Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0355/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0355/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka, b'mod partikolari l-arresti f'applikazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu

9.6.2021 - (2021/2748(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għar-riżoluzzjoniiet li ġejjin:
B9-0355/2021 (The Left)
B9-0356/2021 (Verts/ALE)
B9-0357/2021 (Renew)
B9-0358/2021 (S&D)
B9-0361/2021 (PPE)
B9-0363/2021 (ECR)

Željana Zovko, Tomáš Zdechovský, Michael Gahler, Isabel Wiseler-Lima, Paulo Rangel, Gabriel Mato, Antonio López-Istúriz White, Miriam Lexmann, Loránt Vincze, Krzysztof Hetman, Vladimír Bilčík, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Ivan Štefanec, Inese Vaidere, Vangelis Meimarakis, Peter Pollák, Christian Sagartz, Magdalena Adamowicz, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Sara Skyttedal, Loucas Fourlas, Eva Maydell, Michaela Šojdrová, Stelios Kympouropoulos, Luděk Niedermayer, Jiří Pospíšil, Maria Walsh, Stanislav Polčák
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Andrea Cozzolino, Isabel Santos
f'isem il-Grupp S&D
Svenja Hahn, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Urmas Paet, Frédérique Ries, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache
f'isem il-Grupp Renew
Hannah Neumann, Sara Matthieu
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Karol Karski, Ryszard Antoni Legutko, Raffaele Fitto, Assita Kanko, Witold Jan Waszczykowski, Valdemar Tomaševski, Nicola Procaccini, Adam Bielan, Ruža Tomašić, Elżbieta Rafalska, Carlo Fidanza, Elżbieta Kruk, Bogdan Rzońca, Ryszard Czarnecki
f'isem il-Grupp ECR
Marisa Matias
f'isem il-Grupp The Left
Fabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2021/2748(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0355/2021
Testi mressqa :
RC-B9-0355/2021
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka, b'mod partikolari l-arresti f'applikazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu

(2021/2748(RSP))

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sri Lanka,

 wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta' April 2021 bit-titolu "Il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, is-sens ta' responsabbiltà u d-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka",

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-23 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, is-sens ta' responsabbiltà u d-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka",

 wara li kkunsidra r-Regolamenti Nru 01 tal-2021 ippubblikati fit-12 ta' Marzu 2021 skont l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tas-Sri Lanka,

 wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tul il-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-14 ta' Diċembru 2018 bit-titolu "Żjara fis-Sri Lanka",

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sri Lanka, tal-24 ta' Frar 2021,

 wara li kkunsidra r-rapport finali ta' Jannar 2020 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea fl-Elezzjoni Presidenzjali tas-Sri Lanka tas-16 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

 wara li kkunsidra l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (GSP +) tal-UE, il-programm ta' inċentivi speċjali li tibbenefika minnu s-Sri Lanka,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-Sri Lanka għal għexieren ta' snin kienet imxekkla minn gwerra ċivili li ntemmet fl-2009 u matulha twettaq ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem miż-żewġ naħat;

B. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka ilha tiddeterjora gradwalment u l-gvern il-ġdid dari jħott il-progress limitat li nkiseb taħt amministrazzjonijiet preċedenti; billi l-ambitu li fih is-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti jistgħu joperaw fil-pajjiż dari jiċkien;

C. billi l-Att kontroversjali dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (PTA) ilu fis-seħħ fis-Sri Lanka mill-1979 u jagħti setgħat wiesgħa lill-pulizija biex tfittex, tarresta u żżomm persuni suspettati ċivili; billi s-setgħat estensivi previsti fil-PTA wasslu għal allegazzjonijiet konsistenti u fondati ta' tortura u abbuż sesswali, ammissjonijiet ta' ħtija furzati u ċaħdiet sistematiċi ta' proċess ġust;

D. billi fl-aktar rapport reċenti tagħha dwar is-Sri Lanka, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tenniet l-appelli għal moratorju fuq l-użu tal-PTA għal arresti ġodda sakemm dan jiġi sostitwit minn leġiżlazzjoni li taderixxi mal-aħjar prattiki internazzjonali;

E. billi l-Gvern tas-Sri Lanka ħareġ ir-Regolamenti Nru 01 tal-2021 fid-9 ta' Marzu 2021, li mhux talli jespandu l-PTA iżda fost l-oħrajn, jippermettu sentejn ta' detenzjoni mingħajr proċess għat-twettiq ta' "diżarmonija reliġjuża, razzjali jew komunali";

F. billi l-PTA intuża sistematikament għal arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta' Musulmani u gruppi ta' minoranza fis-Sri Lanka, inkluż Ahnaf Jazeem, għalliem u poeta Musulman ta' 26 sena, u Hejaaz Hizbullah, avukat magħruf sew li jiddefendi d-drittijiet tal-minoranzi u l-istat tad-dritt;

G. billi fid-19 ta' Mejju 2017 is-Sri Lanka reġgħet kisbet aċċess għal preferenzi tariffarji ġenerużi fil-qafas tal-GSP +, bil-kundizzjoni li tissostitwixxi l-PTA tagħha u timplimenta b'mod effettiv 27 konvenzjoni internazzjonali, inklużi konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet tħassib dwar il-PTA u nnotat in-nuqqas tas-Sri Lanka li tirrevoka l-att minkejja li tat il-kelma tagħha li tagħmel dan;

H. billi fl-20 ta' Ottubru 2020 il-Parlament tas-Sri Lanka għadda l-20 Emenda għall-Kostituzzjoni u dan biex isaħħaħ il-presidenza eżekuttiva;

I. billi kważi 12-il sena minn tmiem il-gwerra, l-inizjattivi domestiċi dwar is-sens ta' responsabbiltà u r-rikonċiljazzjoni ripetutament naqsu milli jipproduċu riżultati, u b'hekk komplew jenfasizzaw l-impunità u jaggravaw in-nuqqas ta' fiduċja li l-vittmi għandhom fis-sistema;

J. billi hemm sinjali ċari tal-aċċellerazzjoni tal-militarizzazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern ċivili fis-Sri Lanka; billi mill-2020 'l hawn, mill-inqas 28 membru tal-persunal militari u tal-intelligence ġew maħtura f'karigi amministrattivi importanti; billi dawk il-ħatriet jinkludu mill-inqas żewġ uffiċjali militari għolja li kienu implikati fir-rapporti tan-NU f'allegati delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità matul l-aħħar snin tal-kunflitt; billi ħafna persuni suspettati fil-kustodja tal-pulizija kif ukoll detenuti fil-kumplessi tal-ħabs tas-Sri Lanka nqatlu; billi l-aktar każijiet reċenti jinkludu mwiet fil-kustodja tal-pulizija li ġraw saħansitra f'Mejju 2021; billi 11-il priġunier fil-ħabs ta' Mahara nqatlu u 117 oħra ndarbu meta xi gwardji bdew jisparaw għall-għarrieda biex jikkontrollaw rewwixta li seħħet minħabba l-kundizzjonijiet tal-COVID-19 f'Novembru 2020;

K. billi l-awtoritajiet fis-Sri Lanka taw sentenzi tal-piena kapitali għal reati relatati mad-droga fl-2019, minkejja l-eżistenza ta' moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali fil-pajjiż li ilu fis-seħħ sa mill-1976;

1. Jesprimi tħassib qawwi dwar il-perkors allarmanti tas-Sri Lanka lejn ir-ripetizzjoni ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem kif deskritt fl-aħħar rapport tan-NU dwar il-pajjiż, li jelenka, fost is-sinjali ta' twissija bikrija, il-militarizzazzjoni aċċellerata tal-funzjonijiet tal-gvern ċivili, ir-revoka ta' salvagwardji kostituzzjonali importanti, l-ostakolar politiku tas-sens ta' responsabbiltà, ir-retorika tal-esklużjoni, l-intimidazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-użu ta' liġijiet kontra t-terroriżmu;

2. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-applikazzjoni kontinwa tal-PTA attwali; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka jwettqu l-impenn tagħhom li jirrieżaminaw u jħassru l-att u jissostitwixxuh b'leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu li taderixxi mal-aħjar prattiki internazzjonali; jappella wkoll għas-sospensjoni immedjata tar-regolamenti dwar id-deradikalizzazzjoni;

3. Jirrimarka li r-Regolamenti Nru. 01 tal-2021 ma jipprevedux garanziji proċedurali għall-kwalunkwe persuna li tiġi mċaħħda mil-libertà tagħha hekk kif stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u li dawn jiksru l-garanziji kostituzzjonali tas-Sri Lanka stess fil-qafas tal-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni tas-Sri Lanka; ifakkar li ċ-ċentri ta' deradikalizzazzjoni, riabilitazzjoni u reintegrazzjoni, li huma rregolati taħt leġiżlazzjoni simili, fil-passat kienu kkaratterizzati minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħat-tortura u trattament ħażin ieħor, inkluża l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru;

4. Jesprimi tħassib kbir dwar l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji skont l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu mingħajr proċess ġust u aċċess għall-ġustizzja, inkluż għal attivisti tas-soċjetà ċivili, avukati, kittieba u poeti bħal Hejaaz Hizbullah u Ahnaf Jazeem; jinnota bi tħassib id-detenzjoni ta' Shani Abeysakara, l-ex direttur tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka jgħaddi immedjatament lil dawk detenuti minn proċess ġust fuq akkużi validi u, jekk ma jkunx hemm akkużi, jeħlishom mingħajr kundizzjonijiet;

5. Jiddeplora d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-minoranzi u l-komunitajiet reliġjużi u etniċi fis-Sri Lanka, inklużi l-Musulmani, il-Ħindu, it-Tamil u l-Insara; jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jikkundanna mingħajr ekwivoċi d-diskors ta' mibegħda, l-inċitament għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra gruppi reliġjużi u etniċi fil-pajjiż, u jżomm responsabbli lil dawk li jxewxu tali diviżjonijiet, inkluż fi ħdan il-gvern u l-militar;

6. Jinnota l-adozzjoni tal-Għoxrin Emenda tal-Kostituzzjoni u jesprimi tħassib serju dwar it-tnaqqis li jirriżulta fl-indipendenza tal-ġudikatura, it-tnaqqis fil-kontroll parlamentari u l-akkumulazzjoni eċċessiva tal-poter mal-presidenza;

7. Jinnota bi tħassib il-proposta reċenti tal-Gvern tas-Sri Lanka biex tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar id-diżinformazzjoni minkejja t-tħassib imqajjem mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar it-theddid li liġi bħal din tista' toħloq għal-libertà tal-espressjoni; iħeġġeġ lill-pjattaformi online jieħdu passi proattivi biex jimmoderaw iċ-ċirkolazzjoni ta' diskors ta' mibegħda u diżinformazzjoni bis-Sinhaliż u t-Tamil online;

8. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li xi dispożizzjonijiet fil-Kodiċi Penali tas-Sri Lanka, partikolarment it-taqsimiet 365, 365A u 399, ġew interpretati b'tali mod li jikkriminalizzaw individwi b'orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru differenti;

9. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'urġenza l-finanzjament tagħha għall-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità u l-proġett tal-INTERPOL b'appoġġ għas-Sri Lanka dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-Sri Lanka f'ċerti każijiet qed tintuża bħala pretest biex fuqha jiġu ppersegwitati membri ta' gruppi etniċi u reliġjużi u tas-soċjetà ċivili, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għas-Sri Lanka u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-difensuri tal-ambjent u l-ġurnalisti;

10. Jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġi żgurat li l-proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali jingħata l-attenzjoni meħtieġa u jirriżulta f'azzjonijiet konkreti, inkluż li tittieħed responsabbiltà għall-għajbien sfurzat u r-reati tal-passat; jiddispjaċih li s-Sri Lanka rtirat mill-impenji li ħadet quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-kuntest tal-isponsorizzazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, ir-responsabbiltà u d-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka, u jħeġġiġha terġa' tidħol f'diskussjonijiet mal-Kunsill, li huwa strumentali biex jerġgħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet mal-komunità internazzjonali u jinħoloq proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali bejn il-komunitajiet differenti ta' Sinhaliżi, Tamil, Musulmani, Ħindu u Nsara;

11. Jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jimpedixxi kwalunkwe xkiel fl-investigazzjoni u l-possibbiltà ta' prosekuzzjoni ta' membri tal-forzi tas-sigurtà akkużati b'abbużi serji b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li għandha ssir investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta' abbużi gravi b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra mwettqa matul il-gwerra ċivili minn uffiċjali għoljin minn kull naħa; jitlob lill-Gvern tas-Sri Lanka jtemm il-prattika tal-ħatra ta' kmandanti u ex kmandanti militari implikati f'abbużi serji f'karigi governattivi għoljin;

12. Jitlob investigazzjoni rigoruża, imparzjali u sħiħa dwar il-bumbardamenti ta' Ħadd il-Għid tal-2019 f'konformità mal-istandards legali internazzjonali; jitlob, barra minn hekk, li dawk li jkun hemm evidenza ta' ħtija kontrihom jitressqu minnufih quddiem il-ġustizzja, u li dawk li ma jkunx hemm biżżejjed evidenza kontrihom jinħelsu;

13. Ifakkar li s-SĠP+ toffri l-inċentiv ta' aċċess aħjar għas-suq tal-UE għall-esportaturi tal-pajjiż, bħala forma ta' kumpens għal aktar progress fl-implimentazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet; ifakkar li wieħed mill-impenji ewlenin tas-Sri Lanka kien li tallinja bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex tiżgura relazzjoni kummerċjali favorevoli fl-ambitu tas-SĠP+; ifakkar fil-konsegwenzi previsti fir-Regolament dwar is-SĠP[1] f'każ ta' nuqqas persistenti li jiġu adottati u promulgati r-riformi meħtieġa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, titħassar il-leġiżlazzjoni abbużiva u tinqaleb it-trajettorja attwali ta' ksur dejjem akbar;

14. Jissottolinja li s-SĠP+ offruta lis-Sri Lanka kkontribwiet b'mod sinifikanti għall-ekonomija tal-pajjiż u l-esportazzjonijiet lejn l-UE żdiedu għal EUR 2.3 biljun, li renda s-Sri Lanka t-tieni l-akbar suq ta' esportazzjoni tal-UE; jenfasizza l-monitoraġġ kontinwu tal-eliġibbiltà tas-Sri Lanka għall-istatus tas-SĠP+ u jisħaq li l-kontinwazzjoni tal-preferenzi kummerċjali fl-ambitu tas-SĠP+ mhijiex awtomatika; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex, meta jivvalutaw l-eliġibbiltà tas-Sri Lanka għall-istatus tas-SĠP+, jikkunsidraw l-avvenimenti attwali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw is-SĠP+ bħala lieva biex jinsistu fuq il-progress tas-Sri Lanka fl-obbligi relatati mad-drittijiet tal-bniedem u jitolbu r-revoka jew is-sostituzzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, jivvalutaw bir-reqqa jekk ikunx hemm raġuni suffiċjenti, bħala l-aħħar rimedju, biex tinbeda proċedura għall-irtirar temporanju tal-istatus tas-SĠP+ tas-Sri Lanka u l-benefiċċji li jġib miegħu, u jirrappurtaw lura għand il-Parlament dwar din il-kwistjoni fl-iqsar żmien possibbli;

15. Jinnota bi tħassib l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni staġnata tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiż; iħeġġeġ lis-Sri Lanka tikkoopera bis-sħiħ mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) biex issaħħaħ id-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-fabbriki, inklużi l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema tal-ħwejjeġ f'żoni kummerċjali speċjali; jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jimplimenta u jsaħħaħ b'mod effettiv il-politika nazzjonali dwar l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka jadattaw il-Manwal dwar l-Istandards tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet tal-Impjieg tal-Bord tal-Investiment tas-Sri Lanka u  jallinjawh mal-istandards internazzjonali, partikolarment mal-Konvenzjonijiet tal-ILO Nri 87 u 98;

16. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tal-Unjoni Ewropea għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jilqa' t-tkomplija tal-moratorju tas-Sri Lanka fuq il-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-gvern jabolixxi l-użu tal-piena kapitali fil-pajjiż;

17. Jilqa' l-appoġġ li tat l-UE fil-passat għall-isforzi ta' rikonċiljazzjoni u jenfasizza r-rieda tal-UE li tappoġġja lis-Sri Lanka f'dan il-qasam;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tas-Sri Lanka.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza