MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-Russja, il-każ ta' Alexei Navalny, l-iskjerament militari fil-fruntiera mal-Ukrajna u l-attakki Russi fir-Repubblika Ċeka
28.4.2021 - (2021/2642(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0236/2021 (Verts/ALE)
B9-0237/2021 (Renew)
B9-0250/2021 (S&D)
B9-0251/2021 (PPE)
B9-0252/2021 (ECR)
Michael Gahler, Željana Zovko, Andrius Kubilius, Sandra Kalniete, Isabel Wiseler-Lima, Andrzej Halicki, Antonio López-Istúriz White, Miriam Lexmann, David Lega, Rasa Juknevičienė, Jerzy Buzek, Riho Terras, Arba Kokalari, Tomáš Zdechovský, Luděk Niedermayer, Vladimír Bilčík, Traian Băsescu, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Eugen Tomac, Michaela Šojdrová
f'isem il-Grupp PPE
Marek Belka, Włodzimierz Cimoszewicz, Tonino Picula
f'isem il-Grupp S&D
Bernard Guetta, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Moritz Körner, Dragoș Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache
f'isem il-Grupp Renew
Sergey Lagodinsky
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Veronika Vrecionová, Ruža Tomašić, Jadwiga Wiśniewska, Witold Jan Waszczykowski, Elżbieta Rafalska, Hermann Tertsch, Charlie Weimers, Jan Zahradil, Jacek Saryusz-Wolski, Zdzisław Krasnodębski, Adam Bielan, Elżbieta Kruk, Zbigniew Kuźmiuk
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja, il-każ ta' Alexei Navalny, l-iskjerament militari fil-fruntiera mal-Ukrajna u l-attakki Russi fir-Repubblika Ċeka
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR),
– wara li kkunsidra l-pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk, adottati u ffirmati f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015 u approvati uffiċjalment f'daqqa bir-riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-17 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-18 ta' Marzu 2021 dwar l-Ukrajna u d-dikjarazzjoni konġunta tagħhom mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' April 2021 dwar l-istess suġġett,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tas-16 ta' April 2021 bejn il-President Franċiż, il-President Ukren u l-Kanċilliera Ġermaniża dwar il-kwistjoni tal-iskjerament militari Russu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li għamel ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE fit-18 ta' April 2021 dwar saħħet Alexei Navalny li sejra għall-agħar,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 bit-titolu "L-integrità territorjali tal-Ukrajna", ir-riżoluzzjonijiet 71/205 tad-19 ta Diċembru 2016, 72/190 tad-19 ta Diċembru 2017, 73/263 tat-22 Diċembru 2018, 74/168 tat-18 Diċembru 2019 u 75/192 tas-16 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol (l-Ukrajna)", u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 74/17 tad-9 ta' Diċembru 2019 u 75/29 tas-7 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Il-problema tal-militarizzazzjoni tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol, l-Ukrajna, kif ukoll ta' partijiet mill-Baħar l-Iswed u mill-Baħar ta' Azov",
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari t-Titolu II tiegħu dwar id-djalogu politiku u l-konverġenza fil-qasam tal-affarijiet barranin u s-sigurtà[2],
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà tal-5 ta' Diċembru 1994 b'rabta mal-adeżjoni tal-Belarus, il-Każakistan u l-Ukrajna mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Ukrajna tad-29 ta' Marzu 2021 għal ritorn għal waqfien sħiħ mill-ġlied fil-Lvant tal-Ukrajna u l-abbozz tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tad-19 ta' April 2021 dwar it-tkeċċija ta' diplomatiċi Ċeki u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tal-21 ta' April 2021 b'solidarjetà mar-Repubblika Ċeka dwar attivitajiet kriminali fit-territorju tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'dawn l-aħħar ġimgħat il-Federazzjoni Russa żiedet sostanzjalment il-preżenza militari tagħha fil-fruntieri tal-Lvant u tat-Tramuntana mal-Ukrajna u fil-Krimea, u ġabret total ta' aktar minn 100 000 truppa, kif ukoll tankijiet, artillerija, vetturi blindati u makkinarju tqil ieħor; billi dan l-iskjerament reċenti jikkostitwixxi l-akbar konċentrazzjoni ta' truppi Russi mill-2014 'l hawn u l-iskala u l-kapaċitajiet offensivi tiegħu jindikaw intenzjonijiet ostili;
B. billi l-Federazzjoni Russa ħabbret is-sospensjoni tad-dritt ta' passaġġ innoċenti għall-bastimenti tal-gwerra u l-bastimenti kummerċjali ta' pajjiżi oħra min-naħa tal-Baħar l-Iswed fid-direzzjoni tal-Istrett ta' Kerch sal-31 ta' Ottubru 2021, u b'hekk qed tikser il-libertà ta' navigazzjoni, li hija garantita mill-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, li r-Russja hija firmatarja tagħha; billi ż-żoni kkonċernati jinsabu fil-baħar territorjali tal-Ukrajna li jdawwar it-territorju temporanjament okkupat tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol;
C. billi għaddew sitt snin mill-adozzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk u seba' snin mill-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa u l-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna;
D. billi skont sorsi Ukreni, il-Federazzjoni Russa għandha madwar 3 000 uffiċjal u għalliem militari fil-forzi armati taż-żewġ hekk imsejħa Repubbliki tal-Poplu;
E. billi d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa permezz tal-forzi proxy tagħha fl-hekk imsejħa Repubbliki tal-Poplu ta' Donetsk u Luhansk ilha għaddejja mill-2014; billi l-kunflitt sewa l-ħajja ta' aktar minn 14 000 persuna u wassal biex kważi żewġ miljun persuna saru persuni spostati internament (IDPs);
F. billi l-Ukrajna talbet li jiġi invokat il-paragrafu 16.3 tal-Kapitolu III tad-Dokument ta' Vjenna tal-2011 dwar il-Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja u tas-Sigurtà, filwaqt li talbet "spjegazzjoni tal-attivitajiet militari mhux tas-soltu" tal-Federazzjoni Russa qrib il-fruntiera tal-Ukrajna u fil-Krimea okkupata; billi d-Dokument ta' Vjenna ġie adottat minn kull wieħed mis-57 membru tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fl-2011 biex iservi bħala sors permanenti ta' kooperazzjoni u trasparenza militari; billi l-Federazzjoni Russa ddeċidiet li ma tiħux sehem f'din il-laqgħa;
G. billi l-istati parteċipanti tal-OSKE għandhom jagħtu lil xulxin informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, il-pjanijiet ta' skjerament, jinnotifikaw lil xulxin qabel iż-żmien dwar attivitajiet militari sinifikanti, pereżempju eżerċizzji, u jikkonsultaw u jikkooperaw ma' xulxin f'każ ta' attività militari mhux tas-soltu jew żieda fit-tensjonijiet;
H. billi l-Ġimgħa 23 ta' April 2021 il-Ministeru għad-Difiża Russu ddikjara li l-forzi miġbura kienu se jirritornaw lejn il-bażijiet permanenti tagħhom sal-1 ta' Mejju 2021;
I. billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-Russja qed tkompli sejra għall-agħar, u l-awtoritajiet qed jikkalpestaw kontinwament dawn id-drittijiet u l-libertajiet; billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-KEDB, u hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa;
J. billi Alexei Navalny, l-aktar attivist kontra l-korruzzjoni u politiku tal-oppożizzjoni Russu magħruf, fis-17 ta' Jannar 2021 ġie arrestat u fit-2 ta' Frar ġie kkundannat għal tliet snin u nofs ħabs talli allegatament kiser il-probation waqt li kien qed jirkupra fil-Ġermanja minn attentat ta' assassinju b'avvelenament permezz ta' aġent kimiku militari pprojbit imwettaq minn aġenti tas-servizzi tas-sigurtà Russi fil-Federazzjoni Russa; billi fit-12 ta' Marzu Alexei Navalny ġie ttrasferit lejn kolonja penali f'Pokrov, fejn ġie ripetutament soġġett għal tortura u trattament inuman u sussegwentement beda strajk tal-ġuħ aktar minn tliet ġimgħat ilu;
K. billi dawn l-iżviluppi tal-aħħar ġimgħat ikkonfermaw l-agħar beżgħat ta' familtu, ħbiebu, is-sostenituri tiegħu u l-komunità internazzjonali rigward is-sikurezza personali tiegħu u ħajtu, u wasslu għat-trasferiment tiegħu lejn sptar tal-ħabs qrib Moska fejn ħajtu għadha fil-periklu;
L. billi fis-16 ta' Frar 2021 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li tindika lill-Gvern tar-Russja, skont l-Artikolu 39 tar-Regoli tal-Qorti, biex jeħles lil Alexei Navalny; billi din il-miżura għandha tapplika b'effett immedjat; billi l-Qorti qieset in-natura u l-kobor tar-riskju għal ħajjet Alexei Navalny, murija prima facie għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-miżura interim u kkunsidrati fid-dawl taċ-ċirkustanzi ġenerali tad-detenzjoni attwali ta' Alexei Navalny;
M. billi nhar il-Ġimgħa 23 ta' April 2021, Alexei Navalny ħabbar li, wara parir mogħti minn tobba mhux tal-ħabs, huwa kien se jissospendi gradwalment l-istrajk tal-ġuħ li kien beda fil-31 ta' Marzu; billi l-parir mediku li ngħata Alexei Navalny kien li t-tkomplija tal-istrajk tal-ġuħ kienet se tkun ta' theddida għal ħajtu; billi anki jekk Navalny jingħata l-kura meħtieġa issa, m'hemm l-ebda garanzija li ma jkunx soġġett għal aktar trattament inuman jew ta' theddida għall-ħajtu, jew għal attentati ta' qtil;
N. billi fl-2020 ir-Russja kklassifikat fil-129 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' Transparency International, filwaqt li kklassifikat fl-aħħar post fl-Ewropa; billi r-rabtiet kleptokratiċi bejn l-oligarki, l-uffiċjali tas-sigurtà u l-uffiċjali marbuta mal-Kremlin ġew parzjalment esposti minn attivisti kontra l-korruzzjoni bħall-mejjet Sergei Magnitsky u l-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni (FBK) immexxija minn Alexei Navalny, li implikaw l-ogħla gradi tal-poter, inkluż lil Vladimir Putin, f'investigazzjonijiet dwar il-ġid inspjegabbli li akkumulaw tul is-snin; billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Moska qed ifittex li jittimbra lill-FBK u lil żewġ organizzazzjonijiet oħra marbuta ma' Navalny – il-Fondazzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-kwartieri ġenerali reġjonali ta' Navalny – bħala "estremisti", li jfisser li l-impjegati tagħhom jistgħu jiffaċċjaw arresti u sentenzi ta' ħabs li jvarjaw minn sitta sa għaxar snin;
O. billi l-avvelenament ta' Navalny jikkorrispondi għal xejra ta' azzjonijiet li ttieħdu kontra l-avversarji ta' Putin, fosthom Victor Yuschenko, Sergei Skripal u Vladimir Kara-Murza, u li wasslu għall-mewt ta' diversi personalitajiet ewlenin tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, attivisti u mexxejja barranin, fosthom, iżda mhux biss, Boris Nemtsov, Anna Politkovskaya, Sergei Protazanov, Natalya Estemirova u Alexander Litvinenko;
P. billi l-Federazzjoni Russa mhux biss tirrappreżenta theddida esterna għas-sigurtà Ewropea, iżda qiegħda wkoll tiġġieled gwerra interna kontra l-poplu tagħha stess fl-għamla ta' oppressjoni sistematika tal-oppożizzjoni u arresti fit-toroq; billi fil-21 ta' April 2021 biss, l-għadd ta' dimostraturi paċifiċi arrestati laħaq aktar minn 1 788, u b'kollox ġew arrestati aktar minn 15 000 ċittadin Russu innoċenti minn Jannar 2021 'l hawn;
R. billi fiż-żewġ riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, il-Parlament talab rieżami tal-politika tal-UE fil-konfront tar-Russja u l-ħames prinċipji gwida tagħha u talab lill-Kunsill jibda minnufih it-tħejjijiet u jadotta strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet futuri ma' Russja demokratika, li tkun tinkludi firxa wiesgħa ta' inċentivi u kundizzjonijiet għat-tisħiħ tad-dinamika interna fl-interess tal-libertà u d-demokrazija fir-Russja;
S. billi fis-17 ta' April 2021 ir-Repubblika Ċeka keċċiet 18-il membru tal-persunal tal-ambaxxata Russa, inklużi membri tal-aġenziji tal-intelligence Russi, wara li s-Servizz tal-Informazzjoni dwar is-Sigurtà tar-Repubblika Ċeka kkonkluda b'bażi soda li, fl-2014, waqt xogħolhom, uffiċjali tal-intelligence Russi kienu involuti fl-isplużjoni ta' maħżen tal-munizzjon li fiha nqatlu żewġ ċittadini Ċeki u saret ħsara materjali estensiva; billi ħajjet u l-proprjetà ta' eluf ta' persuni li jgħixu fil-muniċipalitajiet tal-madwar tqiegħdu f'periklu bla ħniena; billi dawn l-azzjonijiet illegali fit-territorju tar-Repubblika Ċeka jikkostitwixxu ksur kritiku tas-sovranità ta' Stat Membru tal-UE minn potenza barranija; billi, b'reazzjoni għat-tkeċċija ta' 18 mill-membri tal-persunal tal-ambaxxata tagħha min-naħa tar-Repubblika Ċeka, il-Federazzjoni Russa keċċiet 20 diplomatiku Ċek, li ġew ordnati jitilqu fid-19 ta' April 2021; billi fit-22 ta' April 2021 ir-Repubblika Ċeka ddeċidiet li l-għadd ta' persunal fl-ambaxxata Russa fir-Repubblika Ċeka kellu jkun l-istess bħall-għadd ta' persunal fl-ambaxxata Ċeka fir-Russja, wara li r-Russja rrifjutat li taċċetta lid-diplomatiċi Ċeki mkeċċija lura fil-pajjiż u skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, u tat lill-ambaxxata Russa sal-aħħar ta' Mejju biex tagħmel dan;
T. billi l-istess aġenti tal-GRU involuti fl-isplużjoni tal-maħżen tal-munizzjon fir-Repubblika Ċeka kienu wkoll responsabbli għall-attentat ta' qtil ta' Sergei u Yulia Skripal fir-Renju Unit fl-2018 bl-użu ta' aġent nervin Novichok ta' grad militari, li wassal ukoll għall-mewt ta' ċittadin Brittaniku; billi l-aġenti tal-GRU ġew akkużati wkoll bl-attentat ta' qtil ta' Emilian Gebrev, is-sid ta' fabbrika tal-armi, u żewġ persuni oħra fil-Bulgarija fl-2015; billi r-Russja mhix qed tikkoopera fl-investigazzjoni ta' dawn ir-reati mwettqa fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, ċaħdet l-involviment tal-GRU fl-avvelenament ta' Sergei u Yulia Skripal u qed tagħti kenn lis-suspettati ewlenin;
1. Jappoġġja l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-politika tal-UE ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-Belt ta' Sevastopol; jilqa' l-miżuri restrittivi kollha meħuda mill-UE bħala konsegwenza tal-annessjoni illegali; jitlob il-ħelsien immedjat taċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti illegalment u miżmuma l-ħabs fil-peniżola tal-Krimea u fir-Russja, u jiddeplora l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-Krimea u fit-territorji okkupati fil-Lvant tal-Ukrajna, kif ukoll il-konferiment fuq skala kbira ta' ċittadinanza Russa (l-għoti furzat ta' passaporti) fost iċ-ċittadini f'dawk iż-żoni; jissottolinja li l-uffiċjali Russi li l-azzjonijiet jew in-nuqqas ta' azzjoni tagħhom ippermettew jew irriżultaw f'delitti tal-gwerra fl-Ukrajna se jkollhom jiffaċċjaw il-ġustizzja kriminali internazzjonali;
2. Jesprimi dispjaċir għall-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja kkawżati mill-aggressjoni tar-Russja u mid-destabbilizzazzjoni kontinwa tal-Ukrajna, l-imġiba ostili u l-attakki diretti fil-konfront tal-Istati Membri u s-soċjetajiet tal-UE, fost l-oħrajn permezz ta' ndħil fil-proċessi elettorali, l-użu ta' diżinformazzjoni, deep fakes, attakki ċibernetiċi malizzjużi, sabotaġġ u armi kimiċi, u d-deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika fir-Russja; jikkundanna bil-qawwa l-imġiba ostili tar-Russja fl-Ewropa u jistieden lill-gvern tagħha jtemm dawn l-attivitajiet, li jiksru l-prinċipji u n-normi internazzjonali u jheddu l-istabbiltà fl-Ewropa, li jimpedixxi kwalunkwe kisba ta' aġenda bilaterali pożittiva ma' dan il-ġar importanti;
3. jibqa' mħasseb ħafna dwar l-iskjerament militari kbir Russu fil-fruntiera mal-Ukrajna u fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea okkupata illegalment, li l-Ministeru tad-Difiża Russu ddikjara li ntemm; jikkundanna dawn l-azzjonijiet ta' theddid u destabilizzazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa u jirrikonoxxi b'apprezzament ir-rispons proporzjonat tal-Ukrajna;
4. Iqis li l-UE trid tislet konklużjonijiet mill-iskjerament militari Russu inketwanti ħafna fil-fruntiera mal-Ukrajna, li ġie sospiż minn nhar il-Ġimgħa 22 ta' April; jinsisti li r-ritorn tat-truppi Russi mill-fruntiera mal-Ukrajna lura lejn il-bażijiet permanenti tagħhom irid isir bis-sħiħ u mingħajr dewmien; jitlob li r-Russja ttemm minnufih il-prattika ta' skjeramenti militari mhux ġustifikati mmirati biex jheddu l-ġirien tagħha, twaqqaf il-provokazzjonijiet kollha li għaddejjin bħalissa u żżomm lura minn dawk futuri u tnaqqas is-sitwazzjoni billi tirtira l-forzi tagħha lura lejn il-bażijiet permanenti tagħhom, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha, bħall-prinċipji u l-impenji tal-OSKE dwar it-trasparenza tal-movimenti militari u d-Dokument ta' Vjenna; itenni li l-iskjerament militari Russu jippreżenta wkoll theddida għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-paċi Ewropea, li hi r-raġuni għalfejn id-djalogu tal-UE dwar is-sigurtà mal-Ukrajna għandu jkun ambizzjuż u jikkontribwixxi għal valutazzjoni konverġenti tal-isfidi tas-sigurtà fil-prattika; jisħaq li l-pajjiżi ħbieb għandhom iżidu l-appoġġ militari tagħhom u l-provvista ta' armi difensivi lill-Ukrajna, li huwa konformi mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU li jippermetti l-awtodifiża individwali u kollettiva; jistieden lir-Russja tirtira t-truppi tagħha mill-hekk imsejħa Repubbliki tal-Poplu ta' Luhansk u Donetsk u tirritorna l-kontroll tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-Belt ta' Sevastopol lill-Ukrajna;
5. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) jiżgura li l-Kunsill jibqa' jikkunsidra l-iżviluppi militari minkejja r-rilokazzjoni mħabbra tat-truppi Russi u jibqa' lest li jaqbel dwar aktar azzjoni konġunta;
6. Iħeġġeġ lir-Russja tirrispetta l-obbligu tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u tiggarantixxi l-libertà ta' navigazzjoni u tal-passaġġ ta' tranżitu mill-istrett internazzjonali għall-portijiet tal-Baħar ta' Azov; jitlob lill-UE biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma' sħab internazzjonali oħra, tiżviluppa l-monitoraġġ permanenti tal-passaġġ tal-bastimenti kollha li jgħaddu mill-Istrett ta' Kerch;
7. Iħeġġeġ lir-Russja u lis-separatisti appoġġjati mir-Russja jaderixxu mal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied; jitlob lir-Russja timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Minsk, u tipparteċipa b'mod kostruttiv fil-Proċess tan-Normandija u fil-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali; jenfasizza l-ħtieġa ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u rwol aktar b'saħħtu għall-UE fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;
8. Jissottolinja li jekk tali skjerament militari fil-futur jiġi ttrasformat f'invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tal-Federazzjoni Russa, l-UE trid tagħmilha ċara li l-prezz għal tali ksur tad-dritt u n-normi internazzjonali jkun sever; jinsisti, għalhekk, li, f'ċirkustanzi bħal dawn, l-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass mir-Russja lejn l-UE għandhom jitwaqqfu immedjatament, filwaqt li r-Russja għandha tiġi eskluża mis-sistema ta' pagamenti SWIFT, u l-assi kollha fl-UE tal-oligarki qrib l-awtoritajiet Russi u l-familji tagħhom jeħtieġ li jiġu ffriżati u l-viżi tagħhom ikkanċellati;
9. jesiġi li l-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija Russa, u jħeġġeġ, għalhekk, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri kollha jwaqqfu t-tlestija tal-pipeline Nord Stream 2 u jitolbu li titwaqqaf il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari kontroversjali mibnija minn Rosatom;
10. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjoni internazzjonali dwar iċ-ċirkustanzi tat-twaqqigħ traġiku tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines, li possibbilment jista' jikkostitwixxi delitt tal-gwerra, u jtenni l-appell tiegħu biex issir ġustizzja mal-persuni responsabbli;
11. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jibnu fuq il-proposta leġiżlattiva tar-Renju Unit għal Regolament Globali ta' Sanzjonijiet Kontra l-Korruzzjoni, u reġimi simili oħra, u jadottaw reġim ta' sanzjonijiet tal-UE kontra l-korruzzjoni li jikkomplementa r-Reġim ta' Sanzjonijiet Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem attwali; jissottolinja li l-Istati Membri tal-UE m'għandhomx jibqgħu postijiet li jilqgħu l-ġid u l-investimenti Russi ta' oriġini mhux ċara; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-isforzi tagħhom biex irażżnu l-investimenti strateġiċi tal-Kremlin fi ħdan l-UE għal finijiet ta' sovverżjoni, imminar tal-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi u tixrid tal-korruzzjoni; ikompli jinsisti li Stati Membri bħal Ċipru, il-Bulgarija u Malta jeħtieġ jabbandunaw ir-reġimi tal-"passaporti tad-deheb" tagħhom;
12. Jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' Alexei Navalny, li s-sentenza tiegħu hija politikament motivata u tmur kontra l-obbligi internazzjonali tar-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll tal-persuni kollha arrestati waqt il-protesti favur il-ħelsien tiegħu jew favur il-kampanja tiegħu kontra l-korruzzjoni; jistenna li r-Russja tikkonforma mal-miżura interim tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tan-natura u l-kobor tar-riskju għal ħajjet Alexei Navalny; iżomm lir-Russja responsabbli għas-sitwazzjoni ta' saħħet Alexei Navalny u jħeġġeġ lir-Russja tinvestiga t-tentattiv ta' qtil fuq Alexei Navalny, filwaqt li tikkoopera bis-sħiħ mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW); jistieden lill-awtoritajiet Russi jtejbu l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u fil-faċilitajiet ta' detenzjoni sabiex jissodisfaw l-istandards internazzjonali; jitlob li jitwaqqfu l-arresti ta' dimostranti paċifiċi u l-attakki sistematiċi fuq l-oppożizzjoni fir-rigward tat-talbiet biex jinħeles Alexei Navalny; jissottolinja li l-individwi kollha involuti fil-prosekuzzjoni, il-kundanna u t-trattament ħażin ta' Alexei Navalny għandhom ikunu soġġetti għal sanzjonijiet fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem;
13. Ifakkar lill-awtoritajiet Russi u lill-President Putin personalment, bħala l-kap tal-Istat Russu, li huma għandhom responsabbiltà sħiħa biex jieħdu ħsieb il-ħajja u l-integrità fiżika ta' Alexei Navalny u jeħtiġilhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġu s-saħħa fiżika u mentali u l-benesseri tiegħu; ikompli jħeġġeġ lill-President Putin u lill-awtoritajiet Russi jinvestigaw, iressqu quddiem il-ġustizzja jżommu responsabbli lil dawk ħatja tal-attentat ta' qtil tiegħu;
14. Jikkundanna l-intenzjoni tal-awtoritajiet Russi li jiddikjaraw il-Fondazzjoni kontra l-Korruzzjoni mmexxija minn Alexei Navalny bħala organizzazzjoni estremista bla bażi u diskriminatorja; jenfasizza l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li x-xewqa li wieħed jipparteċipa f'diskors pubbliku u proċess elettorali ħielsa u pluralistiċi hija dritt inaljenabbli ta' kwalunkwe organizzazzjoni politika individwali u demokratika u m'għandha xejn x'taqsam ma' fehmiet estremisti;
15. Jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-forzi demokratiċi fir-Russja impenjati favur soċjetà miftuħa u ħielsa, kif ukoll l-appoġġ tiegħu għall-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha li sfaw mira ta' attakki u repressjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jwaqqfu l-fastidju, l-intimidazzjoni u l-attakki kollha kontra l-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili, il-midja, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tan-nisa, u attivisti oħra fil-pajjiż, b'mod partikolari qabel l-elezzjonijiet parlamentari fil-ħarifa tal-2021; iħeġġeġ lill-UE tistieden b'mod kontinwu lir-Russja tħassar jew temenda l-liġijiet kollha li mhumiex kompatibbli mal-istandards internazzjonali; ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-ħidma tagħhom; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-pajjiż isaħħu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili u jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE;
16. Itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex ikomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u biex ikomplu jimmonitorjaw il-kawżi tal-qorti li jinvolvu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, politiċi tal-oppożizzjoni u attivisti, inkluż il-każ ta' Alexei Navalny;
17. Jiddeplora l-fatt li awturi mis-servizzi tal-intelligence Russi kkawżaw l-isplużjoni tal-maħżen tal-armi f'Vrbětice fir-Repubblika Ċeka, li kien jikkostitwixxi ksur tas-sovranità Ċeka u jirrappreżenta att ta' ostilità inaċċettabbli; jikkundanna bil-qawwa l-attivitajiet immirati biex jiddestabbilizzaw u jheddu lil Stati Membri tal-UE u jistieden lir-Russja twaqqaf kwalunkwe attività simili u żżomm dawk ħatja responsabbli għal għemilhom, u tikkumpensa lill-familji taċ-ċittadini li mietu fl-attakk tal-2014; jissottolinja li l-Unjoni Ewropea tappoġġja lir-Repubblika Ċeka u jitlob lill-VP/HR u lill-Kunsill jieħdu kontromiżuri xierqa, inkluż l-estensjoni ta' sanzjonijiet immirati f'każ ta' ritaljazzjoni kontra r-Repubblika Ċeka jew kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu u l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka wara l-attakk Russu mwettaq fit-territorju tal-UE u t-tkeċċija bla bażi u sproporzjonata ta' 20 diplomatiku Ċek mir-Russja; jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ċeki li l-għadd ta' persunal fl-ambaxxata tar-Russja fir-Repubblika Ċeka jkun daqs l-għadd ta' persunal fl-ambaxxata tar-Repubblika Ċeka fir-Russja, jikkundanna t-theddid sussegwenti mill-Federazzjoni Russa fil-konfront tar-Repubblika Ċeka u jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-atti kollha ta' appoġġ u solidarjetà murija minn gvernijiet differenti tal-Istati Membri tal-UE u s-servizzi diplomatiċi kollha li diġà ġew offruti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jipproċedu bi tkeċċija koordinata tad-diplomatiċi Russi, fuq l-eżempju tal-każ ta' Skripal;
18. Jikkundanna l-propaganda u d-diżinformazzjoni fl-istampa Russa u t-tixrid malizzjuż tagħha lejn l-UE, kif ukoll il-ħidma tal-fabbrika tat-trolls Russi, speċjalment dawk li bħalissa qed jimmalafamaw ir-Repubblika Ċeka billi jsostnu li hija satellita ta' interessi tal-Istati Uniti u mhux pajjiż sovran b'servizzi ta' informazzjoni indipendenti; jikkundanna l-attakki ċibernetiċi fuq l-istituzzjoni tal-amministrazzjoni tal-Istat strateġika Ċeka b'rabta mal-ispjunaġġ militari Russu;
19. Itenni li l-unità fost l-Istati Membri tal-UE hija l-aħjar politika biex ir-Russja tiġi skoraġġuta milli twettaq azzjonijiet destabbilizzanti u sovversivi fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw il-pożizzjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-Russja u jitkellmu b'vuċi waħda; jesiġi li fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa l-Istati Membri jitkellmu b'vuċi waħda dwar in-nuqqas kontinwu ta' rispett tar-Russja għad-deċiżjonijiet mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li l-UE għandha tfittex kooperazzjoni akbar ma' sħab tal-istess fehma, b'mod partikolari n-NATO u l-Istati Uniti, tuża l-mezzi kollha disponibbli fil-livell internazzjonali biex tiġġieled b'mod effettiv l-indħil kontinwu, il-kampanji ta' diżinformazzjoni dejjem aktar aggressivi u l-ksur gravi tad-dritt internazzjonali mir-Russja li jhedded is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Ewropa;
20. Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jaġixxu fil-ħin u b'determinazzjoni kontra azzjonijiet ta' tfixkil mis-servizzi tal-intelligence Russi fit-territorju tal-UE u tikkoordina mill-qrib ir-rispons proporzjonat tagħha mas-sħab Trans-Atlantiċi; jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ta' counter-intelligence u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni;
21. Jistieden lill-VP/HR u lill-Kunsill ifasslu approċċ strateġiku ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, li jrid jappoġġja aħjar lis-soċjetà ċivili, isaħħaħ il-kuntatti bejn in-nies maċ-ċittadini tar-Russja, ifassal linji ħomor ċari għall-kooperazzjoni mal-atturi tal-Istat Russu, juża standards teknoloġiċi u l-internet miftuħ biex jappoġġja spazji ħielsa u jirrestrinġi t-teknoloġiji oppressivi, u juri solidarjetà mas-Sħab tal-Lvant tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; jissottolinja li kwalunkwe djalogu mar-Russja jrid ikun ibbażat fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, il-Gvern u l-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u lill-Parlament, il-Gvern u d-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.