqt li hemm żieda inkwetanti fil-vjolenza, fl-għajbien sfurzat, fil-ħtif u fil-qtil ta' mexxejja soċjali u indiġeni, ta' ex kumbattenti tal-FARC u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif irrappurtat min-NU; billi l-forzi tas-sigurtà huma wkoll soġġetti għal attakki u vjolenza;
I. billi l-Missjoni ta' Verifika tan-NU vverifikat il-qtil ta' 73 ex kumbattent fl-2020, u dan ifisser li l-għadd ta' ex kumbattenti li nqatlu mindu ġie ffirmat il-ftehim ta' paċi fl-2016 issa tela' għal 248; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) irċieva informazzjoni dwar il-qtil ta' 120 difensur tad-drittijiet tal-bniedem f'din l-aħħar sena, li minnhom ġew ivverifikati 53 każ; billi, barra minn hekk, huwa rreġistra 69 inċident b'għadd kbir ta' vittmi ċivili fl-2020, li kienu responsabbli għall-mewt ta' 269 persuna ċivili, inklużi 24 tifel u tifla u 19-il mara; billi n-NU rrappurtat li huma meħtieġa sforzi akbar biex jiġi implimentat il-Ftehim ta' Paċi;
J. billi l-indirizzar tal-vjolenza persistenti kontra l-ex kumbattenti, il-komunitajiet milquta mill-kunflitt, il-mexxejja soċjali, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-proċess ta' riintegrazzjoni, il-konsolidazzjoni tal-preżenza integrata tal-istat fiż-żoni milquta mill-kunflitt, it-tisħiħ tad-djalogu kostruttiv bejn il-partijiet bħala mezz ta' promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi u l-ħtieġa li jissaħħu l-kundizzjonijiet għar-rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet ġew stabbiliti bħala prijoritajiet mis-Segretarju Ġenerali tan-NU;
K. billi fl-2017, il-Gvern Kolombjan beda taħditiet formali ta' paċi mal-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali (ELN); billi, madankollu, f'Jannar 2019 ftit wara li l-ELN splodiet karozza bomba f'akkademja tal-pulizija f'Bogotá li qatlet 22 persuna, il-Gvern tal-President Iván Duque temm it-taħditiet ta' paċi; billi d-dinamika tal-kunflitt li tinvolvi l-ELN, inklużi l-ġlied ma' atturi armati illegali oħra u mal-forzi tas-sigurtà pubblika, għadha għaddejja f'ċerti dipartimenti; billi l-gvern jinsisti li l-possibbiltà li t-taħditiet jissoktaw hija kontinġenti fuq li l-ELN twaqqaf l-azzjonijiet vjolenti tagħha, inkluż il-ħtif, ir-reklutaġġ tat-tfal u t-tqegħid ta' mini, filwaqt li l-ELN iżżomm il-pożizzjoni tagħha li kwalunkwe talba bħal din mill-gvern trid tiġi indirizzata madwar il-mejda tan-negozjati;
L. billi d-deċiżjoni sinifikanti meħuda mill-President tal-Kolombja, Iván Duque Márquez, bħala wiri ta' solidarjetà permezz tal-offerta ta' Status ta' Protezzjoni Temporanja u tar-regolarizzazzjoni ta' madwar 1 800 000 migrant Venezwelan residenti fil-pajjiż, permezz ta' permess temporanju ta' migrazzjoni, jippermettilhom jirreġistraw u jsaħħu l-aċċess tagħhom għas-servizzi statali, bħas-saħħa u l-edukazzjoni, u l-integrazzjoni soċjoekonomika tagħhom, u b'hekk titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom; billi l-Kolombja u l-Venezwela jikkondividu aktar minn 2 000 kilometru ta' fruntiera permeabbli; billi l-fruntiera bejn il-Kolombja u l-Venezwela tikkonsisti prinċipalment f'foresti densi u art b'aċċess diffiċli u dan jagħmilha suxxettibbli għall-attivitajiet illeċiti u l-kriminalità organizzata;
M. billi l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Kolombja mmobilizza EUR 128 miljun mill-baġit tal-UE, minn 21 Stat Membru, miċ-Ċilì u mir-Renju Unit; billi l-ħames kumitat strateġiku tiegħu ddefinixxa l-linji strateġiċi futuri tiegħu fit-22 ta' Jannar 2021;
N. billi s-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali fil-proċess ta' paċi, li jħaddan organizzazzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tan-nisa, komunitajiet rurali, komunitajiet Afro-Kolombjani u popli indiġeni, li żviluppaw diversi inizjattivi u proposti fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;
O. billi l-UE u l-Kolombja għandhom qafas ta' kooperazzjoni politika, ekonomika u kummerċjali mill-qrib stabbilit fil-Memorandum ta' Ftehim ta' Novembru 2009 u l-Ftehim Kummerċjali bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li l-għan aħħari tiegħu huwa mhux biss il-promozzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-partijiet, iżda wkoll il-konsolidament tal-paċi, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u l-benesseri taċ-ċittadini tagħhom; billi l-Kolombja hija sieħba strateġika u hija kruċjali għall-istabbiltà reġjonali; billi l-UE u r-Repubblika tal-Kolombja stabbilew qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kolombja fl-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta' maniġġar ta' kriżijiet, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2020;
P. billi din ir-relazzjoni mill-qrib testendi għal oqsma ta' kollaborazzjoni internazzjonali multilaterali dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku, bħall-ġlieda favur il-paċi u kontra t-terroriżmu u t-traffikar tad-drogi;
1. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Ftehim ta' Paċi fil-Kolombja u jilqa' d-djalogu reċenti li sar bejn il-partijiet, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforz politiku, ir-realiżmu u l-perseveranza tagħhom; itenni r-rieda tiegħu li jkompli jipprovdi l-assistenza politika u finanzjarja kollha possibbli biex jappoġġja l-implimentazzjoni komprensiva tal-Ftehim ta' Paċi, li jakkumpanja l-fażi ta' wara l-kunflitt, li fiha l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tibqa' essenzjali, u li jqis kif xieraq il-prijoritajiet espressi mill-vittmi f'termini ta' verità, ġustizzja, reparazzjonijiet u garanziji ta' nonrepetizzjoni; itenni s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi;
2. Jenfasizza li l-Ftehim ta' Paċi Kolombjan spiss jiġi kkwotat bħala mudell madwar id-dinja minħabba d-determinazzjoni tiegħu li jindirizza l-kwistjonijiet li kkawżaw il-kunflitt u l-enfasi ċentrali tiegħu fuq id-drittijiet u d-dinjità tal-vittmi; ifakkar li l-partijiet kollha ta' tali ftehim kumpless u innovattiv jeħtieġ li jiġu implimentati, peress li huma marbuta flimkien fit-trattament tal-kawżi fundamentali tal-kunflitt; jistieden lill-Gvern Kolombjan ikompli jagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-Ftehim ta' Paċi;
3. Jilqa' l-progress li sar mill-Kolombja f'oqsma bħar-Riforma Rurali Integrali, il-programmi għall-iżvilupp rurali (PDET), ir-rispett tad-drittijiet tal-vittmi, is-soluzzjoni tal-problema tad-drogi illeċiti, is-sostituzzjoni ta' għelejjel illeċiti, ir-restituzzjoni tal-art u l-inkorporazzjoni mill-ġdid tal-ex kumbattenti, u jinkoraġġixxi l-użu ta' sforzi addizzjonali biex jiġu implimentati l-aspetti kollha tal-Ftehim ta' Paċi, b'mod partikolari dawk l-oqsma soċjoekonomiċi fejn inkiseb inqas progress; jisħaq fuq kemm huwa importanti li l-proċess ta' paċi jkun akkumpanjat minn sforz determinat biex jiġu miġġielda l-inugwaljanza u l-faqar, inkluż billi jinstabu soluzzjonijiet ġusti għan-nies u l-komunitajiet spustati mill-artijiet tagħhom; iqis li l-gruppi li sofrew b'mod sproporzjonat mill-kunflitt, bħall-komunitajiet Afro-Kolombjani u indiġeni, għandhom jingħataw appoġġ speċjali; jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kunsilli Territorjali għall-Paċi, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Koeżistenza;
4. Jissottolinja r-rwol fundamentali u storiku tal-pjanijiet ta' żvilupp b'approċċ territorjali (PDET), ifformulati mill-komunitajiet f'170 muniċipalità l-aktar milquta mill-abbandun, il-faqar u l-vjolenza;
5. Jilqa' l-azzjonijiet kollha diġà meħuda mill-JEP sabiex jinħoloq futur li fil-qalba tiegħu jkollu l-konsolidazzjoni tal-paċi u n-nuqqas ta' impunità, u jistieden lill-JEP ikompli bl-isforzi sinifikanti tiegħu, minkejja l-isfidi numerużi, inkluż id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Kolombjani jippreservaw l-awtonomija u l-indipendenza tas-Sistema Komprensiva tal-Ġustizzja, il-Verità, ir-Reparazzjoni u n-Nonrepetizzjoni u jipproteġuha bħala kontribut essenzjali favur paċi sostenibbli u dejjiema;
6. Jikkundanna l-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ex kumbattenti tal-FARC u tal-mexxejja soċjali u indiġeni, u l-vjolenza kontrihom; jenfasizza li l-indirizzar tal-vjolenza persistenti kontrihom hija waħda mill-isfidi ewlenin fil-Kolombja; jinnota li l-kunflitt eskala fiż-żoni rurali tal-pajjiż u jiddeplora l-vjolenza kkawżata prinċipalment f'dawk iż-żoni minn gruppi armati illegali u l-kriminalità organizzata marbuta mat-traffikar tad-drogi u l-estrazzjoni illegali; jinnota li ġew irrappurtati diversi każijiet ta' spostament furzat, reklutaġġ furzat, vjolenza sesswali kontra t-tfal u n-nisa, massakri, tortura u atroċitajiet oħra, u attakki kontra komunitajiet u awtoritajiet etniċi, kif ukoll influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi; jitlob li jsiru investigazzjonijiet rapidi u bir-reqqa u li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom; iħeġġeġ lill-Istat Kolombjan iżid u jiggarantixxi l-protezzjoni u s-sikurezza tal-mexxejja soċjali u politiċi, tal-attivisti soċjali u tad-difensuri ambjentali u tal-komunità rurali; jara bi tħassib speċjali s-sitwazzjoni problematika fid-dipartiment ta' Cauca, kif imqajma fid-dikjarazzjoni tan-NU;
7. Jirrikonoxxi l-isforzi biex tiġi miġġielda l-kriminalità ta' gruppi armati organizzati u organizzazzjonijiet oħra; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu miżuri urġenti biex tiżdied il-protezzjoni tagħhom, u għalhekk jitlob li jkun hemm preżenza statali integrata aktar b'saħħitha fit-territorji, u li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Garanziji tas-Sigurtà tadotta politika pubblika biex iżżarma l-organizzazzjonijiet kriminali; jilqa', b'kunsiderazzjoni ta' dan, il-Pjan Strateġiku ta' Sigurtà u Protezzjoni għar-Riintegrazzjoni tal-Persuni;
8. Jilqa' l-estensjoni tal-Liġi dwar il-Vittmi sal-2031 u ż-żieda fil-baġit tagħha, għall-benefiċċju ta' aktar minn disa' miljun persuna li huma rreġistrati fir-Reġistru Uniku tal-Vittmi u l-parteċipazzjoni politika effettiva tal-FARC, issa l-Partit Comunes, u l-progress li sar fir-rikostituzzjoni ta' kważi 14 000 ex kumbattent; jilqa' x-xiri tal-art mill-gvern ta' sebgħa mill-24 ex Żona Territorjali ta' Taħriġ u Riintegrazzjoni (TATRs) u jenfasizza l-iskjerament tas-sigurtà fihom, flimkien mal-miżuri ta' protezzjoni soċjali li jkopru aktar minn 13 000 ex kumbattent;
9. Jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mill-istituzzjonijiet Kolombjani u jinkoraġġihom jagħmlu aktar progress fl-iżgurar li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati bis-sħiħ u b'mod permanenti, f'konformità mad-dmir tal-Kolombja li tiggarantixxi s-sikurezza taċ-ċittadini tagħha; jenfasizza t-tnaqqis fir-rata ta' omiċidji li naqset minn 25 għal 23,7 għal kull 100 000 abitant bejn l-2019 u l-2020, kif rikonoxxut mir-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; jirrikonoxxi l-impenn tal-gvern favur il-protezzjoni tal-mexxejja soċjali, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ex kumbattenti, u l-komunitajiet remoti;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li, minkejja l-obbligu tagħhom li jipprovdu informazzjoni dwar ir-rotot tat-traffikar tad-droga u s-sorsi ta' finanzjament li jsostnu lill-gruppi kriminali li jattakkaw lid-difensuri, lill-mexxejja u lill-ex kumbattenti, sal-ġurnata tal-lum, l-ex gwerillieri ma pprovdewhiex; jinnota t-tħassib tiegħu, bl-istess mod, li d-data ta' skadenza stabbilita għall-konsenja tal-assi tal-ex FARC-EP għar-reparazzjoni lill-vittmi skadiet fil-31 ta' Diċembru 2020, u li 4 % biss tal-ammont miftiehem ingħata;
11. Jinkoraġġixxi lill-gvern jadotta l-miżuri kollha meħtieġa fil-kuntest ekonomiku attwali biex jippromwovi bidliet strutturali, kif rakkomandat min-NU, li jgħinu biex titjieb is-sitwazzjoni ġenerali u jiġi mmassimizzat il-potenzjal tal-Ftehim ta' Paċi għal trasformazzjoni pożittiva tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja; jappella lill-organizzazzjonijiet ċiviċi jikkooperaw biex jistabbilixxu mill-ġdid il-koeżistenza rikonċiljata fil-Kolombja;
12. Itenni għal darba oħra li l-vjolenza mhijiex metodu leġittimu ta' taqbida politika, u jitlob lil dawk li kellhom din il-konvinzjoni jħaddnu d-demokrazija bl-implikazzjonijiet u r-rekwiżiti kollha tagħha, inkluż, bħala l-ewwel pass, billi jċedu l-armi b'mod definittiv u billi jiddefendu l-ideat u l-ambizzjonijiet tagħhom fir-rispett tar-regoli demokratiċi u tal-istat tad-dritt; f'dan is-sens jistieden lill-ELN, elenkata bħala organizzazzjoni terroristika mill-UE u lill-gruppi dissidenti tal-FARC-EP biex itemmu l-vjolenza u l-attakki terroristiċi kontra l-popolazzjoni fil-Kolombja u jimpenjaw ruħhom b'mod sod u deċiżiv, mingħajr aktar dewmien, għall-paċi fil-Kolombja;
13. Jenfasizza l-progress li sar f'129 muniċipalità li minnhom tneħħew il-mini kontra l-persunal u l-estensjoni sal-2025 tal-iskadenza għall-eliminazzjoni tagħhom;
14. Ifaħħar il-pass notevoli u bla preċedent li ħadet il-Kolombja biex tagħti Status ta' Protezzjoni Temporanja lil madwar 1 800 000 migrant Venezwelan residenti fil-pajjiż, peress li dan se jikkontribwixxi biex jiġu garantiti t-tgawdija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u biex titnaqqas it-tbatija umana għall-migranti Venezwelani fil-Kolombja, filwaqt li jipprovdi opportunitajiet għal assistenza aħjar, inkluż dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, il-protezzjoni u l-integrazzjoni soċjali; jittama li l-inizjattiva tal-UE li tassisti l-isforzi reġjonali biex ilaħħqu mal-kriżi tal-migrazzjoni se twitti t-triq għal appoġġ aktar b'saħħtu f'konformità mas-solidarjetà eċċellenti tal-Kolombja u jistieden lil membri oħra tal-komunità internazzjonali jingħaqdu flimkien biex jappoġġjaw lill-Kolombja f'dan il-proċess; jappella għat-tisħiħ tar-rispons biex tinstab soluzzjoni politika u demokratika għall-kriżi fil-Venezwela;
15. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew jirdoppjaw l-appoġġ politiku u finanzjarju għall-Kolombja fi ħdan il-qafas tal-istrumenti l-ġodda ta' kooperazzjoni matul il-perjodu baġitarju l-ġdid;
16. Jenfasizza l-kontribut tal-UE, speċjalment permezz tal-Fond Ewropew għall-Paċi fil-Kolombja, li jiffoka r-riżorsi tiegħu fuq ir-riintegrazzjoni u r-Riforma Rurali Integrali, b'enfasi fuq il-programmi PDET u l-formalizzazzjoni tas-sjieda tal-art;
17. Jenfasizza l-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-appoġġ tal-vittmi, l-inkorporazzjoni mill-ġdid, is-sostituzzjoni tal-għelejjel illeċiti u l-170 muniċipalità PDET; jitlob li l-Kummissjoni tapprofondixxi s-sinerġiji bejn il-ftehim kummerċjali u l-istrumenti l-ġodda ta' kooperazzjoni mmirati biex jiggarantixxu aċċess għas-suq Ewropew, skambji u investimenti sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà tal-proġetti produttivi, id-dħul tal-popolazzjoni benefiċjarja u titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom għall-kriminalità u l-ekonomiji illeċiti;
18. Jemmen li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Ftehim ta' Paċi 2016, bħala kontribut għall-paċi u l-istabbiltà globali, se tkompli tkun prijorità ewlenija tar-relazzjonijiet bilaterali msaħħa permezz tal-Memorandum ta' Qbil approvat mill-Kunsill f'Jannar li għadda; fuq l-istess linji, jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kolombja sabiex jitjieb l-għajxien kemm taċ-ċittadini Kolombjani kif ukoll taċ-ċittadini tal-UE permezz tat-tisħiħ tas-sinerġiji bejn is-Sħubija ta' Kummerċ bejn l-UE u l-Kolombja u l-Ftehim ta' Paċi; jappoġġja l-estensjoni tal-mandat tal-Mibgħut Speċjali għall-Paċi fil-Kolombja;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Gvern u lill-Kungress tal-Kolombja.