Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0425/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0425/2021

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar pjanijiet u azzjonijiet biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn l-innovazzjoni mingħajr l-użu ta' annimali fir-riċerka, fl-ittestjar regolatorju u fl-edukazzjoni

    13.9.2021 - (2021/2784(RSP))

    imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4),tar-Regoli ta' Proċedura
    li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
    B9-0425/2021 (S&D)
    B9-0426/2021 (Renew)
    B9-0427/2021 (The Left)
    B9-0428/2021 (Verts/ALE)
    B9-0429/2021 (ECR)
    B9-0432/2021 (PPE)

    Benoît Lutgen, Herbert Dorfmann
    f'isem il-Grupp  PPE
    Mohammed Chahim, Paolo De Castro, Jytte Guteland
    f'isem il-Grupp S&D
    Hilde Vautmans
    f'isem il-Grupp Renew
    Tilly Metz, Martin Häusling, Bas Eickhout
    f'isem il-Grupp Verts/ALE
    Zbigniew Kuźmiuk, Jadwiga Wiśniewska
    f'isem il-Grupp ECR
    Anja Hazekamp
    f'isem il-Grupp The Left


    Proċedura : 2021/2784(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    RC-B9-0425/2021
    Testi mressqa :
    RC-B9-0425/2021
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar pjanijiet u azzjonijiet biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn l-innovazzjoni limingħajr l-użu ta' annimali fir-riċerka, l-ittestjar regolatorju u l-edukazzjoni

    (2021/2784(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra l-Artikoli 13 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

     wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi[1],

     wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ("ir-Regolament REACH")[2],

     wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[3],

     wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali[4],

     wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi[5],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar projbizzjoni globali biex jintemm l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali[6],

     wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Strateġija tal-Unjoni dwar Sustanzi Kimiċi Sostenibbli: Żmien ta' Azzjoni" (6941/21),

     wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 bit-titolu "Rapport tal-2019 rigward l-istatistika dwar l-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-2015-2017" (COM(2020)0016),

     wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 dwar Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2020)0628),

     wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2020 dwar Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa (COM(2020)0761),

     wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

     wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi[7],

     wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali Nru 340 dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija,

     wara li kkunsidra t-tieni rapport interim dwar il-konsultazzjoni online dwar il-Futur tal-Ewropa u l-konklużjonijiet ewlenin mid-djalogi taċ-ċittadini u l-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini,

     wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Stop Vivisection" (C (2015) 3773),

     wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi d-Direttiva 2010/63/UE dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi tistabbilixxi l-għan finali "li jiġu sostitwiti kompletament il-proċessi fuq annimali ħajjin ... hekk kif ikun xjentifikament possibbli li dan isir" u billi tenfasizza li l-użu tal-annimali għal tali finijiet għandu jiġi kkunsidrat biss meta ma jkunx disponibbli metodu li ma jinvolvix l-annimali; billi, madankollu, ftit kien hemm tibdil fin-numru ġenerali ta' annimali użati għal skopijiet xjentifiċi mindu daħlet fis-seħħ din id-direttiva, skont l-aħħar data tal-2018;

    B. billi d-Direttiva tirrikjedi t-trasparenza fl-użu tal-annimali fix-xjenza u tapplika għall-użu tal-annimali fid-dixxiplini kollha, mir-riċerka bażika sar-riċerka applikata, l-iżvilupp tal-mediċini u l-ittestjar tas-sikurezza tas-sustanzi kimiċi; billi għad hemm nuqqas ta' trasparenza; billi l-Istati Membri kollha ppromulgawha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u billi l-atti leġiżlattivi kollha speċifiċi għas-setturi, bħal dawk li jappartjenu lill-prodotti farmaċewtiċi, lill-ikel jew lis-sustanzi kimiċi, għandhom ikunu konformi mal-objettivi tad-Direttiva, li jfisser li l-użu ta' annimali ħajjin għandu jseħħ biss jekk ma jkunux disponibbli alternattivi xierqa biex jiġu mħarsa s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent illum il-ġurnata;

    C. billi l-ittestjar preċedenti fuq l-annimali kkontribwixxa għal avvanzi fl-iżvilupp ta' trattamenti għal kundizzjonijiet tas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll apparat mediku, anestetiċi u vaċċini sikuri, inkluż it-tilqim kontra l-COVID-19, u qeda wkoll rwol fis-saħħa tal-annimali;

    D. billi fl-2017 l-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi ġie rrappurtat 9.58 miljun darba; billi l-għan ewlieni kien ir-riċerka (69 %), segwita mill-użu regolatorju biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti leġiżlattivi (23 %) u l-produzzjoni ta' rutina (5 %); billi fost l-ittestjar imwettaq għal skopijiet regolatorji, il-maġġoranza tiegħu kien jinvolvi prodotti mediċi għall-bnedmin (61 %), segwiti minn prodotti mediċinali veterinarji (15 %) u sustanzi kimiċi industrijali (11 %)[8]; billi l-primati mhux umani ntużaw għal tali ttestjar f'xi partijiet tal-UE u billi ħafna tipi oħra ta' annimali ntużaw għal skopijiet xjentifiċi kull sena; billi f'sena waħda jitrabbew u jinqatlu sa 12-il miljun[9] annimal bl-iskop ta' ttestjar fuq l-annimali mingħajr ma fil-fatt jintużaw f'esperimenti;

    E. billi s-sett ta' għodod ta' mudelli tal-ittestjar li ma jinvolvux annimali qed jikber u juri l-potenzjal li ntejbu l-fehim tagħna tal-mard u li nħaffu l-iskoperta ta' trattamenti effettivi; billi dan is-sett ta' għodod jinkludi, pereżempju, teknoloġija "organu fuq ċipp" ġdida, simulazzjonijiet sofistikati bil-kompjuter, kulturi 3-D ta' ċelloli umani għall-ittestjar tad-drogi u mudelli u teknoloġiji moderni oħra;

    F. billi ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni pproduċa sensiela ta' rapporti li jelenkaw u jiddeskrivu mudelli avvanzati li ma jinvolvux annimali f'seba' oqsma ta' mard bil-ħsieb li jitħaffef l-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji; billi, madankollu, l-inizjattivi tal-UE għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni għandhom jiġu allinjati għalkollox mal-prijoritajiet identifikati f'dawn ir-rieżamijiet;

    G. billi, filwaqt li l-inkoraġġiment formali għal metodi li ma jinvolvux annimali huwa uniku għall-UE, hemm ostakli burokratiċi għall-aċċettazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom mhuwiex infurzat kif suppost u l-finanzjament għall-iżvilupp tagħhom għadu mhux adegwat;

    H. billi ċ-ċittadini Ewropej urew b'mod konsistenti appoġġ għat-tmiem tal-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi;

    I. billi fi ħdan il-Kummissjoni, id-Direttorati Ġenerali għall-Ambjent, għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-JRC kollha għandhom responsabbiltajiet għal oqsma differenti tar-riċerka u l-ittestjar fuq l-annimali u billi ma hemm l-ebda mekkaniżmu ta' koordinazzjoni formali biex jiġi żgurat approċċ attiv, koerenti u bbażat fuq is-sinerġija biex tinkiseb is-sostituzzjoni sħiħa tal-annimali;

    J. billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) stabbilixxew strateġiji biex inaqqsu u jissostitwixxu b'mod attiv l-ittestjar fuq l-annimali, iżda l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għad trid tistabbilixxi strateġija ta' tnaqqis u sostituzzjoni u affermat li huwa meħtieġ investiment immirat immedjat sabiex jiġu żviluppati metodi effettivi tat-tossikoloġija ta' previżjoni li ma jinvolvux annimali u jingħata appoġġ dirett lill-objettivi regolatorji;

    K. billi l-impatt pożittiv li kellha fuq il-benessri tal-annimali fl-UE l-projbizzjoni storika fuq l-ittestjar fuq l-annimali għall-prodotti kożmetiċi wriet b'suċċess li t-tneħħija gradwali tal-użu tal-ittestjar fuq l-annimali hija fattibbli mingħajr ma jiġi pperikolat l-iżvilupp tas-settur tal-kożmetiċi; billi, madankollu, għad hemm rekwiżiti għat-tkomplija tal-ittestjar fuq l-annimali għall-effetti fuq il-ħaddiema li jittrattaw ingredjenti kimiċi użati esklussivament fil-kożmetiċi, u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent; billi, madankollu, l-iffissar ta' skadenzi ċari għat-tneħħija gradwali ta' tali ttestjar fl-UE xpruna l-innovazzjoni fil-kumpaniji tal-UE u gawda minn appoġġ pubbliku;

    L. billi s-sostituzzjoni tal-ittestjar fuq l-annimali b'metodi avvanzati li ma jinvolvux annimali se tkun meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa u dak tal-ambjent stabbiliti fil-pjan ta' rkupru Next Generation EU u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, u billi fejn huma diġà disponibbli alternattivi vvalidati li ma jinvolvux annimali, dawn iridu jingħataw prijorità;

    M. billi ċerti Stati Membri adottaw miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi filwaqt li Stati Membri oħrajn japplikaw biss ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2010/63/UE;

    1. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-koordinazzjoni biex tilħaq l-għan stabbilit fid-Direttiva 2010/63/UE billi tistabbilixxi taskforce ta' livell għoli bejn is-servizzi, bl-involviment tad-Direttorati Ġenerali ewlenin u l-aġenziji ewlenin kollha, taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti ħalli tfassal pjan ta' azzjoni għall-UE kollha, bil-għan li tmexxi l-eliminazzjoni gradwali attiva billi tnaqqas, tirfina u tissostitwixxi l-proċeduri li jitwettqu fuq annimali ħajjin għal skopijiet xjentifiċi, malajr kemm jista' jkun xjentifikament possibbli u mingħajr ma jitbaxxa l-livell ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, filwaqt li taċċellera l-iżvilupp ta' metodi, teknoloġiji u strumenti alternattivi li ma jinvolvux annimali u li huma meħtieġa għall-bidla; jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti skeda ta' żmien ċara u ambizzjuża u lista ta' objettivi intermedjarji biex jinċentivaw il-progress;

    2. Jenfasizza li l-użu fil-passat ta' riċerka bbażata fuq l-annimali kkontribwixxa b'mod sinifikanti għal avvanzi fit-trattament ta' ħafna kundizzjonijiet tas-saħħa tal-bniedem u qeda rwol fis-saħħa tal-annimali, u jenfasizza li għalkemm l-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi hija l-għan aħħari, għadhom mhumiex disponibbli metodi li ma jinvolvux annimali fl-oqsma kollha tar-riċerka xjentifika; jissottolinja wkoll li hemm każijiet fejn l-esperimenti fuq l-annimali għadhom meħtieġa biex jinkiseb għarfien xjentifiku fit-tfittxija fit-tul għal rimedju effettiv għal ċertu mard minħabba l-fatt li bħalissa mhumiex disponibbli metodi li ma jinvolvux annimali; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-esperimenti li jitwettqu fuq l-annimali minħabba li mhumiex disponibbli metodi li ma jinvolvux annimali jridu jsiru biss fl-aħjar kundizzjonijiet li jnaqqsu kemm jista' jkun l-uġigħ, it-tensjoni u t-tbatija u jipproteġu l-benessri tal-annimali kkonċernati;

    3. Jissottolinja li l-pjan ta' azzjoni għandu jinkludi objettivi ambizzjużi u li jistgħu jintlaħqu u skedi ta' żmien li għandhom jiġu stabbiliti taħt l-għan ġenerali ta' tnaqqis u sostituzzjoni sabiex tiġi inċentivata l-bidla, b'azzjonijiet konkreti u kkoordinati akkumpanjati minn indikaturi, kif inhuma applikati għal oqsma ta' politika oħra tal-UE, u għandu juża l-bażi tad-data statistika tal-UE ALURES bħala punt ta' referenza, li jwassal għal tnaqqis assolut u sostnut fl-għadd ta' annimali użati madwar l-UE għal skopijiet xjentifiċi;

    4. Jisħaq fuq li l-pjan għandu jinkludi, fost oħrajn, proposti għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-inizjattivi eżistenti, inkluża sistema ta' kontrolli li tiffunzjona tajjeb;

    5. Jenfasizza l-ħtieġa li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka tiġi approfondita u li l-pjan jibni fuq ir-riċerka li saret s'issa fl-UE u li jiġu inklużi mekkaniżmi għall-finanzjament preferenzjali ta' metodi li ma jinvolvux annimali fl-inizjattivi kollha ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE, peress li tali metodi alternattivi jġibu magħhom spejjeż u ħtiġijiet ta' investiment addizzjonali; jindika, għalhekk, il-ħtieġa ta' aktar finanzjament u ta' finanzjament immirat taħt Orizzont Ewropa għal mudelli avvanzati li ma jinvolvux annimali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed finanzjament fuq terminu medju u twil biex jiġu assigurati l-iżvilupp rapidu, il-validazzjoni u l-introduzzjoni ta' metodi ta' ttestjar alternattivi li jissostitwixxu l-ittestjar fuq l-annimali, b'mod partikolari għal punti finali tossikoloġiċi kruċjali; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ l-impenn tagħha favur ir-raggruppament tas-sustanzi u l-użu ta' valutazzjonijiet tar-riskju ġeneriċi bħala mezzi importanti biex titħares aħjar is-saħħa tal-bniedem u jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali;

    6. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi għanijiet ta' tnaqqis f'konsultazzjoni mal-aġenziji rilevanti, b'mod partikolari l-ECHA u l-EFSA, permezz ta' implimentazzjoni aktar proattiva tar-regolamenti attwali dwar is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi u prodotti oħra, u tappoġġa l-għanijiet ta' tnaqqis billi tuża bażi tad-data tal-UE dwar is-sikurezza kimika li tkun konnessa u interoperabbli għall-aħħar; ifakkar li l-Artikolu 13 tar-REACH jirrikjedi li r-rekwiżiti tal-metodi ta' ttestjar jiġu aġġornati hekk kif isiru disponibbli metodi li ma jinvolvux annimali;

    7. Jenfasizza li s-settur privat jista' jkun involut b'mod attiv fil-pjan, b'mod partikolari l-kumpaniji li jixtiequ jibdlu għal mudelli li ma jinvolvux annimali, kif ukoll n-negozji ġodda li qed jiżviluppaw u jipperfezzjonaw dawn il-mudelli, billi jipparteċipaw f'approċċi kollaborattivi għat-tneħħija gradwali tal-ittestjar fuq l-annimali; jemmen li l-korpi tal-gvern għandhom jassumu rwol ta' koordinament u jidħlu fi djalogu pożittiv u kostruttiv mas-settur, u b'hekk jippermettu soluzzjonijiet minn isfel għal fuq; jappella għal approċċ transsettorjali u mifrux mal-UE kollha kkoordinat aħjar fl-Istati Membri kollha u fl-aġenziji kollha tal-UE;

    Edukazzjoni u taħriġ

    8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tipprijoritizza azzjonijiet biex jedukaw, iħarrġu u jħarrġu mill-ġdid lix-xjenzati, lir-riċerkaturi u lit-tekniċi fl-użu ta' mudelli avvanzati li ma jinvolvux annimali u fil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, u biex iqajmu kuxjenza dwar mudelli vvalidati li ma jinvolvux annimali fost dawk involuti fl-evalwazzjoni tal-proposti tal-proġetti u fl-attribuzzjoni tal-finanzjament;

    9. Jenfasizza l-ħtieġa ta' sforz kontinwu fit-taħriġ u l-edukazzjoni sabiex jiġi assigurat l-għarfien l-aktar wiesa' possibbli ta' alternattivi u proċessi fil-laboratorji u fost l-awtoritajiet kompetenti;

    10. Jirrimarka li l-istituzzjonijiet akkademiċi għandhom rwol essenzjali x'jaqdu fil-promozzjoni ta' alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali f'dixxiplini xjentifiċi u fit-tixrid ta' għarfien u prattiki ġodda li huma disponibbli iżda li mhux dejjem jintużaw b'mod estensiv;

    11. Jenfasizza l-bżonn li ssir ħidma fi ħdan l-istrutturi internazzjonali biex jitħaffu l-validazzjoni u l-aċċettazzjoni ta' metodi alternattivi, jiġi assigurat it-trasferiment tal-għarfien u jingħata appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi terzi, fejn ix-xjenzati jistgħu ma jkunux konxji ta' metodi alternattivi u fejn il-faċilitajiet tal-ittestjar jista' ma jkollhomx l-infrastruttura neċessarja għar-riċerka;

    °

    ° °

    12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

     

    Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2021
    Avviż legali - Politika tal-privatezza