Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0392/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0392/2021

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija, b'mod partikolari l-każijiet ta' Mustafa Hashem al-Darwish u Abdullah al-Howaiti

    7.7.2021 - (2021/2787(RSP))

    imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
    li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
    B9-0392/2121 (The Left)
    B9-0393/2021 (Verts/ALE)
    B9-0394/2021 (Renew)
    B9-0396/2021 (ECR)
    B9-0397/2120 (S&D)
    B9-0398/2021 (PPE)

    Željana Zovko, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Isabel Wiseler-Lima, Paulo Rangel, Loránt Vincze, Krzysztof Hetman, Vladimír Bilčík, Janina Ochojska, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Ivan Štefanec, Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský, Deirdre Clune, Peter Pollák, Christian Sagartz, Adam Jarubas, José Manuel Fernandes, Stanislav Polčák, Eva Maydell, Michaela Šojdrová, Romana Tomc, Jiří Pospíšil, Tom Vandenkendelaere, Luděk Niedermayer, Ioan-Rareş Bogdan
    f'isem il-Grupp PPE
    Pedro Marques, Andrea Cozzolino, Marc Tarabella
    f'isem il-Grupp S&D
    Katalin Cseh, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Javier Nart, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans, Karin Karlsbro
    f'isem il-Grupp Renew
    Hannah Neumann
    f'isem il-Grupp Verts/ALE
    Raffaele Fitto, Karol Karski, Ladislav Ilčić, Angel Dzhambazki, Elżbieta Rafalska, Assita Kanko, Carlo Fidanza, Elżbieta Kruk, Ryszard Czarnecki, Bogdan Rzońca, Valdemar Tomaševski, Hermann Tertsch, Adam Bielan, Eugen Jurzyca
    f'isem il-Grupp ECR
    Miguel Urbán Crespo
    f'isem il-Grupp The Left
    Fabio Massimo Castaldo


    Proċedura : 2021/2787(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    RC-B9-0392/2021
    Testi mressqa :
    RC-B9-0392/2021
    Testi adottati :

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija, b'mod partikolari l-każijiet ta' Mustafa Hashem al-Darwish u Abdullah al-Howaiti

    (2021/2787(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul[1], tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija[2], tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar is-sitwazzjoni tal-migranti Etjopjani fiċ-ċentri tad-detenzjoni fl-Arabja Sawdija[3] u tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni umanitarja u politika fil-Jemen[4],

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, tal-10 ta' Diċembru 2020 fil-Kunsill Affarijiet Barranin li "d-drittijiet tal-bniedem huma parti mid-DNA tal-Unjoni Ewropea",

     wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, 

     wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, 

     wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) tal-1966, 

     wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (UNCAT),

     wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tal-Arabja Sawdija ta' Novembru 2018,

     wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC),

     wara li kkunsidra r-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri ("Regoli Mandela"),

     wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

     wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

     wara li kkunsidra r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem,

     wara li kkunsidra l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem,

     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar il-kommutazzjoni tas-sentenzi tal-mewt tat-3 ta' Marzu 2021,

     wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Agnes Callamard, ta' Ġunju 2021, li jiddikjara li l-Arabja Sawdija hija responsabbli għall-"eżekuzzjoni premeditata" tal-ġurnalist Sawdi Jamal Khashoggi (ir-Rapport Callamard),

     wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Mary Lawlor, li janalizza l-qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, ippreżentat waqt is-46 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Marzu 2021,

     wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali li jivvaluta r-rwol tal-gvern Sawdi fil-qtil ta' Jamal Khashoggi, ippubblikat fi Frar 2021,

     wara li kkunsidra l-fatt li Loujain al-Hathloul ingħatat il-Premju Vaclav Havel għad-Drittijiet tal-Bniedem 2020 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

     wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi r-Renju tal-Arabja Sawdija impenja ruħu li jabolixxi l-piena tal-mewt għad-delinkwenti minorenni kollha mingħajr eċċezzjoni sal-2016 permezz ta' leġiżlazzjoni ġdida, u kkonferma dan l-impenn f'dikjarazzjonijiet diplomatiċi; billi dawn id-dikjarazzjonijiet saru mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija f'Settembru 2016 fil-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, kif ukoll f'Awwissu 2018, meta ddikjara li "jekk ir-reat imwettaq mill-minorenni jkun punibbli bil-mewt, is-sentenza għandha titnaqqas għal terminu ta' mhux aktar minn 10 snin detenzjoni fl-istituzzjoni";

    B. billi l-Liġi dwar il-Minorenni tal-2018 tal-Arabja Sawdija, promulgata b'Digriet Reġju fil-31 ta' Lulju 2018, tiddikjara fl-Artikolu 15 li "jekk ir-reat imwettaq mill-minorenni jkun punibbli bil-mewt, is-sentenza għandha titnaqqas għal terminu ta' mhux aktar minn 10 snin detenzjoni fl-istituzzjoni"; billi l-Eżami Perjodiku Universali tal-2018 tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU sussegwentement innota li l-pajjiż kien għamel "progress notevoli fil-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tat-tfal, il-protezzjoni tagħhom u l-fedeltà lejhom";

    C. billi fil-15 ta' Ġunju 2021, Mustafa Hashem al-Darwish, żagħżugħ Sawdi mill-minoranza Shi'a, ġie ġġustizzjat għal reati li gruppi tad-drittijiet jgħidu li seta' wettaq bħala minorenni, minkejja t-tħabbira reċenti tar-renju li kien abolixxa l-piena tal-mewt għall-minorenni; billi ġarrab perjodu twil ta' arrest preventiv, tortura, u proċess inġust għall-aħħar; billi l-akkużi kontra al-Darwish ma jispeċifikawx id-data eżatta li fiha seħħew l-allegati reati tiegħu, li jfisser li hemm probabbiltà li kien minorenni meta seħħew l-allegati reati, u għalhekk li s-sentenza tiegħu għandha tiġi riveduta skont liġijiet nazzjonali ġodda dwar l-użu tal-piena tal-mewt kontra dawk taħt it-18-il sena;

    D. billi Abdullah al-Howaiti ttella' l-qorti fi proċess kollettiv ta' sitt individwi f'każ ta' serqa bl-użu ta' armi; billi l-Qorti Kriminali f'Tabuk (fit-Tramuntana tal-Arabja Sawdija) ikkundannat lil Abdullah al-Howaiti għall-mewt fis-27 ta' Ottubru 2019 minkejja l-fatt li l-kampjun ta' DNA tiegħu ttieħed wara l-arrest tiegħu, u dan invalida l-identifikazzjoni tiegħu bħala suspettat possibbli; billi al-Howaiti ġie arrestat f'Mejju 2017, meta kellu 14-il sena; billi, skont id-dokumenti tal-qorti, huwa nżamm f'iżolament għal erba' xhur u ġarrab tortura matul l-interrogazzjoni tiegħu mingħajr il-preżenza tal-ġenituri jew tal-avukat tiegħu; billi matul dan iż-żmien inżamm fl-Unità tal-Investigazzjonijiet Kriminali ta' Tabuk, minflok f'ċentru ta' detenzjoni għall-minorenni; billi Abdullah al-Howaiti, li kellu 14-il sena meta seħħew l-allegati reati tiegħu, għadu detenut u kkundannat għall-mewt; billi l-Qorti Suprema ilha teżamina l-każ tiegħu minn Ġunju 2021;

    E.  billi fit-23 ta' April 2019 l-awtoritajiet Sawdin iġġustizzjaw sitt delinkwenti minorenni: Saeed al-Scafi, Salman al-Quraish, Abdul Aziz al-Sahawi, Abdul Karim al-Hawaj, Abdullah al-Asrih u Mujtaba al-Sweikat; billi mill-inqas disa' delinkwenti minorenni oħra bħalissa jinsabu f'riskju ta' eżekuzzjoni;

    F. billi bħalissa għad hemm mill-inqas 40 detenut fl-Arabja Sawdija f'riskju ta' eżekuzzjoni; billi dan in-numru jinkludi diversi każijiet ta' allegati reati mwettqa bħala minorenni u kritiċi paċifiċi bħall-istudjużi Iżlamiċi Salman al-Odah u Hassan al-Maliki, li għalihom il-prosekutur pubbliku għadu jitlob il-piena tal-mewt;

    G. billi l-Arabja Sawdija ilha għal ħafna snin fost il-pajjiżi li jwettqu l-ogħla numru ta' eżekuzzjonijiet fid-dinja; billi minn Jannar 2015 kien hemm aktar minn 800 eżekuzzjoni, għadd kbir minnhom għal reati mhux vjolenti b'rabta mad-droga, filwaqt li oħrajn kienu għal reati deskritti mill-awtoritajiet bħala relatati mat-terroriżmu iżda li kienu paċifiċi;

    H. billi l-Arabja Sawdija wettqet total ta' 32 eżekuzzjoni fl-ewwel nofs tal-2021, aktar min-numru għall-2020 kollha, u minn mindu impenjat ruħha għall-ewwel darba li tabolixxi l-piena tal-mewt għad-delinkwenti minorenni, iġġustizzjat mill-inqas tmien delinkwenti minorenni;

    I. billi wara Digriet Reġju Sawdi tal-2020, is-sentenzi tal-mewt għandhom jinbidlu għall-individwi li wettqu reati meta kienu minorenni; billi d-digriet fih diversi lakuni li jħallu diversi modi biex il-minorenni jibqgħu jiġu ġġustizzjati, pereżempju bl-esklużjoni ta' sentenzi tal-mewt li jikkonċernaw hudud (reati b'sentenzi predeterminati) jew qisas (reati b'sentenzi bbażati fuq retribuzzjoni) u każijiet imressqa fl-ambitu tal-Liġi Kontra t-Terroriżmu;

    J. billi l-Arabja Sawdija bidlet is-sentenzi tal-mewt imposti fuq is-Sur Ali al-Nimr, is-Sur Dawood al-Marhoon u s-Sur Abdullah al-Zaher għal reati li l-esperti preċedentement kienu jqisu bħala kriminalizzazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni, u li allegatament wettqu bħala minorenni; billi ġew ikkundannati mill-ġdid għal 10 snin ħabs, inkluż iż-żmien li diġà għamlu l-ħabs; billi l-esperti tan-NU talbu l-ħelsien tagħhom;

    K. billi minkejja t-tħabbira tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Arabja Sawdija dwar il-moratorju fuq il-pieni tal-mewt għal reati relatati mad-droga f'Jannar 2021, għadha ma ġiet ippubblikata ebda bidla fil-liġi, u l-piena tal-mewt għadha fid-diskrezzjoni tal-imħallfin u tal-awtoritajiet;

    L. billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha hija wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    M. billi matul dawn l-aħħar xhur, diversi attivisti tad-drittijiet tal-bniedem ingħataw sentenzi ħorox ta' ħabs fi proċessi mfixkla minn nuqqas ta' proċess ġust u minn allegazzjonijiet kredibbli ta' tortura; billi Abdurahman al-Sadhan ingħata sentenza ta' 20 sena ħabs u 20 sena projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar għal attivitajiet relatati ma' tweets li jikkritikaw il-gvern; billi l-proċess tiegħu kiser serjament il-garanziji internazzjonali ta' proċess ġust;

    N. billi f'Marzu 2021 Mohammed al-Otaibi, fundatur tal-Unjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, li jappoġġa l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u t-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà, kellu s-sentenza ta' ħabs tiegħu miżjuda minn 14-il sena għal 17-il sena għall-attiviżmu paċifiku tiegħu favur id-drittijiet tal-bniedem;

    O. billi għadd kbir ta' nisa arrestati matul ir-repressjoni tal-2018 tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa ngħataw sentenzi twal ta' ħabs unikament minħabba l-attiviżmu tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem; billi dan l-aħħar l-awtoritajiet Sawdin ħelsu lil difensuri tad-drittijiet tan-nisa mill-ħabs, fosthom Loujain al-Hathloul's, Nouf Abdulaziz, Samar Badawi u Nassima al-Sada; billi s-sentenzi tagħhom ġew sospiżi biss, u l-awtoritajiet Sawdin imponew projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li nħelsu;

    P. billi l-Liġi tal-2017 dwar il-Ġlieda kontra r-Reati tat-Terroriżmu u l-Finanzjament tiegħu tiddefinixxi t-terroriżmu f'termini vagi u ma tirrikjedix l-użu tal-vjolenza sabiex azzjoni tiġi kategorizzata bħala att terroristiku;

    Q. billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, l-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwettqu abbużi permezz tal-użu ta' teknoloġija ta' sorveljanza elettronika; billi kontrolli ġodda fuq it-teknoloġija tas-sorveljanza ċibernetika ddaħħlu fir-regolament aġġornat tal-UE tal-2021 dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju[5];

    R. billi r-Renju tal-Arabja Sawdija għandu wieħed mill-aktar livelli baxxi ta' ratifika tat-trattati internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, u ma aderixxiex ma' trattati ċentrali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jiffurmaw il-qalba normattiva tad-dritt għall-ħajja, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

    S. billi t-tortura u t-trattament degradanti fil-ħabsijiet huma prattiki mifruxa fl-Arabja Sawdija, u jintużaw kemm waqt l-interrogazzjoni biex jinkisbu konfessjonijiet kif ukoll bħala forma ta' kastig matul id-detenzjoni; billi l-allegazzjonijiet ta' tortura rarament jiġu investigati;

    1. Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni kontinwa tar-Renju tal-Arabja Sawdija ta' delinkwenti minorenni minkejja l-istqarrijiet tiegħu li abolixxa tali eżekuzzjonijiet, inkluż l-eżekuzzjoni reċenti ta' Mustafa Hashem al-Darwish għal reati li setgħu seħħew meta kien minorenni wara l-kundanna tiegħu fi proċess inġust li jinvolvi konfessjoni tiegħu miksuba taħt tortura, kif ukoll il-fatt li bħalissa hemm mill-inqas 40 detenut fl-Arabja Sawdija f'riskju ta' eżekuzzjoni, inkluż mill-inqas disa' għal allegati reati mwettqa bħala minorenni, u kritiċi paċifiċi tal-gvern;

    2. Jistieden lill-Arabja Sawdija tikkonferma li Abdullah al-Howaiti, Mohammed Al-Faraj u d-delinkwenti minorenni l-oħra kollha li bħalissa qed jistennew il-piena tal-mewt mhux se jiġu ġġustizzjati, li l-"konfessjonijiet" miksuba taħt tortura se jiġu esklużi mill-każijiet tagħhom, u li d-delinkwenti minorenni kollha se jingħataw proċess ġust mingħajr l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt; jitlob li l-allegazzjonijiet ta' Abdullah al-Howaiti li ġie soġġett għal tortura jiġu investigati, u li l-awturi kollha tar-reat jitressqu quddiem il-ġustizzja;

    3. Iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija tabolixxi b'mod ġenwin il-piena tal-mewt għad-delinkwenti minorenni, skont l-obbligi tagħha fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, irrispettivament mit-tip ta' reat, inklużi ta'zir (reati b'sentenzi diskrezzjonali), hudud u qisas, abbażi ta' mill-inqas erba' akkużati minorenni huma f'riskju ta' sentenzi tal-mewt; jistieden lill-Arabja Sawdija tippubblika d-Digriet Reġju tagħha tal-2020 sabiex tipprovdi protezzjoni sħiħa u retroattiva lid-delinkwenti minorenni, kif iddikjarat mill-awtoritajiet Sawdin, u tallinja l-Liġi dwar il-Minorenni tagħha mal-istandards internazzjonali;

    4. Itenni l-kundanna tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f'kull ċirkostanza; jistieden lill-Arabja Sawdija timplimenta moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet sakemm jiġu aboliti, u tipproċedi għal rieżami indipendenti tal-każijiet kollha fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tagħha li tinvolvi l-piena tal-mewt għal reati fit-tfulija, jew abbażi ta' konfessjonijiet miksuba taħt tortura, jew fejn ma kienx hemm proċess ġust, u tippubblika s-sejbiet tar-rieżami; jitlob li jsir djalogu internazzjonali u nazzjonali dwar l-ostakli li fadal għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għad-delinkwenti minorenni kollha, li jwitti t-triq għall-abolizzjoni sħiħa tal-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija;

    5. Jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-awtoritajiet li jibdlu s-sentenzi tal-mewt mogħtija lis-Sur Ali al-Nimr, lis-Sur Dawood al-Marhoon u lis-Sur Abdullah al-Zaher għal reati allegatament imwettqa meta kienu minorenni bħala pass neċessarju lejn il-konformità tal-Arabja Sawdija mal-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jitlob għal-ħelsien tagħhom f'konformità mat-talbiet tal-esperti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, peress li dawn l-esperti preċedentement qiesu r-reati tagħhom bħala l-kriminalizzazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertajiet ta' għaqda u ta' espressjoni;

    6. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jirrieżaminaw il-każijiet tal-priġunieri kollha li bħalissa huma taħt sentenza tal-mewt bil-għan li jibdlu s-sentenzi tagħhom jew joffru proċess ġdid u ġust fejn il-piena tal-mewt ma tiġix imposta;

    7. Iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE fl-Arabja Sawdija jitolbu b'urġenza li jżuru lid-delinkwenti minorenni detenuti kkundannati għall-mewt;

    8. Iħeġġeġ lill-Kunsill jissospendi l-esportazzjonijiet kollha tal-UE ta' teknoloġija ta' sorveljanza tal-massa u oġġetti oħra b'użu doppju lejn l-Arabja Sawdija li jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw ir-repressjoni interna u s-silenzju tas-soċjetà ċivili; jisħaq fuq ir-responsabilità speċjali tal-kumpaniji tas-sigurtà tal-IT kif ukoll tas-servizzi tal-intelligence nazzjonali li jaħdmu fl-UE u l-obbligu morali u legali tagħhom li jevitaw li jkunu f'sitwazzjoni fejn il-persunal attwali jew preċedenti tagħhom jassistu lill-Arabja Sawdija fir-repressjoni tal-popolazzjoni tagħha stess billi jaħdmu indirettament jew direttament għall-awtoritajiet Sawdin biex irażżnu d-dissens intern u l-libertà ta' espressjoni;

    9. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jirrispetta l-impenji tiegħu skont il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (CAT), li huwa rratifika, u jħeġġeġ bil-qawwa lir-Renju tal-Arabja Sawdija jirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-ICCPR bil-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt;

    10. Jikkundanna bil-qawwa x-xejra ta' sentenzi ħorox ta' priġunerija mogħtija lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-kritiċi paċifiċi u lill-attivisti, u jtenni s-solidarjetà tiegħu mal-ħidma importanti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħtieġa li tiġi protetta l-libertà tal-kelma u ta' espressjoni;

    11. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, tal-kritiċi paċifiċi, u tal-attivisti, inklużi Abdurahman al-Sadhan, Mohammed al-Otaibi, Khaled Al-Omair, Mohammed al-Rabiah, Israa al-Ghomgham, Mousa al-Hashim, Ahmed al-Matrood, Khaled al-Ghanim, Ali al-Ouwaisher, Mujtaba al-Muzain, Waleed Abu al-Khair, Abdulaziz al-Shubaili, Issa al-Nukhaifi u Natheer al-Majed;

    12. Jappella għal-libertà sħiħa tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li nħelsu temporanjament iżda għadhom qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet, bħal Loujain al-Hathloul, inkluż billi jitneħħew il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar tagħhom u tal-familji tagħhom, jitneħħew il-projbizzjonijiet fuq ix-xogħol, tiġi limitata s-sorveljanza online, u jiġu restawrati d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini;

    13. Ifakkar li r-rebbieħ tal-Premju Sakharov Raif Badawi issa ilu l-ħabs għal disa' snin; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jżidu l-pressjoni fuq il-Gvern Sawdi u jaħdmu għall-ħelsien immedjat tiegħu;

    14. Jenfasizza li l-eżerċizzju tad-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' assemblea u ta' assoċjazzjoni paċifika huwa protett mid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin ineħħu r-restrizzjonijiet fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li jipprojbuhom milli jitkellmu fil-media soċjali u lill-media internazzjonali;

    15. Jesprimi tħassib dwar il-prattika ta' seduti sigrieti; jinsisti li sabiex jiġi żgurat li qed jiġu segwiti proċeduri ta' proċessi ġusti u xierqa, il-missjonijiet diplomatiċi, inklużi osservaturi mid-Delegazzjoni tal-UE fl-Arabja Sawdija jew l-istituzzjonijiet tal-UE, u l-NGOs internazzjonali għandhom jitħallew jattendu seduti ta' smigħ u jżuru l-ħabsijiet Sawdin;

    16. Jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jikkoopera bis-sħiħ mal-korpi tan-NU u jestendi stedina permanenti għaż-żjara tal-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jikkoopera b'mod proattiv, b'mod partikolari mar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra;

    17. Jinsab imħasseb serjament dwar id-definizzjoni vaga tat-terroriżmu fil-Liġi Kontra t-Terroriżmu tal-pajjiż; jikkundanna l-użu tal-Qorti Kriminali Speċjalizzata, qorti mfassla biex tittratta kwistjonijiet ta' terroriżmu, bħala għodda biex tikkastiga lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

    18. Iħeġġeġ lill-Gvern Sawdi jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

    19. Itenni l-importanza ta' għodod bħad-Djalogu bejn l-UE u l-Arabja Sawdija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex imexxu aktar diskussjoni, u jħeġġeġ l-attivazzjoni tiegħu mingħajr dewmien; Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lid-Delegazzjonijiet kollha tal-UE li jattendu d-Djalogu biex jimpenjaw ruħhom mas-soċjetà ċivili qabel id-Djalogu sabiex jiżguraw informazzjoni aġġornata u għarfien ta' każijiet speċifiċi li għandhom jitqajmu; iħeġġeġ l-użu ta' punti ta' riferiment biex jimmarkaw il-progress tad-diskussjonijiet;

    20. Jiddenunzja l-fatt li s-sistema politika Sawdija għadha profondament mhux demokratika u qed tkompli trażżan b'mod sever il-biċċa l-kbira tal-vuċijiet kuntrarji minkejja t-tħabbir ta' riformi ambizzjużi relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-bini tal-konsulat Sawdi f'Istanbul fit-2 ta' Ottubru 2018 jibqa' messaġġ ta' tkexkix għall-vuċijiet kritiċi kollha fl-Arabja Sawdija, inklużi ħafna attwalment miżmuma f'detenzjoni għall-attiviżmu paċifiku tagħhom; jappoġġa bil-qawwa l-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Sanzjonijiet Globali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kontra dawk responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, inkluż il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi; jistieden lill-komunità internazzjonali ssegwi bir-reqqa r-Rapport Callamard li implika lill-Prinċep Eredi Sawdi Mohammad Bin Salman;

    21. Jistieden lill-Istati Membri u lill-President tal-Kunsill kif ukoll lill-VP/RGħ u lis-SEAE jqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-piena tal-mewt, matul il-laqgħat formali u informali kollha mal-kontropartijiet Sawdin tagħhom; jiddispjaċih dwar l-approċċ timidu tal-UE għad-diplomazija pubblika dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-Arabja Sawdija; jitlob għalhekk, lis-servizzi diplomatiċi Ewropej f'Riyadh u bnadi oħra fl-Arabja Sawdija biex sistematikament jużaw il-mekkaniżmi previsti fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi dikjarazzjonijiet pubbliċi, démarches diplomatiċi, monitoraġġ tal-proċessi u żjarat fil-ħabs;

    22. Jistieden lill-UE tappoġġa kwalunkwe azzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex l-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jinżammu responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE biex, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tipproponi l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Arabja Sawdija;

    23. Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE fil-pajjiż isaħħu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili fl-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet Sawdin, u jużaw l-istrumenti kollha disponibbli għalihom biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-drittijiet tal-bniedem, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza fejn xieraq u jipprovdu rifuġju temporanju fl-Istati Membri tal-UE;

    24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Maestà Tiegħu r-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman al-Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija.

     

     

    Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Lulju 2021
    Avviż legali - Politika tal-privatezza