Proċedura : 2021/2874(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B9-0445/2021

Testi mressqa :

RC-B9-0445/2021

Dibattiti :

PV 16/09/2021 - 6.3
CRE 16/09/2021 - 6.3

Votazzjonijiet :

PV 16/09/2021 - 8
PV 16/09/2021 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2021)0391

<Date>{15/09/2021}15.9.2021</Date>
<RepeatBlock-NoDocSe> <NoDocSe>B9‑0445/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9‑0447/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9‑0448/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9‑0454/2021</NoDocSe></RepeatBlock-NoDocSe> } RC1
PDF 179kWORD 53k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Replacing>li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin::</Replacing>

<TablingGroups>B9-0445/2021 (Verts/ALE)

B9-0447/2021 (S&D)

B9-0448/2021 (Renew)

B9-0454/2021 (PPE)

</TablingGroups> 


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-rifuġjati ta' Kakuma fil-Kenja</Titre>

<DocRef>(2021/2874(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Isabel Wiseler-Lima, Michael Gahler, David McAllister, José Manuel Fernandes, Loránt Vincze, Tomáš Zdechovský, Janina Ochojska, Miriam Lexmann, Deirdre Clune, Inese Vaidere, Andrey Kovatchev, Vladimír Bilčík, Krzysztof Hetman, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Eva Maydell, Peter Pollák, Paulo Rangel, Christian Sagartz, Stanislav Polčák, Romana Tomc, Lefteris Christoforou, Ivan Štefanec, Luděk Niedermayer, Helmut Geuking, Michaela Šojdrová, Jiří Pospíšil, Tom Vandenkendelaere, Seán Kelly</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Pedro Marques, Andrea Cozzolino, Maria Arena</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Olivier Chastel, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Javier Nart, Jan-Christoph Oetjen, Samira Rafaela, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Marie-Pierre Vedrenne, Klemen Grošelj</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Pierrette Herzberger-Fofana</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Fabio Massimo Castaldo</Depute>

</RepeatBlock-By>

EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-rifuġjati ta' Kakuma fil-Kenja

(2021/2874(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kenja, b'mod partikolari dawk tat-30 ta' April 2015[1] u tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar Strateġija ġdida UE-Afrika – sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 ta' Ġunju 2021 tar-Repubblika tal-Kenja u l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE dwar il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija, 17 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Uganda[4],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2021 intitolata "Il-Qarn tal-Afrika: prijorità ġeostrateġika għall-UE",

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-29 ta' April 2021 tal-Gvern tal-Kenja u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR): Il-Pjan Direzzjonali ta' Dadaab u tal-Kampijiet tar-Rifuġjati ta' Kakuma,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-UNHCR tal-25 ta' Marzu 2021 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati LGBTIQ+ fil-kamp ta' Kakuma,

 wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Mejju 2021 dwar il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, il-Bifobija u t-Transfobija,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 intitolata "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 21, 24, 29 u 31 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 10 u 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li, fir-relazzjonijiet tagħhom mad-dinja inġenerali, jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem universali u l-protezzjoni tal-individwi, u li jadottaw miżuri restrittivi fil-każ ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra l-valuri tad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-solidarjetà li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, li jirrikonoxxi d-dritt ta' tiftix ta' ażil minn persekuzzjoni f'pajjiżi oħra,

 wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF għall-Afrika),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali[5],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Marzu 2020 intitolata "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024" (JOIN(2020)0005),

 wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Qafas ta' Rispons Komprensiv tal-UNHCR għar-Rifuġjati,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tal-Kenja tat-8 ta' April 2021 li timblokka temporanjament l-għeluq tal-kampijiet tar-rifuġjati ta' Dadaab u Kakuma,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2020 dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2020)0609),

 wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Rifuġjati,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Kenja tospita t-tieni l-akbar numru ta' rifuġjati u persuni li jfittxu ażil fl-Afrika, wara l-Etjopja; billi, skont il-UNHCR, mill-31 ta' Mejju 2021 il-popolazzjoni tar-rifuġjati u persuni li jfittxu ażil fil-Kenja hija ta' 519 989 ruħ f'Kakuma, f'Dadaab u f'żoni urbani;

B. billi l-kamp ta' Kakuma jinsab fil-kontea ta' Turkana, waħda mill-ifqar kontej fil-Kenja; billi, skont il-UNHCR, il-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kamp huma ħżiena u qegħdin jiddeterjoraw kontinwament, b'faqar estrem, djar u infrastruttura ħżiena u nuqqas ta' ilma, sanità, mediċini u provvisti tal-elettriku; billi kemm il-popolazzjoni lokali kif ukoll ir-rifuġjati qegħdin isofru minn nuqqas kbir ta' ikel u ilma u nuqqas ta' ħtiġijiet bażiċi; billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat is-sitwazzjoni umanitarja diġà allarmanti fil-kamp u fil-kontea fejn jinsab;

C. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fil-kamp tar-rifuġjati ta' Kakuma fil-Kenja ddeterjorat b'mod esponenzjali; billi s-serq bl-użu ta' armi, is-serq, l-istupri u l-qtil spiss jiġu rrapportati, bin-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabilità u l-persuni LGBTIQ+ ikunu l-aktar vulnerabbli għall-vjolenza; billi dawn l-attakki bħalissa qegħdin jiġu investigati;

D. billi fil-15 ta' Marzu 2021, f'Kakuma 3 Blokk 13, żewġ rifuġjati sofrew ħruq tat-tieni grad waqt attakk bi ħruq doluż b'bomba tal-petrol waqt li kienu reqdin; billi waħda mill-vittmi, ir-rifuġjat Ugandiż Chriton Atuhwera, miet minħabba l-korrimenti li sofra; billi għadd dejjem akbar ta' rifuġjati LGBTIQ+ sfaw attakkati u midruba, b'ħafna minnhom ikollhom jaħarbu mill-kamp tar-rifuġjati lejn żona fejn mhumiex protetti u ma jitħallewx joqogħdu legalment;

E. billi għalkemm il-liġi tal-Kenja tikkastiga relazzjonijiet kunsenswali bejn persuni tal-istess ġeneru b'massimu ta' 14-il sena ħabs, huwa l-uniku pajjiż fir-reġjun li jaċċetta r-rifuġjati abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; billi, skont l-UNHCR, madwar 300 rifuġjat u persuna li qegħdin ifittxu ażil irreġistraw fil-kamp tar-rifuġjati ta' Kakuma għandhom profil ta' LGBTIQ+, bil-parti l-kbira minnhom irrapportaw li qegħdin jgħixu b'mod paċifiku fil-komunità ta' Kakuma;

F. billi, skont ir-rieżami globali tal-2020 tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transesswali u Intersesswali (ILGA), kważi nofs il-pajjiżi madwar id-dinja fejn l-omosesswalità hija illegali jinsabu fl-Afrika; billi 22 biss minn 54 nazzjon Afrikan illegalizzaw l-omosesswalità;

G. billi f'ħafna nazzjonijiet Afrikani l-liġijiet fis-seħħ kontra l-LGBTIQ+ imorru lura għall-era kolonjali;

H. billi f'Marzu 2020 xi rifuġjati bi profili ta' LGBTIQ+ talbu lill-UNHCR jirrilokahom barra mill-Kenja bħala riżultat tal-ostilità tal-pajjiż lejhom; billi matul dawn l-aħħar ftit xhur aktar minn 30 persuna LGBTIQ+ ġew rilokati mill-parti Kakuma 3 tal-kamp lejn partijiet oħra abbażi tat-tħassib dwar is-sikurezza li qajmu u wara valutazzjoni bir-reqqa mill-UNHCR fuq il-post; billi l-mandat tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill talab li jsiru sforzi matul iż-żmien biex tinkiseb distribuzzjoni ġusta ta' persuni risistemati fost l-Istati Membri, u li dawk l-isforzi għandhom jingħaqdu ma' sforzi biex jiġu stabbiliti regoli vinkolanti internazzjonali rigward ir-responsabbiltà kondiviża internazzjonali biex jiġu risistemati persuni li għandhom bżonn risistemazzjoni kif indikat mill-UNHCR;

I. billi f'Novembru 2020 il-Gvern tal-Kenja u l-Human Rights Watch ikkonfermaw li l-era tal-COVID-19 esperjenzat żieda esponenzjali f'attakki fuq il-persuni LGBTIQ+, minkejja li l-vjolenza żdiedet ħafna b'mod aktar ġenerali;

J. billi t-tluq ta' risistemazzjoni ta' persuni LGBTIQ+ mill-kampijiet ta' rifuġjati tal-Kenja għadu ma jissodisfax il-ħtiġijiet reali; billi l-pandemija tal-COVID-19 naqqset ir-ritmu tal-proċess; billi, skont il-UNHCR, mill-2019 'l hawn madwar 235 rifuġjat b'dan il-profil ġew ippreżentati għar-risistemazzjoni, li minnhom 48 % telqu mill-pajjiż;

K. billi, minkejja l-fatt li l-UNHCR u s-sħab tiegħu kienu ħejjew faċilitajiet ta' rispons għall-pandemija, 65 % tar-rifuġjati bbażati fil-kampijiet irrapportaw inqas aċċess għall-faċilitajiet tas-saħħa wara t-tifqigħa meta mqabbla ma' qabel it-tifqigħa f'Marzu 2020, prinċipalment minħabba l-biża' ta' infezzjoni u n-nuqqas ta' disponibbiltà tal-persunal mediku; billi 3 % biss tal-popolazzjoni tal-Kenja hija kompletament imlaqqma kontra l-COVID-19; billi l-kampanja ta' tilqim fil-kampijiet tar-rifuġjati tal-Kenja bdiet fit-30 ta' Marzu 2021, u l-kamp ta' Kakuma ġie allokat 2 000 doża ta' vaċċini;

L. billi l-Gvern tal-Kenja għamel diversi tentattivi biex jagħlaq il-kamp f'dawn l-aħħar deċennji; billi fl-24 ta' Marzu 2021, il-ministru għall-intern tal-Kenja ta ultimatum ta' 14-il jum lill-UNHCR biex ifassal pjan għall-għeluq kemm tal-kampijiet ta' Dadaab kif ukoll ta' Kakuma; billi fit-8 ta' April 2021, il-Qorti Superjuri tal-Kenja pposponiet temporanjament l-għeluq għal 30 jum; billi, fid-29 ta' April 2021, il-UNHCR u l-Gvern tal-Kenja qablu dwar pjan direzzjonali għal għeluq aktar tard tal-kampijiet ta' Kukuma u Dadaab sat-30 ta' Ġunju 2022; billi l-pjan direzzjonali jinkludi r-ritorn volontarju għar-rifuġjati lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom b'mod sikur u dinjituż, it-tluq lejn pajjiżi terzi skont diversi arranġamenti u għażliet alternattivi ta' soġġorn fil-Kenja għal ċerti rifuġjati minn pajjiżi tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC);

M. billi, filwaqt li n-NU rrikonoxxew it-tħassib tal-gvern u rrikonoxxew li l-kampijiet tar-rifuġjati m'għandhomx ikunu soluzzjonijiet fit-tul għal spostament furzat, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem wissew li għeluq f'daqqa u diżordinat iwassal għal katastrofi umanitarja u li r-ripatrijazzjonijiet furzati jiksru d-dritt internazzjonali; billi r-rifuġjati f'Kakuma ġeneralment jgħixu bil-biża' li jiġu deportati;

N. billi, minkejja riżorsi naturali vasti, il-Qarn tal-Afrika huwa wieħed mill-ifqar reġjuni tad-dinja; billi s-sigurtà tal-ikel hija prekarja ħafna u miljuni ta' persuni li jgħixu fir-reġjun jsofru malnutrizzjoni u jinsabu f'riskju ta' karestija; billi n-nixfa u l-kunflitti armati huma ż-żewġ raġunijiet ewlenin għall-ispostament ta' persuni fir-reġjun, inkluż fil-Kenja, kif enfasizzat mill-Pjan ta' Azzjoni Globali ta' Nairobi adottat fis-summit tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fis-26 ta' Marzu 2017; billi kunflitti bħal dawk fis-Somalja u fl-Etjopja, u l-vjolenza ta' qabel u wara l-elezzjoni fl-Uganda u fit-Tanzanija, iwasslu biex ir-ritorn volontarju ma jkunx ġustifikabbli għal raġunijiet ta' sikurezza u dinjità għall-maġġoranza tar-rifuġjati fil-kamp ta' Kakuma; billi, sa mill-aħħar tal-2019, il-Kenja ntlaqtet minn taħlita ta' theddid bla preċedent u ġiet affettwata b'mod sever mit-tibdil fil-klima, bl-akbar invażjoni ta' ġurad tad-deżert f'dawn l-aħħar 60 sena, għargħar li kkaratterizzaw l-istaġuni tax-xita u l-miżuri ta' restrizzjoni tal-COVID-19;

O. billi l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF), iffirmat waqt is-summit ta' Valletta fit-12 ta' Novembru 2015, kien imfassal biex jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabbilizzazzjoni, l-ispostament furzat tal-popolazzjonijiet u l-migrazzjoni irregolari billi jiġu promossi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp; billi l-UE qiegħda tirreaġixxi għall-bżonnijiet bażiċi li jsalvaw il-ħajja tar-rifuġjati ospitati f'kampijiet tar-rifuġjati fil-Kenja; billi l-Fond Fiduċjarju tal-Unjoni għall-Afrika huwa stabbilit fi ħdan l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), u jrid ikun allinjat mal-objettiv primarju tal-politika ta' żvilupp tal-UE, li jibqa' "l-ġlieda kontra l-faqar";

P. billi mill-2012 l-UE pprovdiet aktar minn EUR 200 miljun f'għajnuna umanitarja u allokat EUR 286 miljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2014-2020, b'enfasi fuq il-ħolqien tal-impjiegi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-bini tal-istituzzjonijiet, u l-edukazzjoni b'mod partikolari; billi l-persuni Kenjani applikanti għall-ażil jiddependu totalment fuq l-appoġġ umanitarju għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; billi l-NDICI l-ġdid – l-istrument finanzjarju Ewropa Globali ser ikompli l-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE fil-Kenja;

Q. billi fl-2021 l-UE allokat EUR 15-il miljun f'finanzjament għal proġetti umanitarji fil-Kenja, bl-għan li l-ewwel nett tassisti lir-rifuġjati u, mill-2016, EUR 45 miljun għar-rifuġjati u l-komunitajiet ospitanti fil-Kenja skont il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika; billi fil-kampijiet tar-rifuġjati ta' Kakuma u Dadaab, l-UE tkompli tappoġġa l-għoti ta' għajnuna bażika li ssalva l-ħajjiet, bħall-għajnuna alimentari, il-kura tas-saħħa, it-trattament tad-denutrizzjoni, l-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH), il-protezzjoni u l-edukazzjoni;

1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja u r-rapporti ta' vjolenza fit-tul fil-kamp ta' Kakuma; jikkundanna bil-qawwa l-attakk bi ħruq doluż permezz ta' bomba bil-petrol imwettaq fi-15 ta' Marzu 2021 fil-kamp tar-rifuġjati ta' Kakuma 3 kontra żewġ refuġjati LGBTIQ+; jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddid kostanti fil-kamp tar-rifuġjati ta' Kakuma kontra persuni LGBTIQ+; ifakkar li f'dawn l-aħħar ftit xhur ġew rilokati b'urġenza aktar minn 30 individwu;

2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kenjani jkomplu jinvestigaw u jiċċaraw bis-sħiħ dan ir-reat u biex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom skont il-liġi Kenjana u skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

3. Jirrikonoxxi r-rwol importanti u kostruttiv tal-Kenja u jfakkar fis-sitwazzjoni reġjonali ta' sfida, li hija kkaratterizzata minn kriżijiet u konflitti reġjonali; jirrikonoxxi l-importanza tal-kamp tar-rifuġjati ta' Kakuma għal eluf ta' rifuġjati u applikanti għall-ażil fir-reġjuni konfinanti tal-Kenja, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli fosthom, b'mod partikolari l-persuni LGBTIQ+, li jiffaċċjaw il-kriminalizzazzjoni u saħansitra l-piena tal-mewt fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;

4. Ifaħħar il-ħidma kollaborattiva li saret matul is-snin bejn is-Segretarjat tal-Affarijiet tar-Rifuġjati (RAS) tal-Kenja, il-UNHCR u sħab oħra fl-indirizzar tal-protezzjoni tar-rifuġjati kollha; jisħaq, madankollu, li s-sitwazzjoni attwali fil-kamp ta' Kakuma mhijiex sostenibbli f'perspettiva fit-tul u tirrikjedi rispons effiċjenti u koordinat mill-Gvern Kenjan, il-gvernijiet tar-reġjun u mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi, inkluża l-UE; jieħu nota tal-adozzjoni reċenti tal-Pjan Direzzjonali għall-Kampijiet tar-Rifuġjati ta' Dadaab u Kakuma f'dan ir-rigward;

5. Jistieden lill-Gvern Kenjan iżomm il-kampijiet tar-rifuġjati ta' Kakuma u Dadaab, tal-anqas sakemm is-sitwazzjoni fir-reġjun tistabbilizza ruħha; iħeġġeġ lill-Gvern Kenjan jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem tar-rifuġjati jiġu rispettati meta jieħu kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċernahom; jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza finanzjarja tal-UE lil pajjiżi terzi għall-akkoljenza tar-rifuġjati m'għandhiex tissostitwixxi r-responsabilità tal-UE li tospita u toffri sistemazzjoni ġdida lil sehem ġust ta' persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

6. Jistieden lill-Gvern Kenjan, lill-UNHCR u lill-komunità internazzjonali biex jimpenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien u jsibu soluzzjonijiet alternattivi, dejjiema, xierqa u bbażati fuq id-drittijiet li jkunu konformi mal-prinċipji u l-għanijiet tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà tal-Patt Globali dwar ir-Refuġjati (GCR); jirrakkomanda li, sabiex ikun effettiv, dan għandu jinkludi r-risistemazzjoni fl-UE għal għadd sinifikanti ta' rifuġjati li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

7. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal approċċ reġjonali aktar integrat u komprensiv għall-ġestjoni tar-rifuġjati u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Kenja u l-pajjiżi ġirien tagħha dwar kwistjonijiet politiċi, ta' sigurtà, umanitarji u ta' żvilupp bil-għan li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-ispostament furzat; jitlob li tiġi ssodisfatta l-ħtieġa ta' sigurtà adegwata fil-kampijiet tar-rifuġjati, u jistieden lill-Gvern Kenjan isaħħaħ is-sigurtà fil-kamp ta' Kakuma u jsaħħaħ il-protezzjoni tar-rifuġjati, b'mod partikolari l-gruppi l-aktar vulnerabbli; jappella lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-fergħat l-oħra tal-gvern fil-Kenja jiżguraw li r-rifuġjati jkunu protetti u sikuri;

8. Jappella lill-Gvern Kenjan u lill-UNHCR jiżguraw l-implimentazzjoni tal-programm ta' ripatrijazzjoni f'konformità sħiħa mal-obbligi internazzjonali u mar-responsabbiltà domestika tal-Kenja; jinsisti li kwalunkwe proċess ta' ripatrijazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini jrid ikun volontarju, sikur, sostenibbli, dinjituż u bbażat fuq id-drittijiet, filwaqt li l-persuni rimpatrijati jkollhom aċċess għal informazzjoni oġġettiva, newtrali u pertinenti dwar x'se jiġri jekk jiddeċiedu li ma jivvolontarjawx;

9. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika, b'mod partikolari rigward il-faqar u l-insigurtà tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tirrilaxxa l-għajnuna umanitarja ta' emerġenza meħtieġa biex tlaħħaq mal-problema tar-rifuġjati u l-karestija fir-reġjun; jappella li l-għajnuna pprovduta mill-UE u mill-Istati Membri fil-Qarn tal-Afrika tintuża, bħala kwistjoni ta' prijorità, biex tindirizza l-vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-problemi marbuta mal-inugwaljanzi severi, il-faqar, il-malnutrizzjoni kronika, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u pubbliċi, b'mod partikolari l-kura tas-saħħa riproduttiva, u l-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli;

10. Jistieden lill-UE tindirizza l-kwistjoni tal-insigurtà tal-ikel u n-nuqqas ta' ħtiġijiet bażiċi fil-kamp ta' Kakuma, inkluż, fost l-oħrajn, l-aċċess għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u s-servizzi tal-elettriku mhux biss permezz ta' assistenza esklużiva għar-rifuġjati, iżda wkoll permezz tal-appoġġ tagħha għal programmi nazzjonali ta' żvilupp b'kapaċità garantita u vvalutata regolarment li jissodisfaw l-effikaċja tal-iżvilupp;

11. Jissottolinja li l-instabilità dejjem tikber fir-reġjun tirrappreżenta ostaklu għar-ritorn sikur tar-rifuġjati lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; jistieden lill-UE, sabiex f'kollaborazzjoni mal-komunità internazzjonali tad-donaturi, tkompli żżid l-isforzi tagħha bħala sieħba medjatriċi u ta' appoġġ għall-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli u fit-tul fir-reġjun, biex b'hekk jinħoloq ambjent favorevoli u sikur għar-ritorni volontarji u għall-integrazzjoni mill-ġdid tar-rifuġjati;

12. Jappella għal sforzi akbar għall-protezzjoni tal-persuni LGBTIQ+ spostati bil-forza u għal solidarjetà akbar min-naħa tal-komunità internazzjonali fir-rispons għall-ħtiġijiet ta' risistemazzjoni madwar id-dinja, peress li dawn għadhom ferm akbar min-numru reali ta' spazji disponibbli;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni u l-ipprogrammar għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika u jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt speċifika li tkopri l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet tal-bniedem, bl-appoġġ tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta fil-ħin ir-riżultat ta' tali valutazzjoni tal-impatt lill-Parlament, inkluż fil-qafas tal-Grupp ta' Ħidma dwar Strumenti ta' Finanzjament Estern tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp;

14. Jistieden lill-UE tkompli taħdem mill-qrib mal-Gvern Kenjan, mal-UNHCR u mal-komunità internazzjonali usa' sabiex tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni fit-tul tar-rifuġjati fir-reġjun; jistieden lill-UE ssaħħaħ id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kenja;

15. Ifakkar li fl-Unjoni Ewropea, il-persekuzzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali hija meqjusa bħala kriterju għall-applikazzjoni għall-ażil u għall-għoti ta' ażil; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaderixxu ma' dan il-prinċipju; jistieden lill-UE, b'mod partikolari d-Delegazzjonijiet tal-UE u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex b'mod effettiv jagħmlu użu sħiħ mis-Sett ta' Miżuri LGBTI u l-linji gwida li jakkumpanjawhom fid-djalogu tagħhom man-nazzjonijiet Afrikani kollha li għadhom jikkriminalizzaw l-omosesswalità u, b'mod aktar ġenerali, fid-djalogu tagħhom mal-pajjiżi kollha fejn il-persekuzzjoni jew il-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ+ hija mifruxa;

16. Jinsisti li d-Delegazzjoni tal-UE fil-Kenja tkompli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli, b'mod aktar speċifiku l-persuni LGBTIQ+ u n-nisa Afrikani Suwed u tappoġġa b'mod attiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-persuni LGBTIQ+ fuq il-post;

17. Iħeġġeġ lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tikkonvinċi kemm lill-Gvern Kenjan kif ukoll lill-Unjoni Afrikana biex jikkunsidraw mill-ġdid l-approċċ tagħhom dwar l-LGBTIQ+, filwaqt li jinnota li l-pożizzjoni tagħhom tista' b'xi mod jew ieħor tpoġġi lill-persuni LGBTIQ+ f'riskju ta' trattament inuman u degradanti li jmur kontra l-valuri tal-ugwaljanza u l-protezzjoni ugwali minquxa fil-liġi;

18. Ifakkar lill-awtoritajiet Kenjani dwar l-impenn tagħhom li jirrispettaw id-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni kif minqux fl-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-obbligi tagħhom li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, kif previst fil-Karta Afrikana u strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou u, b'mod speċifiku, l-Artikoli 8 u 96 tiegħu; iħeġġeġ lill-Gvern Kenjan jiggarantixxi, fiċ-ċirkostanzi kollha, l-integrità fiżika u l-benessri psikoloġiku tar-rifuġjati kollha, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tagħhom;

19. Jistieden lill-komunità internazzjonali tiggarantixxi li r-rifuġjati jkunu koperti mill-programmi ta' tilqim kontra l-COVID-19; jisħaq fuq il-fatt li r-rifuġjati jitħallew jibbenefikaw mis-servizzi nazzjonali u l-integrazzjoni tagħhom fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali hija essenzjali kemm għar-rifuġjati kif ukoll għall-komunitajiet li jospitawhom, u tikkonforma mal-wegħda li "ħadd ma jitħalla jibqa' lura" fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

20. Itenni mill-ġdid li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp mingħajr sigurtà mtejba fir-reġjun; jissottolinja bil-qawwa madankollu, li l-finanzjament irid ikun iddedikat għall-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali fir-reġjun, b'enfasi partikolari fuq l-isfidi ta' żvilupp identifikati fid-deċiżjoni dwar il-Fond Fiduċjarju; ifakkar li l-FEŻ u l-fondi tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) għandhom jintużaw esklużivament għall-objettivi ta' żvilupp;

21. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi allokat sehem sostanzjali tal-NDICI – Ewropa Globali lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi terzi, inkluża l-Kenja, biex tingħata assistenza u għall-protezzjoni u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-migranti; jistieden lill-UE tiżgura li parti sinifikanti tal-ipprogrammar permezz ta' dan l-istrument tiġi allokata għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni internazzjonali għar-rifuġjati, b'mod partikolari fil-Kenja;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, lill-Ispeaker tal-Parlament Kenjan, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-IGAD, lill-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

 

 

 

[1] ĠU C 346, 21.9.2016, p. 51.

[2] ĠU C 307, 30.8.2018, p. 131.

[3] Testi adottati, P9_TA(2021)0108.

[4] Testi adottati, P9_TA(2019)0042.

[5] ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Settembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza