Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0239/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0239/2021

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 fl-Amerka Latina

    28.4.2021 - (2021/2645(RSP))

    imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
    li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
    B9-0239/2021 (PPE)
    B9-0240/2021 (Verts/ALE)
    B9-0241 (S&D)
    B9-0242/2021 (Renew)
    B9-0243/2021 (ECR)

    Željana Zovko, José Manuel Fernandes, Leopoldo López Gil, Isabel Wiseler-Lima, David McAllister, Michael Gahler, Gabriel Mato, Miriam Lexmann, Loránt Vincze, Krzysztof Hetman, Róża Thun und Hohenstein, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, David Lega, Romana Tomc, Tomáš Zdechovský, Peter Pollák, Christian Sagartz, Magdalena Adamowicz, Benoît Lutgen, Adam Jarubas, Janina Ochojska, Frances Fitzgerald, Lefteris Christoforou, Inese Vaidere, Paulo Rangel, Vangelis Meimarakis, Stanislav Polčák, Ioan-Rareş Bogdan, Loucas Fourlas, Jiří Pospíšil, Antonio López-Istúriz White, Eva Maydell, Michaela Šojdrová, Vladimír Bilčík
    f'isem il-Grupp PPE
    Marek Belka, Isabel Santos, Maria-Manuel Leitão-Marques
    f'isem il-Grupp S&D
    Jordi Cañas, Dita Charanzová, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Izaskun Bilbao Barandica, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Vlad Gheorghe, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Moritz Körner, Javier Nart, Urmas Paet, Dragoș Pîslaru, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu
    f'isem il-Grupp Renew
    Hannah Neumann, Anna Cavazzini
    f'isem il-Grupp Verts/ALE
    Veronika Vrecionová, Raffaele Fitto, Joanna Kopcińska, Karol Karski, Elżbieta Kruk, Adam Bielan, Witold Jan Waszczykowski, Assita Kanko, Ruža Tomašić, Anna Fotyga, Jadwiga Wiśniewska, Elżbieta Rafalska, Ryszard Czarnecki, Bogdan Rzońca, Angel Dzhambazki, Valdemar Tomaševski, Hermann Tertsch, Carlo Fidanza
    f'isem il-Grupp ECR
    Fabio Massimo Castaldo


    Proċedura : 2021/2645(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    RC-B9-0239/2021
    Testi mressqa :
    RC-B9-0239/2021
    Testi adottati :

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 fl-Amerka Latina

    (2021/2645(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Marzu 2020 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li tiddikjara l-COVID-19 pandemija,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), tat-30 ta' Jannar 2020, li tiddikjara li t-tifqigħa tal-COVID-19 tikkostitwixxi Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta' Rilevanza Internazzjonali,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali[1],

     wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ewropew tal-Investiment intitolat "EIB Activity in 2020 – Latin America and the Caribbean" (L-Attività tal-BEI fl-2020 – l-Amerka Latina u l-Karibew),

     wara li kkunsidra r-rapporti ppubblikati mill-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa,

     wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ta' Novembru 2020 intitolat "COVID-19 in Latin America and the Caribbean: An overview of government responses to the crisis" (Il-COVID-19 fl-Amerka Latina u l-Karibew: Ħarsa ġenerali lejn ir-risponsi governattivi għall-kriżi),

     wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

     wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mogħti mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fis-16 ta' Settembru 2020,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Mejju 2020 mir-Rappreżentant Għoli Josep Borell f'isem l-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem fiż-żminijiet tal-pandemija tal-coronavirus,

     wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 dwar ir-rispons globali ta' "Tim Ewropa" għall-COVID-19,

     wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' 17 -21 ta' Lulju 2020 dwar il-pjan ta' rkupru u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027.

     wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU, bit-tema tal-"Promozzjoni tal-multilateraliżmu u ta' NU b'saħħithom u effettivi li jipprovdu għal kulħadd",

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar il-konsegwenzi tal-politika barranija tat-tifqigħa tal-COVID-19[2],

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) tal-5 ta' Novembru 2020 dwar strateġija komprensiva u bireġjonali UE-LAC biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-EuroLat tat-30 ta' Marzu 2020 dwar il-pandemija tal-COVID-19,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[3],

     wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-14 ta' Diċembru 2020 li rriżulta mil-laqgħa ministerjali informali UE 27-l-Amerka Latina u l-Karibew,

     wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Amerka Latina u l-Karibew (ECLAC) intitolat "Social Panorama of Latin America 2020" (Panorama Soċjali tal-Amerka Latina 2020), ippubblikat fl-2021,

     wara li kkunsidra s-27 Summit Ibero-Amerikan tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li sar fil-21 ta' April 2021 f'Andorra, u d-dikjarazzjoni li rriżultat,

     wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

     wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin (A9-0204/2020),

     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

     wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tal-2007, u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

     wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, adottata fis-27 ta' Ġunju 1989,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres u tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet ta' Marzu 2020 dwar it-tneħħija tas-sanzjonijiet kontra l-pajjiżi biex tiġi miġġielda l-pandemija,

     wara li kkunsidra l-preżentazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, fi Fiocruz fil-15 ta' April 2021,

     wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, kif ukoll l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

     wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew huma ta' interess strateġiku u kruċjali; billi l-Amerka Latina kienet wieħed mir-reġjuni li ntlaqtu l-aktar mill-COVID-19; billi l-Amerka Latina hija magħmula minn 8.4 % tal-popolazzjoni tad-dinja iżda fil-preżent irreġistra aktar minn għoxrin fil-mija tal-imwiet globali mill-coronavirus;

    B. billi r-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 kien varjat globalment, inkluż fl-Amerka Latina; billi l-pajjiżi kollha ddikjaraw stat ġenerali ta' emerġenza;

    C. billi l-prijorità issa trid tkun il-bini mill-ġdid tal-fiduċja f'istituzzjonijiet multilaterali li jkunu kapaċi jagħtu tweġibiet globali, billi jsir progress fid-diskussjonijiet dwar l-Inizjattiva tal-Kummerċ u tas-Saħħa tad-WTO għall-COVID-19 u l-prodotti mediċi tas-saħħa relatati;

    D. billi l-effetti devastanti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib bejn id-WTO, id-WHO, l-istituzzjonijiet tan-NU u l-Bank Dinji, tant essenzjali biex tiġi indirizzata l-kriżi u tiġi pprovduta s-solidarjetà; billi huwa meħtieġ rispons globali u koordinat biex jiġu ffaċċjati l-isfidi l-kbar ta' rkupri sostenibbli, ekoloġiċi u diġitali li jkunu wkoll inklużivi, ġusti u reżiljenti;

    E. billi  l-effetti tal-pandemija u l-politiki implimentati b'rispons għaliha żiedu l-bżonn ta' likwidità tal-pajjiżi tar-reġjun biex jikkonfrontaw il-fażi ta' emerġenza; billi dawn il-fatturi wasslu għal żieda fil-livelli tad-dejn u l-gvernijiet qed jiffaċċjaw żieda fin-nefqa pubblika, b'riskju ta' inadempjenza; billi l-aċċess akbar għal-likwidità u t-tnaqqis tad-dejn għandu jkun marbut ma' objettivi ta' żvilupp fuq perjodu medju u twil ta' żmien u b'hekk ma' inizjattivi li jibnu ġejjieni aħjar;

    F. billi l-inizjattiva COVAX, ikkoordinata mill-Alleanza Dinjija dwar il-Vaċċini u l-Immunizzazzjoni (GAVI), il-Koalizzjoni għall-Promozzjoni ta' Innovazzjonijiet għat-Tħejjija Epidemika (CEPI) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), s'issa amministrat madwar 38 miljun doża; billi hemm ħtieġa ċara li tingħata spinta lill-kapaċità tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni fil-qafas tal-inizjattiva COVAX;

    G. billi l-ewwel sensiela ta' allokazzjonijiet COVAX tal-provvisti tal-vaċċini tinkludi 31 pajjiż fl-Amerka Latina u l-Karibew li fix-xhur li ġejjin għandhom jirċievu aktar minn 27 miljun doża tal-vaċċini;

    H. billi l-għan tal-inizjattiva COVAX huwa li tippromwovi u tiżgura aċċess globali għal vaċċini sikuri, ta' kwalità għolja, effettivi u affordabbli; jirrimarka li għall-2021, COVAX kisbet vaċċini għal 20 % biss tal-popolazzjoni dinjija u l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Amerka Latina għandhom għalhekk jiżdiedu;

    I. billi l-Amerka Latina bdiet is-sena 2020 bl-għola livell ta' inugwaljanza fid-dinja u dan spiċċa mar għall-agħar matul il-pandemija; billi r-rata tal-faqar żdiedet għal 209 miljun sal-aħħar tal-2020, u dan ifisser li 22 miljun persuna oħra jinsabu fil-faqar, filwaqt li l-għadd ta' persuni li jgħixu f'faqar estrem żdied bi 8 miljuni, minn total ta' 78 miljun ruħ; billi l-indiċijiet tal-inugwaljanza fir-reġjun marru għall-agħar flimkien mar-rati ta' impjieg u ta' parteċipazzjoni fix-xogħol, speċjalment fost in-nisa, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u minkejja l-miżuri ta' emerġenza ta' protezzjoni soċjali li adottaw il-pajjiżi biex iwaqqfu dan il-fenomenu;

    J. billi l-COVID-19 taffettwa b'mod sproporzjonat lill-pajjiżi bi dħul baxx u medju u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-gruppi f'sitwazzjonijiet vulnerabbili, inklużi n-nisa u l-bniet, l-anzjani, il-minoranzi u l-komunitajiet indiġeni, filwaqt li tnaqqas il-gwadanji fis-saħħa u fl-iżvilupp, u b'hekk ixxekkel il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

     

    K. billi l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 aggravat id-differenzi bejn il-ġeneri; billi l-Amerka Latina għandha waħda mill-ogħla rati ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fid-dinja u dawk ir-rati żdiedu matul il-pandemija, fejn il-miżuri ta' lockdown wasslu għal żieda notevoli fil-vjolenza domestika, l-istupru u l-femminiċidju; billi s-saħħa sesswali u riproduttiva ma ngħatatx prijorità matul il-pandemija, u dan huwa ta' ostaklu serju għad-dritt għas-saħħa u jipperikola l-ħajja tan-nisa u l-bniet fir-reġjun;

    L. billi l-popli indiġeni ntlaqtu b'mod sever mill-COVID-19 minħabba l-aċċess inadegwat għal ilma nadif, sanitazzjoni, servizzi tas-saħħa, benefiċċji soċjali, u n-nuqqas ta' mekkaniżmi kulturalment xierqa biex jiġu protetti d-drittijiet għas-saħħa u l-għajxien tagħhom;

    M. billi f'xi pajjiżi tal-Amerka Latina, bħal f'ħafna partijiet tad-dinja, il-pandemija tal-COVID-19 intużat ukoll bħala skuża għal repressjoni u restrizzjoni b'mod sproporzjonat tal-miġemgħat u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni politika; billi l-miżuri tal-gvern spiss dgħajfu d-drittijiet bażiċi kollha tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali ta' dawk li jinsabu fl-aktar sitwazzjonijiet prekarji; billi r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 kellhom impatt ukoll fuq il-libertà tal-espressjoni;

    N. billi l-ħidma tal-ġurnalisti fir-reġjun saret aktar diffiċli b'riżultat ta' miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19 f'termini ta' aċċess fiżiku limitat u anqas kuntatt mal-awtoritajiet, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol tagħhom fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dejjem aktar prevalenti; billi d-diżinformazzjoni online, l-aħbarijiet foloz u l-psewdoxjenza kienu xprun kbir tal-pandemija fl-Amerka Latina, bħala parti mill-"infodemija" kif definita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; billi eżempji konkreti ta' dan ivarjaw minn "kuri" frawdolenti u mirakolużi tal-COVID-19 għal attakki politiċi u kampanji ta' mibegħda kontra ċerti komunitajiet u minoranzi; billi l-media soċjali kellha rwol ewlieni fit-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-psewdoxjenza;

    O. billi xi gvernijiet ġew ikkritikati b'mod partikolari talli segwew perkorsi politiċi perikolużi rigward il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li wrew oppożizzjoni għal inizjattivi sanitarji reġjonali u lokali, inkluż theddid li tintbagħat l-armata biex trażżan il-lockdowns u r-restrizzjonijiet lokali, u ġew akkużati li injoraw id-direttivi ewlenin tad-WHO, l-aħjar prattiki dwar il-ġestjoni tal-pandemiji u l-linji gwida dwar is-saħħa pubblika bbażati fuq ix-xjenza;

    1. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-impatt devastanti li qed ikollha l-pandemija tal-COVID-19 kemm fuq il-kontinent Ewropej kif ukoll fuq dak tal-Amerka Latina u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi kollha u l-familji tagħhom, kif ukoll ma' dawk kollha milquta minn kriżijiet tas-saħħa, ekonomiċi u soċjali;

    2. Jesprimi l-gratitudni profonda tiegħu għas-servizz tal-ħaddiema mediċi fir-reġjun taħt il-pressjonijiet u r-riskji għoljin tat-theddida tal-coronavirus;

    3. Jitlob lill-gvernijiet taż-żewġ reġjuni, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-korpi ta' integrazzjoni tal-Amerka Latina jżidu l-kooperazzjoni bireġjonali u jtejbu l-istat ta' tħejjija u l-kapaċitajiet ta' reazzjoni, il-protezzjoni tad-dħul, u l-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika u l-ġestjoni effiċjenti ta' pjanijiet ta' vaċċinazzjoni mifruxa;

    4. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Amerka Latina fil-bżonn u jużaw il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u finanzjament ieħor ta' solidarjetà skont il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 sabiex tiġi indirizzata l-pandemija; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tagħmel użu minn Orizzont Ewropa u programmi u fondi oħra tal-UE sabiex trawwem il-kooperazzjoni xjentifika bejn il-pajjiżi tal-Amerka Latina u l-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u l-innovazzjoni; jilqa' l-inizjattivi l-ġodda għall-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-saħħa bħat-twaqqif ta' istitut transnazzjonali għall-mard infettiv;

    5. Jitlob lill-pajjiżi u lill-gvernijiet kollha jiżguraw aċċess liberu għall-vaċċini għall-popolazzjoni kollha mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jiżguraw provvisti suffiċjenti ta' vaċċini, jippromwovu aċċess ekwu għalihom u jipproċedu malajr kemm jista' jkun bil-kampanji ta' vaċċinazzjoni, li għaddejjin bħalissa; jipproponi, għal dak il-għan, it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni reġjonali u/jew subreġjonali bil-għan li jiġu ssimplifikati l-akkwist pubbliku u d-distribuzzjoni effettiva tal-vaċċini u tiżdied ir-riċerka biex jiġu appoġġjati l-iżvilupp u l-produzzjoni tagħhom;

    6. Jistieden lill-komunità internazzjonali żżid l-isforzi biex issaħħaħ il-kapaċità ta' distribuzzjoni tal-inizjattiva COVAX u tappoġġja l-finanzjament sħiħ tal-Impenn Antiċipat tas-Suq ta' COVAX;

    7. Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li għandhom l-UE u l-Istati Membri tagħha fl-isforzi biex jiġi żgurat aċċess ġust u ekwu għal vaċċini sikuri u effettivi f'pajjiżi bi dħul baxx u medju permezz tal-mekkaniżmu COVAX, inkluża t-tħabbira reċenti ta' kontribuzzjoni addizzjonali ta' EUR 500 miljun, li ġġib il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għal COVAX għal total ta' EUR 1 biljun f'garanziji u għotjiet diretti; jinnota li, peress li l-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Istati Membri tal-UE wiegħdu aktar minn EUR 2.2 biljun għall-Faċilità COVAX, l-UE hija wieħed mill-kontributuri ewlenin tagħha;

    8. Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Amerka Latina jagħmlu l-vaċċini disponibbli għal kulħadd irrispettivament mill-istatus migratorju, jieħdu azzjoni urġenti biex isaħħu d-distribuzzjoni tal-vaċċini għar-rifuġjati u l-migranti irregolari kif ukoll għall-persuni li jaħdmu fis-settur informali u li jgħixu f'insedjamenti informali, u jippermettu lil dawk li m'għandhomx dokument tal-identità nazzjonali jirreġistraw għall-inokulazzjoni mingħajr dewmien amministrattiv; ifaħħar, f'dan ir-rigward, azzjonijiet bħall-Istatus ta' Protezzjoni Temporanja għall-Migranti Venezwelani fil-Kolombja jew l-operazzjoni ta' rilokazzjoni li għaddejja bħalissa "Operação Acolhida" fil-Brażil;

    9. Jieħu nota li skont id-WHO diversi pajjiżi fir-reġjun għandhom kapaċitajiet potenzjali ta' produzzjoni tal-vaċċin kontra l-COVID-19 li jistgħu jiġu estiżi soġġett għat-trasferimenti tat-teknoloġija;

    10. Iħeġġeġ lill-gvernijiet isostnu l-ogħla livelli ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-applikazzjoni tal-miżuri ta' konteniment b'rispons għall-espansjoni tal-COVID-19; jitlob li jiġi żgurat li l-miżuri meħuda b'rispons għall-emerġenza tas-saħħa jkunu proporzjonati, meħtieġa u mhux diskriminatorji; jikkundanna l-miżuri repressivi meħuda matul il-pandemija, il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi kontra l-popolazzjonijiet, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza mill-forzi statali u tas-sigurtà;

    11. Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jintensifikaw il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online, l-aħbarijiet foloz u l-psewdoxjenza; jistieden lill-gvernijiet taż-żewġ reġjuni u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jinvolvu ruħhom ma' pjattaformi online biex isibu soluzzjonijiet effettivi li jindirizzaw l-"infodemija"; jilqa' l-ħolqien ta' PortalCheck.org, li huwa ċentru ta' riżorsi online ġdid għall-verifikaturi tal-fatti fl-Amerka Latina u l-Karibew biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni tal-COVID-19, appoġġjat mill-Unjoni Ewropea; jinnota, madankollu, li l-gvernijiet għandhom joqogħdu lura milli jużaw il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni biex irażżnu d-diskors politiku u jillimitaw il-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini;

    12. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprevedu impenn speċifiku dwar it-trasferiment tal-għarfien u l-azzjoni u l-ippjanar ta' rispons għall-kriżijiet, filwaqt li jibnu fuq il-proposti leġiżlattivi attwali tal-UE bħar-Regolament dwar it-Theddid Transkonfinali għas-Saħħa, sabiex jgħinu lill-pajjiżi tal-Amerka Latina jkunu mħejjija aħjar f'każ ta' pandemiji futuri;

    13. Jiddispjaċih li l-pandemija tal-COVID-19 ġiet politiċizzata ħafna, inkluża r-retorika negazzjonista jew it-tnaqqis tas-severità tas-sitwazzjoni mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern, u jistieden lill-mexxejja politiċi jaġixxu b'mod responsabbli sabiex jipprevjenu eskalazzjonijiet ulterjuri; iqis inkwetanti l-kampanji ta' diżinformazzjoni relatati mal-pandemija u jistieden lill-awtoritajiet jidentifikaw u jippersegwitaw legalment lill-entitajiet li jwettqu tali azzjonijiet;

    14. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha u lill-istati kollha tal-Amerka Latina jappoġġjaw il-ħruġ massiv tad-Drittijiet Speċjali ta' Prelevament (SDRs) tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex tiżdied il-likwidità tal-pajjiżi tar-reġjun bl-irħas mod possibbli, u jappoġġjaw it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Inizjattiva dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI) tal-G20 għall-pajjiżi bi dħul medju;

    15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-awtoritajiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Amerka Latina.

     

    Aġġornata l-aħħar: 28 ta' April 2021
    Avviż legali - Politika tal-privatezza