Proċedura : 2021/2983(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B9-0553/2021

Testi mressqa :

RC-B9-0553/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2021 - 8
PV 25/11/2021 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2021)0483

<Date>{24/11/2021}24.11.2021</Date>
<RepeatBlock-NoDocSe> <NoDocSe>B9-0553/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0558/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0564/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0566/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0571/2021</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0573/2021</NoDocSe></RepeatBlock-NoDocSe> } RC1
PDF 173kWORD 52k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Replacing>li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:</Replacing>

<TablingGroups>B9-0553/2021 (The Left)

B9-0558/2021 (Verts/ALE)

B9-0564/2021 (S&D)

B9-0566/2021 (PPE)

B9-0571/2021 (ECR)

B9-0573/2021 (Renew)</TablingGroups>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun</Titre>

<DocRef>(2021/2983(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Michael Gahler, Christian Sagartz, György Hölvényi, Isabel Wiseler‑Lima, David McAllister, Antonio López‑Istúriz White, Miriam Lexmann, Tomáš Zdechovský, Inese Vaidere, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Peter Pollák, José Manuel Fernandes, Adam Jarubas, Tom Vandenkendelaere, David Lega, Krzysztof Hetman, Stanislav Polčák, Loránt Vincze, Ivan Štefanec, Lefteris Christoforou, Andrey Kovatchev, Vladimír Bilčík, Seán Kelly, Michaela Šojdrová, Luděk Niedermayer, Ioan‑Rareş Bogdan</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Pedro Marques, Andrea Cozzolino, Maria Arena</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Barry Andrews, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Olivier Chastel, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Hannah Neumann, Pierrette Herzberger-Fofana</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Anna Fotyga, Karol Karski, Witold Jan Waszczykowski, Elżbieta Kruk, Adam Bielan, Assita Kanko, Jan Zahradil, Raffaele Fitto, Elżbieta Rafalska, Bogdan Rzońca, Ryszard Czarnecki, Valdemar Tomaševski, Eugen Jurzyca, Carlo Fidanza</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

<Depute>Marisa Matias</Depute>

<Commission>{The Left}f'isem il-Grupp The Left</Commission>

<Depute>Fabio Massimo Castaldo</Depute>

</RepeatBlock-By>

EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun

(2021/2983(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kamerun, b'mod partikolari dik tat-18 ta' April 2019[1],

 wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni fil-Kamerun tal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tal-5 ta' Novembru 2021 u r-rapport annwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2020 – Rapport tal-pajjiż: Kamerun tal-21 ta' Ġunju 2021,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("il-Ftehim ta' Cotonou"),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Kamerun irratifika fl-1993,

 wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kamerun,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-protesti inizjalment paċifiċi mħeġġa mill-Konsorzju tas-Soċjetà Ċivili Anglofona tal-Kamerun kontra l-emarġinazzjoni mill-gvern federali tar-reġjuni Anglofoni tal-Kamerun fl-2016 ġew imrażżna bi vjolenza estrema mill-awtoritajiet tal-istat, u dan kompla jkabbar l-appoġġ għas-separatiżmu u l-ħolqien ta' diversi milizzji separatisti li talbu stat ġdid, l-Ambażonja, u wassal għal kunflitt militari mdemmi;

B. billi d-djalogu huwa prerekwiżit għall-paċi, u l-gvern tal-President Paul Biya rrifjuta konsistentement taħditiet diretti ma' kwalunkwe mexxej separatista mir-reġjuni Anglofoni;

C. billi l-Kamerun qed jiffaċċja għadd ta' sfidi simultanji fil-livell politiku u tas-sigurtà, inkluż theddid minn Boko Haram fir-reġjun tat-Tramuntana Estrema tiegħu u ribelljoni separatista armata interna li ilha għaddejja kważi 5 snin fir-reġjuni Anglofoni tiegħu tal-Majjistral u tal-Lbiċ;

D. billi għalliema u avukati Anglofoni organizzaw strajkijiet u dimostrazzjonijiet fl-2016 fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ b'oppożizzjoni għall-impożizzjoni tas-sistema ġuridika Franċiża u l-lingwa Franċiża fil-qrati u fil-klassijiet tagħhom, li wasslet għall-kriżi; billi l-kunflitt armat, li ilu għaddej mill-2017, qatel eluf ta' nies u wassal għal kriżi umanitarja fuq skala kbira fir-reġjuni Anglofoni tal-Kamerun;

E. billi sal-lum, aktar minn 3 000 ċivili u mijiet ta' membri tal-forzi tas-sigurtà tilfu ħajjithom; billi l-kunflitt li għaddej fil-Kamerun wassal għall-ispostament intern ta' aktar minn 1 miljun ruħ; billi hemm aktar minn 2,2 miljun ruħ li jeħtieġu assistenza umanitarja u aktar minn 66 000 ruħ fittxew rifuġju fil-pajjiż ġar tan-Niġerja; billi l-Kamerun jospita aktar minn 447 000 rifuġjat u persuna li tfittex ażil; billi l-konsegwenzi ta' din il-kriżi qed jaffettwaw ir-reġjuni Littorali u tal-Punent tal-Kamerun;

F. billi l-istat tad-dritt mhuwiex qed jiġi rispettat mill-istat tal-Kamerun, u monitors indipendenti, inklużi Human Rights Watch u Amnesty International, preċedentement iddokumentaw proċedimenti ġudizzjarji militari mfixkla minn difetti sostantivi u proċedurali gravi, u li fihom il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal difiża xierqa, u l-indipendenza tal-proċedimenti u tal-ġudikatura inġenerali huma kollha kompromessi serjament;

G. billi l-ġlied bejn gruppi armati separatisti Anglofoni u forzi tas-sigurtà tal-gvern qed jiżdied fil-frekwenza u fil-gravità; billi l-għajnuna umanitarja ġiet imfixkla wkoll b'mod qawwi fir-reġjuni affettwati minħabba gruppi armati mhux statali u miżuri ta' lockdown, u minħabba f'hekk in-nies f'dawk ir-reġjuni qed iġarrbu insigurtà tal-ikel kbira ħafna filwaqt li għexieren ta' eluf ta' nies huma mċaħħda minn aċċess għal kura tas-saħħa vitali;  billi ngħataw ftit eċċezzjonijiet għall-miżuri ta' lockdown għal raġunijiet umanitarji u, b'riżultat ta' dan, l-iżborż għall-għajnuna ġie mfixkel b'mod sinifikanti; billi l-aġenziji tan-NU ġew sfurzati jissospendu l-attivitajiet umanitarji, minkejja l-vulnerabbiltajiet addizzjonali maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19;

H. billi ċ-ċivili qed iġorru l-akbar piż tal-vjolenza u l-kunflitt bejn il-forzi tal-gvern u l-forzi separatisti u jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi; billi kemm il-forzi tal-gvern kif ukoll dawk separatisti qed iwettqu kontinwament attakki ta' rappreżalja kontra xulxin, u qed jattakkaw intenzjonalment lil ċivili u partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni;

I. billi Felix Agbor Nkongho, avukat tad-drittijiet tal-bniedem, difensur prominenti tad-drittijiet tal-minoranza Anglofona u sostenitur ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi, irċieva theddid ta' mewt diversi drabi mill-gruppi separatisti armati; billi mhuwiex l-unika persuna li qed tiffaċċja attakki u fastidju;

J. billi, mill-elezzjonijiet tal-2018, it-tensjonijiet politiċi eskalaw f'diskors ta' mibegħda abbażi tal-etniċità jew l-opinjoni politika li, imbagħad, jiġi amplifikat permezz tal-pjattaformi tal-media soċjali;

K. billi l-forzi tal-gvern wettqu qtil ekstraġudizzjarju ta' ċivili, inklużi nisa u tfal, tortura u trattament ħażin, wettqu vjolenza sesswali, inklużi stupri, u vjolenza abbażi tal-ġeneru, qerdu proprjetà, inklużi rħula, djar, faċilitajiet tas-saħħa u sptarijiet, serqu oġġetti minn proprjetajiet, u arrestaw u żammu detenuti ċittadini b'mod arbitrarju u akkużawhom b'ostilitajiet jew kollaborazzjoni mas-separatisti;

L. billi fl-ewwel ħames xhur tal-2021, is-separatisti armati wettqu mill-inqas 27 attakk b'apparat splussiv improvviżat fi 13-il belt, aktar milli fis-snin preċedenti kollha tal-kriżi f'daqqa; billi stupraw, qatlu, ittorturaw, attakkaw b'mod vjolenti, heddew u ħatfu mijiet ta' persuni, inklużi nisa, ħaddiema umanitarji, għalliema u tfal, għall-preżunta kollaborazzjoni tagħhom mal-militar;

M. billi l-kunflitt kellu impatt sproporzjonat fuq it-tfal, u 700 000 student ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom għall-edukazzjoni minħabba bojkott sfurzat tal-iskejjel madwar ir-reġjuni Anglofoni; billi, minn Awwissu 2021, it-tfal fil-Kamerun jikkostitwixxu 28 % tas-superstiti kollha tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiffaċċjaw riskju akbar ta' reklutaġġ tat-tfal, tħaddim tat-tfal u abbuż tat-tfal, u ġie rrappurtat li aktar minn 50 % tat-tfal fil-pajjiż ġew abbużati; billi, skont il-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni, 38 % tan-nisa fil-Kamerun ta' bejn l-20 u l-24 sena kienu miżżewġin qabel l-età ta' 18-il sena u 13 % kienu miżżewġin qabel l-età ta' 15-il sena;

N. billi l-President Biya, b'reazzjoni għall-pressjoni internazzjonali, waqqaf kummissjoni ta' inkjesta dwar il-qtil fi Ngarbuh, li b'konsegwenza tagħha l-gvern ammetta li l-forzi tas-sigurtà tiegħu għandhom xi responsabbiltà u ħabbar l-arrest ta' individwi involuti; billi, madankollu, m'hemmx aktar informazzjoni disponibbli dwar il-kwistjoni;

O. billi ġie infurzat lockdown strett, inkluż l-għeluq ta' kważi l-iskejjel u ċ-ċentri ta' tagħlim kollha; billi twettqet vjolenza kontra individwi li rrifjutaw li josservaw il-lockdown, inklużi tfal u għalliema; billi ġew attakkati skejjel, universitajiet u sptarijiet, u b'hekk ġew aggravati u mtawla l-vjolazzjonijiet tad-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni u wasslu għaċ-ċaħda ta' servizzi tas-saħħa essenzjali;

P. billi t-tensjonijiet fil-pajjiż żdiedu mill-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018; billi, f'Settembru 2019, il-President Biya organizza djalogu nazzjonali bl-intenzjoni li jsolvi l-kunflitt bejn il-forzi armati u r-ribelli separatisti fir-reġjuni Anglofoni; billi sentejn wara, l-implimentazzjoni tal-miżuri ftit li xejn tat riżultati; billi diversi tentattivi fl-2020 u fl-2021 biex tissolva l-kriżi fil-Kamerun fallew;

Q. billi l-iffirmar tad-digrieti presidenzjali li jipprevedu t-trasferiment tal-kompetenzi u t-trasferiment gradwali tar-riżorsi umani u finanzjarji lill-awtoritajiet deċentralizzati għall-implimentazzjoni konkreta tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni għadu pendenti;

R. billi l-gvern qed ikompli jillimita l-libertajiet tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u sar dejjem aktar intolleranti għad-dissens politiku; billi mijiet ta' membri u partitarji tal-partiti tal-oppożizzjoni ġew arrestati wara dimostrazzjonijiet li appellaw għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi fir-reġjuni Anglofoni; billi qed jitpoġġew b'mod persistenti restrizzjonijiet fuq l-avversarji politiċi, id-dimostranti, il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili;

S. billi l-kodiċi penali tal-Kamerun jikkastiga r-relazzjonijiet sesswali bejn il-persuni tal-istess sess b'piena sa massimu ta' ħames snin priġunerija; billi fis-snin u x-xhur riċenti ġew irrappurtati bosta każijiet ta' arrest u fastidju ta' persuni LGBTIQ;

T. billi l-Kamerun qed jiffaċċja theddid addizzjonali minn Boko Haram u mill-Istat Iżlamiku fil-Provinċja tal-Afrika tal-Punent (ISWAP) fir-reġjun tat-Tramuntana Estrema; billi l-attakki mill-grupp armat Iżlamista Boko Haram inkludew qtil, ħtif, serq u qerda ta' proprjetà ta' kuljum, atti li jikkostitwixxu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi attakki bħal dawn involvew ukoll kamikażi tfal u suldati tfal; billi, minn Diċembru 2020, mill-inqas 80 ċivili nqatlu minn Boko Haram, u aktar minn 340 000 ruħ ġew spostati internament minn Awwissu 2021; billi l-mewt preżunta ta' Abubakar Shekau, il-mexxej ta' Boko Haram, f'konfrontazzjoni fin-Niġerja mal-fazzjoni seċessjonista tal-ISWAP għenet biex tikkonsolida s-setgħa tal-ISWAP u żiedet in-nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun tat-Tramuntana Estrema tal-Kamerun; billi l-forzi tal-gvern mhumiex kapaċi jipproteġu l-popolazzjoni affettwata b'mod effettiv;

1. Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun; jenfasizza d-dritt taċ-ċittadini għal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni; jappella għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Kamerun jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrispetta l-obbligi tiegħu li jipproteġi dawn id-drittijiet;

2. Iħeġġeġ kemm lill-Gvern tal-Kamerun kif ukoll lill-mexxejja politiċi u militari tal-gruppi separatisti biex jaqblu dwar waqfien mill-ġlied umanitarju u jħeġġeġ lill-partijiet fil-kunflitt biex jaqblu dwar miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, bħall-ħelsien ta' priġunieri politiċi mhux vjolenti u t-tneħħija ta' bojkotts tal-iskejjel; iħeġġeġ lill-gvern tal-President Biya u lis-separatisti Anglofoni biex immedjatament jerġgħu jibdew it-taħditiet ta' paċi; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, speċjalment l-Unjoni Afrikana, l-istati tal-Afrika Ċentrali u l-UE, biex jgħinu jiffaċilitaw id-djalogu billi joffru li jwettqu r-rwol ta' medjazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni reġjonali u jħeġġeġ lill-gvern jaħdem mill-qrib mal-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali; jiddeplora n-nuqqas u r-riluttanza taż-żewġ partijiet fil-kunflitt li jinvolvu ruħhom f'taħditiet ta' paċi tassew sinifikanti biex isolvu l-kunflitt; huwa konvint li d-djalogu politiku, imwettaq fi spirtu ta' kompromess, parteċipazzjoni politika effettiva u inklużjoni, inkluż dak tal-partijiet interessati rilevanti kollha, huwa l-unika triq 'il quddiem biex tintlaħaq paċi dejjiema; jistieden kemm lill-Gvern tal-Kamerun kif ukoll lill-mexxejja tal-gruppi separatisti biex jagħmlu użu mill-offerti ta' medjazzjoni eżistenti pprovduti minn partijiet terzi għal negozjati immedjati u diretti;

3. Jikkundanna l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-partijiet fil-kunflitt armat u jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra l-impunità; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jiżguraw investigazzjonijiet indipendenti, effikaċi, trasparenti u imparzjali, kif ukoll il-prosekuzzjoni tal-vjolazzjonijiet u l-abbużi serji kemm minn atturi statali kif ukoll minn atturi mhux statali, f'konformità mad-dritt u l-istandards internazzjonali, u jitlob li dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja fi proċess ġust, sabiex tintemm l-impunità u tiġi żgurata l-indipendenza ġudizzjarja, li huma komponenti ewlenin tal-istat tad-dritt u l-pedament ta' stat demokratiku li jiffunzjona;

4. Jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jiffirma u jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE tuża l-influwenza kollha politika prevista mill-għajnuna għall-iżvilupp tagħha u minn programmi bilaterali oħra biex issaħħaħ id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun;

5. Jopponi l-użu ta' qrati militari biex jipproċessa liċ-ċivili; ifakkar fl-obbligi internazzjonali b'rabta ma' proċess ġust, li l-Kamerun huwa marbut bihom, ifakkar lill-Kamerun fl-obbligu tiegħu li jirrispetta d-dritt taċ-ċittadini kollha għal proċess ġust quddiem qrati tal-liġi indipendenti, u jfakkar li l-qrati militari m'għandux ikollhom ġurisdizzjoni fuq il-popolazzjoni ċivili;

6. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jtemmu l-prattika li jressqu lin-nies quddiem tribunali militari, b'riżultati determinati minn qabel u l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt, li hija illegali skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-piena tal-mewt ilha ma tintuża fil-Kamerun mill-1997, li huwa pass importanti fit-triq tal-pajjiż lejn abolizzjoni sħiħa; itenni l-oppożizzjoni tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jiżgura l-abolizzjoni tagħha; jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mmirat lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-qrati jastjenu milli joħorġu sentenzi bħal dawn u biex jikkonfermaw li mhux se jitolbu l-piena tal-mewt;

7. Jiddeplora l-użu tal-vjolenza, b'mod partikolari kontra t-tfal, u huwa partikolarment imħasseb dwar l-impatt tal-kriżi fuq it-tfal; jistieden liż-żewġ naħat tal-kunflitt jieqfu jimmiraw intenzjonalment lejn iċ-ċivili u jħeġġeġ lis-separatisti jwaqqfu minnufih l-attakki kontra l-iskejjel u jtemmu, b'effett immedjat, il-bojkotts sfurzati kollha fuq l-edukazzjoni biex jippermettu r-ritorn sikur lejn l-iskola tal-istudenti u l-għalliema kollha;

8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jipproteġu lin-nisa kollha fil-pajjiż, speċjalment fiż-żoni ta' kunflitt, u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa billi jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika; jitlob l-iżvilupp ta' azzjonijiet speċifiċi tal-UE biex jissaħħu d-drittijiet ta' gruppi differenti ta' nisa, b'enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ, il-migranti, in-nisa li jgħixu bl-HIV, il-persuni LGBTQI u l-persuni b'diżabilità;

9. Jemmen li l-proċess ta' deċentralizzazzjoni, meqjus bħala sistema ta' governanza ekonomika, soċjali u politika, huwa strument ewlieni biex iwieġeb għall-isfidi multipli tal-iżvilupp, b'mod partikolari permezz ta' responsabbiltà mtejba tal-politiċi lokali u l-amministrazzjonijiet lokali vis-à-vis iċ-ċittadini impenjati; jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-proċess;

10. Jikkundanna l-użu eċċessiv u l-abbuż tal-forza kontra l-avversarji politiċi u d-dimostranti paċifiċi; jiddeplora l-użu ta' miżuri ta' lockdown, bħal curfews jew il-projbizzjoni ta' laqgħat pubbliċi, implimentati bil-pretest tal-pandemija tal-COVID-19 sabiex jiġu ristretti l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tad-dritt għal assemblea paċifika; jesprimi tħassib dwar l-istatus tal-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa fil-Kamerun; jiddeplora l-arrest arbitrarju u l-fastidju ta' ġurnalisti u politiċi tal-oppożizzjoni u t-trażżin tad-dissens politiku; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-avversarji politiċi, lid-dimostranti u liċ-ċittadini l-oħra kollha li ġew arrestati u detenuti b'mod arbitrarju għal skopijiet politiċi biss; jikkundanna l-vjolazzjonijiet tal-libertajiet fundamentali;

11. Jistieden lill-pjattaformi tal-midja soċjali jaħdmu mal-gvern, mal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili biex jiżguraw li l-paġni tagħhom jiġu vverifikati u li jiġu imposti limiti fuq kontenut xewwiexi, diskors ta' mibegħda u miżinformazzjoni minħabba li dawn ikomplu jfarrku r-relazzjonijiet interkomunali;

12. Jiddeplora l-fatt li aktar minn 40 000 persuna ġew imċaħħda mill-assistenza alimentari minħabba nuqqas ta' sigurtà u imblukkar fit-toroq fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ, kif ukoll l-attakki reċenti fuq il-faċilitajiet tas-saħħa u l-ħaddiema tas-saħħa, u l-fatt li l-attivitajiet umanitarji ġew ipprojbiti taħt il-lockdown; jikkundanna l-imblukkar tal-għajnuna umanitarja u l-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji, inklużi l-ħtif, il-fastidju u l-qtil tagħhom fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ tal-Kamerun, u jikkundanna bl-istess mod l-intimidazzjoni dejjem tikber ta' osservaturi indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, li l-ħidma tagħhom hija aktar importanti minn qatt qabel fil-kuntest ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha fil-kunflitt; jinsisti li l-partijiet kollha fil-kunflitt jipprovdu immedjatament aċċess umanitarju mingħajr xkiel; jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jiżgura li l-għajnuna umanitarja tilħaq lir-reġjuni fi kriżi;

13. Jistieden lin-NU u lill-UE jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni umanitarja u jivvalutaw il-ħtiġijiet; jitlob appoġġ umanitarju urġenti mill-komunità internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jirrispondu b'mod effettiv u jissodisfaw il-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni kif xieraq; iqis li missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-Kamerun tkun xierqa biex tiddetermina sa liema punt id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali ġew vjolati u minn min;

14. Jikkundanna l-azzjonijiet terroristiċi mill-Boko Haram fil-Kamerun; jirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Kamerun fil-ġlieda kontra l-grupp; jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġja l-isforzi kollha fil-ġlieda kontra l-grupp armat Iżlamista; jinsisti li t-terroriżmu jista' jiġi miġġieled b'mod effiċjenti biss jekk nindirizzaw il-kawżi u l-problemi speċifiċi relatati mal-inugwaljanza;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kamerun u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Konġunta AKP-UE.

 

 

[1] ĠU C 158, 30.4.2021, p. 7.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Novembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza