Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0385/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0385/2021

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar Hong Kong, b'mod partikolari l-każ ta' Apple Daily

    7.7.2021 - (2021/2786(RSP))

    imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
    li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
    B9-0385/2021 (Verts/ALE)
    B9-0388/2021 (Renew)
    B9-0389/2021 (S&D)
    B9-0390/2021 (ECR)
    B9-0391/2021 (PPE)

    Željana Zovko, Miriam Lexmann, Michael Gahler, Sandra Kalniete, David McAllister, Antonio López-Istúriz White, Isabel Wiseler-Lima, Paulo Rangel, Loránt Vincze, Krzysztof Hetman, David Lega, Vladimír Bilčík, Janina Ochojska, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Ivan Štefanec, Inese Vaidere, Magdalena Adamowicz, Tomáš Zdechovský, Deirdre Clune, Peter Pollák, Christian Sagartz, José Manuel Fernandes, Stanislav Polčák, Loucas Fourlas, Eva Maydell, Michaela Šojdrová, Romana Tomc, Jiří Pospíšil, Tom Vandenkendelaere, Luděk Niedermayer, Ioan-Rareş Bogdan
    f'isem il-Grupp PPE
    Pedro Marques, Andrea Cozzolino, Evelyne Gebhardt
    f'isem il-Grupp S&D
    Engin Eroglu, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Urmas Paet, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne
    f'isem il-Grupp Renew
    Reinhard Bütikofer, Hannah Neumann, Bronis Ropė, Sara Matthieu, Salima Yenbou
    f'isem il-Grupp Verts/ALE
    Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Bert-Jan Ruissen, Witold Jan Waszczykowski, Ladislav Ilčić, Veronika Vrecionová, Jadwiga Wiśniewska, Nicola Procaccini, Alexandr Vondra, Ryszard Antoni Legutko, Angel Dzhambazki, Elżbieta Rafalska, Elżbieta Kruk, Assita Kanko, Carlo Fidanza, Bogdan Rzońca, Valdemar Tomaševski, Hermann Tertsch, Adam Bielan, Charlie Weimers
    f'isem il-Grupp ECR
    Fabio Massimo Castaldo


    Proċedura : 2021/2786(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    RC-B9-0385/2021
    Testi mressqa :
    RC-B9-0385/2021
    Testi adottati :

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Hong Kong, b'mod partikolari l-każ ta' Apple Daily

    (2021/2786(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti kollha tiegħu dwar Hong Kong, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Jannar 2021 dwar ir-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika f'Hong Kong[1], tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong[2], tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong[3] u tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina[4],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-kontrosanzjonijiet Ċiniżi fuq entitajiet tal-UE, Membri tal-PE u Deputati nazzjonali[5], tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina[6] u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina[7],

     wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina[8],

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Membri tal-Parlament Ewropew David McAllister u Reinhard Bütikofer dwar il-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong tal-1 ta' Lulju 2020,

     wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2020,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar l-għeluq tal-operazzjonijiet f'Hong Kong ta' Apple Daily u tas-17 ta' April 2021 dwar is-sentenzjar ta' attivisti favur id-demokrazija f'Hong Kong, id-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ġunju 2021 tal-VP/RGħ dwar il-bidliet fis-sistema elettorali ta' Hong Kong, id-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ f'isem l-UE tal-11 ta' Marzu 2021 dwar is-sistema elettorali ta' Hong Kong u tas-7 ta' Jannar 2021 dwar l-arrest tal-massa ta' persuni involuti fl-elezzjonijiet primarji favur id-demokrazija ta' Lulju 2020, u l-istqarrijiet u d-dikjarazzjonijiet l-oħrajn kollha dwar is-sitwazzjoni f'Ħong Kong,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tat-2 ta' Mejju 2021 f'isem l-UE fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għal-Libertà tal-Istampa,

     wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-UE dwar l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi fl-2020 tat-12 ta' Marzu 2021,

     wara li kkunsidra t-13-il Djalogu Strutturat Annwali, li sar f'Hong Kong fit-28 ta' Novembru 2019,

     wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Lulju 2020 dwar Hong Kong,

     wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tas-16 ta' Diċembru 1966, u t-tħassib imqajjem mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-Lista ta' Kwistjonijiet tiegħu dwar Hong Kong tas-26 ta' Awwissu 2020,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Ġunju 2021 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, li l-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali ta' Hong Kong kienet qed twassal lill-ġurnalisti biex "jiċċensuraw lilhom infushom" biex jevitaw li jħabbtu wiċċhom ma' "reati fformulati b'mod vag", u d-dikjarazzjoni tagħha tal-21 ta' Ġunju 2021 waqt is-47 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

     wara li kkunsidra l-appell tal-esperti tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2020 għal miżuri deċiżivi favur il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali fiċ-Ċina,

     wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali f'Hong Kong mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż fit-30 ta' Ġunju 2020,

     wara li kkunsidra l-komunikat tas-Summit tal-G7 tat-13 ta' Ġunju 2021 u d-dikjarazzjoni tal-G7 tat-12 ta' Marzu 2021 dwar il-bidliet elettorali f'Hong Kong,

     wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (HKSAR), adottata fl-4 ta' April 1990, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,

     wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titolu "UE-Ċina – Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),

     wara li kkunsidra l-politika ta' "Ċina Waħda" tal-UE u l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi",

     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

     wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qofol tar-relazzjoni twila ta' bejn l-UE u ċ-Ċina, bi qbil mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u l-interess li wriet iċ-Ċina li tirrispettahom fl-iżvilupp u fil-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

    B. billi fis-17 ta' Ġunju 2021, 500 pulizija armat ta' Hong Kong wettqu rejd fl-uffiċċji tal-akbar gazzetta favur l-oppożizzjoni, l-Apple Daily, ġiegħlu lill-ġurnalisti jitilqu min-newsroom, u fittxew fil-kompjuters, telefons u materjal ġurnalistiku tal-ġurnalisti, fl-ewwel każ li fih l-awtoritajiet qiesu li xi artikli tal-midja setgħu kisru l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali ta' Hong Kong; billi ħamsa mill-eżekuttivi għolja u l-edituri tal-karta ġew arrestati, inklużi l-Kap Editur Ryan Law, il-Kap Eżekuttiv Cheung Kim-hung, l-Uffiċjal Operattiv Ewlieni Royston Chow, il-Pubblikatur Assoċjat Chan Puiman u d-Direttur ta' Apple Daily Digital Cheung Chi-wai;

    C. billi, skont kelliem tal-pulizija ta' Hong Kong, id-diriġenti u l-edituri tal-gazzetta ġew arrestati minħabba r-rwol tagħhom fil-pubblikazzjoni ta' aktar minn 30 artiklu li kienu jitolbu lill-pajjiżi barranin jimponu sanzjonijiet b'rabta mal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali; billi dawn it-talbiet ġew ikkunsidrati mill-awtoritajiet ta' Hong Kong bħala kollużjoni ma' pajjiżi barranin li tipperikola s-sigurtà nazzjonali;

    D. billi fit-23 ta' Ġunju 2021, il-pulizija arrestat ukoll lill-kittieb editorjali tar-rivista China Beat ta' Apple Daily Yeung Ching-kee (magħruf ukoll bħala Li Ping) u akkużatu wkoll b'"konfoffa biex jikkolludi ma' forzi barranin", filwaqt li l-kittieb editorjali anzjan ta'Apple Daily Fung Wai-kwong (magħruf ukoll bħala Lo Fung) ġie arrestat fis-27 ta' Ġunju għall-istess reat;

    E. billi, wara l-iffriżar tal-assi kollha tagħha (madwar EUR 2 miljun) mill-awtoritajiet ta' Hong Kong abbażi tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali, Apple Daily ġiet imġiegħla tagħlaq definittivament fl-24 ta' Ġunju wara 26 sena ta' attività; billi aktar minn 800 membru tal-persunal ta' Apple Daily tilfu l-impjieg tagħhom u x'aktarx ma jerġgħux jiġu impjegati f'Hong Kong;

    F. billi l-fundatur ta' Apple Daily, Jimmy Lai, qed jiskonta piena ta' 20 xahar ħabs għall-involviment tiegħu fil-moviment ta' protesta tal-2019 u qed jiffaċċja aktar akkużi fl-ambitu tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali li possibbilment iwasslu għal sentenza ta' għomor il-ħabs; billi Apple Daily dejjem kienet vuċi miftuħa u kritika fil-konfront tat-tmexxija taċ-Ċina u ta' Hong Kong u kienet l-unika gazzetta bil-lingwa Ċiniża f'Hong Kong li kienet ħielsa mill-kontroll tal-Gvern Ċiniż;

    G. billi l-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali ppermettiet li uffiċjal wieħed, jiġifieri s-Segretarju għas-Sigurtà ta' Hong Kong, jiffriża l-assi kollha ta' Apple Daily, mingħajr akkuża formali jew proċess ġust, sempliċiment abbażi ta' allegazzjonijiet ta' ksur tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali; billi tali proċedura tista' tiġi applikata għal kwalunkwe entità kkwotata fil-borza jew għal kwalunkwe kumpanija li sempliċiment tagħmel negozju f'Hong Kong;

    H. billi t-30 ta' Ġunju 2021 kien l-ewwel anniversarju tad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali; billi l-awtoritajiet kienu ħabbru li l-liġi kien se jkollha fil-mira tagħha biss "minoranza estrema" li thedded is-sigurtà pubblika; billi, madankollu, matul perjodu ta' sena, il-liġi ġiet applikata biex iżżarma kompletament is-soċjetà ħielsa ta' Hong Kong fuq kważi kull front, abbażi ta' sensiela ta' akkużi definiti b'mod vag bħal "subverżjoni", "seċessjoni" u "kollużjoni ma' forzi barranin", u ttrasformat għall-aħħar ix-xenarju politiku u ġuridiku ta' Hong Kong u ħonqot il-libertà tal-istampa u l-espressjoni libera tal-opinjonijiet; billi s-sigurtà nazzjonali ntużat biex tiġġustifika ċ-ċensura, il-fastidju, l-arresti u l-prosekuzzjonijiet li sistematikament kellhom fil-mira tagħhom lir-rappreżentanti politiċi u eletti, lill-attivisti, lill-istudenti u lill-ġurnalisti fil-kamp favur id-demokrazija; billi huwa stmat li 128 persuna ġew arrestati fl-ambitu tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali u 64 persuna ġew akkużati formalment, li minnhom 47 bħalissa jinsabu f'arrest preventiv; billi l-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali tikser kompletament il-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi"; billi l-erożjoni tal-libertajiet tal-istampa tmur ukoll kontra l-aspirazzjoni ta' Hong Kong bħala ċentru kummerċjali internazzjonali;

    I. billi, mid-dħul fis-seħħ tagħha, il-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali ntużat biex tintimida, tattakka u saħansitra tagħmel ħsara lill-ġurnalisti u lill-media, li kienu diġà bdew iħallu l-impjieg tagħhom b'riżultat ta' dan; billi mill-inqas 10 ġurnalist u difensuri tal-libertajiet tal-istampa bħalissa qed jiffaċċjaw sentenzi potenzjali ta' għomor il-ħabs; billi l-għeluq furzat ta' Apple Daily, ibbażat fuq akkużi li l-attivitajiet tagħha jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà nazzjonali, jikkostitwixxi t-tmiem definittiv tal-libertà tal-media u tal-libertà tal-espressjoni f'Hong Kong;

    J. billi fis-27 ta' Ġunju, Stand News, entità tal-media indipendenti oħra, ħabbret li kienet ħassret l-artikoli kollha tal-opinjoni mis-sit web tagħha filwaqt li sitt diretturi tagħha rriżenjaw; billi l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti ta' Hong Kong wissiet sabiex ma jkunx hemm aktar arresti ta' ġurnalisti u rrappurtat li l-awtoritajiet fasslu lista ta' individwi li għandhom jiġu arrestati fl-ambitu tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali;

    K. billi mill-inqas żewġ imħallfin barranin irriżenjaw mill-pożizzjoni tagħhom u kkwotaw l-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali bħala r-raġuni ewlenija; billi f'Ġunju ta' din is-sena l-leġiżlaturi favur Beijing intervjenew b'suċċess, għall-ewwel darba, fil-ħatra ta' mħallef anzjan fil-Qorti tal-Appell Finali ta' Hong Kong, f'dak li jidher li huwa l-ewwel pass konkret fit-tentattiv li tiġi mminata l-indipendenza tal-ġudikatura;

    L. billi l-awtoritajiet ta' Hong Kong introduċew hotline għall-informaturi fil-qafas tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali; billi l-materjal edukattiv u l-kurrikuli fl-iskejjel primarji u sekondarji, inklużi l-iskejjel internazzjonali li fihom jattendu t-tfal barranin, issa qed jiġu eżaminati abbażi tal-prinċipji tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali;

    M. billi 10 personalitajiet prominenti favur id-demokrazija, jiġifieri Martin Lee, Albert Ho, Jimmy Lai, Margaret Ng, Cyd Ho, Lee Cheuk-yan, Leung Kwok-hung, Au Nok-hin, Leung Yiu-chung u Yeung Sum, fis-16 ta' April f'Hong Kong, ġew ikkundannati f'żewġ każijiet separati, għall-involviment paċifiku tagħhom fil-protesti; billi s-sentenzi tagħhom ivarjaw minn sentenzi ta' ħabs li jvarjaw bejn 8 u 18-il xahar, u sentenzi ta' ħabs sospiżi li jvarjaw minn 8 sa 12-il xahar f'ħamsa mill-każijiet; billi dawn l-aħħar deċiżjonijiet isegwu l-kundanna ta' Joshua Wong u Sze-yiu Koo fit-13 ta' April; billi l-priġunerija twila ta' wħud mill-individwi għal atti mhux vjolenti meta eżerċitaw drittijiet ċiviċi protetti hija sinjal ulterjuri tat-tnaqqis kontinwu tal-ispazju demokratiku u l-erożjoni tal-libertajiet fundamentali f'Hong Kong;

    N. billi l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali de jure u de facto qed tikser b'mod ċar id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 u l-Liġi Bażika tal-1990 tal-HKSAR, li tiggarantixxi l-awtonomija u l-indipendenza tal-poteri eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji tal-pajjiż, kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi bħal-libertà tal-kelma, tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni u tal-istampa għal 50 sena wara t-trasferiment tas-sovranità; billi l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali timpedixxi wkoll lil Hong Kong milli jikkonforma mal-obbligi internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-ICCPR; billi kemm id-Dikjarazzjoni Konġunta kif ukoll il-Liġi Bażika jistabbilixxu l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" kif miftiehem bejn iċ-Ċina u r-Renju Unit;

    O. billi l-UE u l-Parlament Ewropew dejjem appoġġjaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" u l-preservazzjoni tal-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong f'konformità mal-Liġi Bażika u l-impenji internazzjonali, u billi l-UE għandha interess qawwi fit-tkomplija tal-istabbiltà u l-prosperità ta' Hong Kong skont dan il-prinċipju; billi fiċ-ċirkostanzi attwali dawn il-prinċipji qegħdin jiddgħajfu u jinġiebu fix-xejn b'mod inevitabbli u irriversibbli;

    P. billi l-UE għad għandha tħassib serju rigward il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal Hong Kong; billi din hija kwistjoni sensittiva, b'konsegwenzi estensivi għal Hong Kong u l-poplu tiegħu, għaċ-ċittadini tal-UE u dawk barranin, għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE u internazzjonali, kif ukoll għall-fiduċja kummerċjali f'Hong Kong; billi d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali jżid ir-riskji għaċ-ċittadini tal-UE;

    Q. billi, skont ir-rapport annwali ta' Human Rights Watch, iċ-Ċina tinsab f'nofs l-aktar perjodu oskur tagħha f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem minn mindu seħħ il-massakru tal-Pjazza Tiananmen;

    R. billi l-ġurnalisti li jaħdmu max-xandar pubbliku tal-Macao ġew ordnati jippromwovu "l-patrijottiżmu, ir-rispett u l-imħabba" lejn iċ-Ċina, u mill-inqas sitt ġurnalisti rriżenjaw wara l-introduzzjoni ta' regoli editorjali ġodda, liema fatt juri li t-tħassib rigward il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali jaffettwa wkoll reġjuni oħra; billi l-Liġi Bażika tal-Macao tipproteġi wkoll il-libertà tal-istampa u se tibqa' fis-seħħ sal-2049;

    S. billi dikjarazzjoni konġunta maħruġa mill-Kanada f'isem 44 Stat, l-ogħla għadd ta' firmatarji sa issa, fosthom 23 Stat Membru tal-UE, ġiet adottata fis-sessjoni li għaddejja bħalissa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

    1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-għeluq furzat tal-gazzetta Apple Daily, it-tkomplija tal-iffriżar tal-assi tagħha u l-arresti tal-ġurnalisti tagħha bħala pass ieħor min-naħa tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex iżżarma s-soċjetà ħielsa f'Hong Kong u ttemm b'mod definittiv il-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni f'Hong Kong;

    2. Jinsab allarmat bid-deterjorament mgħaġġel tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong u b'mod aktar speċifiku bl-attakki miftuħa kontra l-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa, hekk kif ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed tkompli twettaq repressjoni bla preċedent fuq il-libertajiet fundamentali, li żvolġiet f'emerġenza tad-drittijiet tal-bniedem, u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tieħu azzjoni urġenti u determinata;

    3. Jesprimi l-akbar solidarjetà tiegħu mal-ġurnalisti kollha ta' Hong Kong li, minkejja d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, baqgħu jirsistu biex jiddefendu l-libertà tal-midja u l-ġurnaliżmu indipendenti u biex ikomplu jirrappurtaw dwar l-evoluzzjoni drammatika tal-avvenimenti f'Hong Kong; jistieden lill-awtoritajiet ta' Hong Kong itemmu l-fastidju ġuridiku kollu u l-intimidazzjoni kollha diretti lejn il-ġurnalisti u jistinkaw għall-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti kontra kull forma ta' vjolenza, pressjoni, diskriminazzjoni, proċedimenti ġuridiċi inġusti u t-tentattivi kollha li għandhom l-għan li jżommuhom milli jwettqu l-missjoni tagħhom jew li jdgħajfu l-kapaċità tagħhom li jagħmlu dan skont in-normi internazzjonali, speċjalment l-Artikoli 19 u 21 tal-ICCPR dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal-libertà tal-għaqda paċifika;

    4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Hong Kong jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-ġurnalisti kollha, kif ukoll lid-dimostranti paċifiċi, lill-attivisti u lir-rappreżentanti politiċi kollha, li sempliċement eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u drittijiet oħra tal-bniedem u li sfaw arrestati fuq akkużi skont il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, u jħeġġiġhom iwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jitlob li jieqfu l-prosekuzzjonijiet politikament motivati u proċeduri ġuridiċi oħra fil-konfront tad-dimostranti paċifiċi bil-għan li jsikktu l-vuċijiet ta' kritika u jiskoraġġixxu lin-nies milli jipparteċipaw fl-isfera pubblika;

    5. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali fit-30 ta' Ġunju 2020, liġi li tikser l-impenji u l-obbligi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, u tikkostitwixxi attakk komprensiv fuq il-livell għoli ta' awtonomija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali tal-belt; jirrikonoxxi li l-liġi ntużat bosta drabi bħala bażi biex kandidati elettorali u politiċi jiġu skwalifikati u mitfugħin il-ħabs, biex studenti jiġu arrestati minħabba pubblikazzjonijiet li jkunu tellgħu fuq il-midja soċjali u biex jiġu pprojbiti slogans ta' protesta komuni; jisħaq li l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali timpedixxi li jkun hemm relazzjoni ta' fiduċja bejn iċ-Ċina u l-UE, iddgħajjef il-kooperazzjoni futura u twassal għad-deterjorament ulterjuri tal-kredibbiltà ta' Beijing fix-xena internazzjonali;

    6. Jikkundanna kwalunkwe tentattiv biex l-attivisti favur id-demokrazija jiġu mġiegħla jisktu, inkluż l-imblukkar ta' siti web favur id-demokrazija, fuq il-bażi tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali; itenni li l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni hija dritt fundamentali minqux fid-dritt nazzjonali ta' Hong Kong u f'dak internazzjonali;

    7. Jesprimi tħassib serju dwar il-prattiki rappurtati ta' detenzjoni sigrieta, tortura u trattament ħażin, kif ukoll konfessjonijiet furzati min-naħa tal-forza tal-pulizija ta' Hong Kong u fil-ħabsijiet ta' Hong Kong, inkluż tħassib dwar individwi li bħalissa qed jistennew proċess u li qed jinżammu f'iżolament għal perjodi twal;

    8. Jikkundanna r-restrizzjonijiet emerġenti fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u ż-żieda fil-politiċizzazzjoni tal-qrati; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġi evitat, bħala l-pass li jmiss, l-iżmantellar tal-ġudikatura indipendenti ta' Hong Kong u jistieden lis-SEAE jħejji rapport pubbliku dettaljat dwar l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura flimkien mar-rapport annwali dwar Hong Kong;

    9. Jesprimi tħassib dwar il-bidliet li ġew adottati dan l-aħħar fil-liġi elettorali ta' Hong Kong, li jintroduċu prinċipju ta' "patrijotti biss" u jistabbilixxu kumitat ta' skrutinju biex jeżamina l-kandidati elettorali kollha, li se jiskarta l-aħħar vuċijiet ta' dissens u li jmur totalment kontra l-impenji favur rappreżentanza demokratika akbar minquxa fil-Liġi Bażika ta' Hong Kong;

    10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrevokaw il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li hija ta' ħsara għall-istatus internazzjonali ta' Hong Kong, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Hong Kong jerġgħu jistabbilixxu bis-sħiħ ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-livell għoli ta' awtonomija skont il-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", kif minqux fil-Liġi Bażika ta' Hong Kong u f'konformità mal-obbligi nazzjonali u internazzjonali tiegħu;

    11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali bħala prijorità ewlenija fl-aġenda tal-laqgħat kollha bejn l-UE u ċ-Ċina, inkluż fil-konsultazzjonijiet diplomatiċi bi tħejjija għal dawk il-laqgħat; ifakkar kemm huwa importanti li, f'kull djalogu politiku u f'kull djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, l-UE tkompli tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari fil-każ tal-minoranzi fit-Tibet u fix-Xinjiang, u li tagħmel dan f'konformità mal-impenn tagħha li titkellem b'vuċi waħda, ċara u b'saħħitha fl-approċċ tagħha lejn iċ-Ċina; ifakkar li ċ-Ċina ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati u konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u għalhekk jenfasizza kemm huwa importanti li jitkompla d-djalogu maċ-Ċina biex jiġi żgurat li ċ-Ċina żżomm l-impenn tagħha li tikkonforma mal-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

    12. Jesprimi dispjaċir profond dwar il-fatt li, fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE ta' April, ma ġewx adottati konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Hong Kong; jappoġġja bil-qawwa lill-VP/RGħ biex jippreżenta abbozz ta' konklużjonijiet kemm jista' jkun malajr u jħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw l-impass u jadottaw miżuri ġodda inklużi sanzjonijiet immirati fl-ambitu tar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem – fosthom l-implimentazzjoni ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi – fil-konfront ta' individwi u entitajiet f'Hong Kong u fiċ-Ċina għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali f'Hong Kong, inklużi Carrie Lam, Teresa Yeuk-wah Cheng, Xia Baolong, Zhang Xiaoming, Luo Huining, Zheng Yanxiong, Chris Tang Ping-keung, Stephen Lo Wai-chung u John Lee Ka-chiu, kif ukoll istituzzzjonijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li għandhom rwol kruċjali biex jadottaw miżuri u azzjonijiet kompliċi li jdgħajfu l-livell għoli ta' awtonomija u libertajiet ta' Hong Kong;

    13. Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Investiment, kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2021, inkluża l-ħtieġa urġenti li jiġu adottati miżuri mmirati addizzjonali fl-ambitu tar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, kif meħtieġ, maħsuba biex ikomplu jindirizzaw ir-repressjoni fix-Xinjiang u f'Hong Kong u bil-għan li ċ-Ċina ttemm il-ksur kollu;

    14. Jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill ikomplu jivvalutaw il-pakkett ta' miżuri adottat f'Lulju 2020 u jagħmlu progress fih, kif ukoll jistabbilixxu skeda ta' żmien ċara għall-implimentazzjoni tat-tali miżuri; jistieden lis-SEAE jkompli jivvaluta l-effetti ekstraterritorjali possibbli tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, b'mod partikolari l-Artikolu 38 tagħha, li jipprevedi li l-liġi hija applikabbli wkoll għal dawk li ma humiex residenti permanenti ta' Hong Kong, u jistiednu jħejji tweġibiet konkreti għat-tali effetti; jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Membri tal-UE u ta' sħab internazzjonali oħra li jissospendu t-trattati ta' estradizzjoni ma' Hong Kong; itenni t-talba tiegħu li l-għaxar trattati ta' estradizzjoni li fadal ta' Stati Membri maċ-Ċina jiġu sospiżi;

    15. Ifakkar u jtenni l-kundanna tiegħu tal-kompliċità tal-banek ibbażati fl-UE fl-iffriżar tal-assi u l-kontijiet bankarji li jappartjenu lil eks leġiżlaturi favur id-demokrazija; jistieden lis-SEAE jevalwa l-livell ta' konformità, involviment u kollaborazzjoni ta' kumpaniji bbażati fl-UE mal-awtoritajiet ta' Hong Kong fl-infurzar tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali u jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw mal-banek ibbażati fl-UE biex jirrilaxxaw l-assi li jappartjenu lil attivisti ta' Hong Kong favur id-demokrazija;

    16. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt kummerċjali fit-tul għall-kumpaniji tal-UE li joperaw f'Hong Kong fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali ta' Hong Kong, b'referenza għat-tibdil fl-istat tad-dritt u l-fluss liberu ta' informazzjoni u ta' kapital fil-belt; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu japplikaw u jiżviluppaw mekkaniżmi xierqa ta' kontroll tal-esportazzjoni biex iċaħħdu liċ-Ċina u lil Hong Kong mill-aċċess għal teknoloġiji użati biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem, u jistedinhom jikkunsidraw regoli għall-prevenzjoni ta' investiment Ewropew f'kumpaniji li huma kompliċi fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u f'Hong Kong, inkluża l-għażla ta' lista ta' entitajiet;

    17. Jilqa' bil-kbir il-passi meħuda mir-Renju Unit, mill-Awstralja u mill-Kanada biex jiftħu skemi bil-għan li joffru liċ-ċittadini ta' Hong Kong l-opportunità li jgħixu u jaħdmu fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; itenni l-appell urġenti tiegħu lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-implimentazzjoni ta' "skema ta' salvataġġ" għall-attivisti favur id-demokrazija u għall-mexxejja politiċi f'Hong Kong wara dan id-deterjorament dejjem jikber tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u biex joħorġu dokumenti tal-ivvjaġġar ta' emerġenza għall-ġurnalisti f'Hong Kong li jinsabu f'riskju ta' arrest fil-qafas tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali;

    18. Iħeġġeġ lill-membri kollha tal-persunal diplomatiku tal-UE u tal-Ewropa jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipprovdu protezzjoni u appoġġ lill-attivisti paċifiċi u lill-mexxejja politiċi f'Hong Kong, inkluż billi jattendu l-proċessi ġudizzjarji, jitolbu żjarat fil-ħabs u jżommu l-kuntatt b'mod konsistenti u determinat mal-awtoritajiet lokali, filwaqt li japplikaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u politiki rilevanti oħra tal-UE, inkluż il-Pjan ta 'Azzjoni l-ġdid tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jistenna li s-SEAE u l-Kunsill ifasslu miżuri konkreti biex iżidu l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-midja ta' Hong Kong, bħall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija għal proġetti li jinsabu fix-Xlokk tal-Asja, kif ukoll involviment attiv mad-dijaspora ta' Hong Kong;

    19. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-poplu msikket ta' Hong Kong jingħata lura l-vuċi billi jassistu fl-arkivjar, ir-reklamar u d-dokumentar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jistedinhom jiġġieldu kontra r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina billi jagħmlu kotba pprojbiti f'Hong Kong disponibbli online b'mod mifrux; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi minn stazzjonijiet televiżivi internazzjonali, bħal Deutsche Welle u France 24, biex jirrappurtaw regolarment dwar l-iżviluppi f'Hong Kong;

    20. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jirrifjutaw l-istediniet indirizzati lil rappreżentanti tal-gvern u lil diplomatiċi biex jattendu l-Olimpjadi tax-Xitwa f'Beijing fl-2022 sakemm il-Gvern Ċiniż ma jurix titjib verifikabbli fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong, fir-Reġjun Uyghur tax-Xinjiang, fit-Tibet, fil-Mongolja Interna u fi bnadi oħra fiċ-Ċina;

    21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' opportunitajiet akkademiċi u ta' taħriġ fil-kuntest tal-programm Erasmus għall-istudenti u l-gradwati żgħażagħ minn Hong Kong; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiżviluppaw u jikkoordinaw miżuri biex jipproteġu l-libertà akkademika tal-istudenti u x-xjenzjati ta' Hong Kong fl-universitajiet Ewropej kontra l-pressjoni mill-awtoritajiet Ċiniżi;

    22. Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri kollha tagħha biex jaħdmu b'mod magħqud u determinat lejn l-organizzazzjoni ta' sessjoni speċjali jew dibattitu urġenti dwar iċ-Ċina fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lejn it-tnedija ta' investigazzjoni indipendenti tan-NU dwar iċ-Ċina; jenfasizza l-appoġġ internazzjonali dejjem jikber għat-tnedija ta' inkjesta indipendenti;

    23. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jikkunsidra l-mekkaniżmi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu bil-għan li jiżgura monitoraġġ u rappurtar indipendenti dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, inkluż il-ħatra ta' Mibgħut Speċjali tan-NU; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jaħdmu mal-komunità internazzjonali biex jistabbilixxu grupp ta' kuntatt internazzjonali dwar Hong Kong u jqiegħdu lil Hong Kong fuq l-aġenda ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fuq bażi regolari;

    24. Iħeġġeġ lill-membri tan-NU jorganizzaw avvenimenti pubbliċi regolari ta' sensibilizzazzjoni dwar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Gvern Ċiniż, inklużi delitti kontra l-umanità, u ksur ieħor tad-dritt internazzjonali, inkluża mill-inqas laqgħa waħda bil-formula "Arria" tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jilqa' l-eventwalità li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jikkunsidraw li jikkommemoraw l-1 ta' Lulju bħala Jum ta' Solidarjeta ma' Hong Kong sabiex kull sena l-pubbliku Ewropew isir aktar konxju tas-sitwazzjoni f'Hong Kong; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jressqu każ quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja li fih isostnu li d-deċiżjoni taċ-Ċina li timponi l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali fuq Hong Kong u l-applikazzjoni tagħha jiksru d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika u l-ICCPR;

    25. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-pulizija ta' Hong Kong li jipprojbixxu l-velja annwali tal-4 ta' Ġunju fil-Pjazza Tiananmen u l-marċ annwali tal-1 ta' Lulju filwaqt li taw permess speċjali għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 biex l-uffiċjali ta' Hong Kong ikunu jistgħu jiċċelebraw il-mitt sena mit-twaqqif tal-Partit Komunista Ċiniż;

    26. Jistieden lill-VP/RGħ jikkoopera mill-qrib ma' pajjiżi u sħab tal-istess fehma biex is-sitwazzjoni tal-libertajiet ta' Hong Kong tieqaf tiddeterjora; jilqa' d-djalogu bilaterali li għadu kif ġie stabbilit bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina u jinsisti li koordinazzjoni aktar b'saħħitha dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż b'enfasi fuq is-sitwazzjoni f'Hong Kong, għandha tkun objettiv ewlieni;

    27. Josserva li l-politika tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li tabbanduna l-approċċ ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" aljenat ħafna lill-popolazzjoni tat-Tajwan u jisħaq fuq ir-rieda tiegħu li jikkoopera mas-sħab internazzjonali bil-għan li jgħin biex tiġi żgurata d-demokrazija fit-Tajwan;

    28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

     

     

     

     

     

    Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Lulju 2021
    Avviż legali - Politika tal-privatezza