Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0554/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0554/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja

24.11.2021 - (2021/2981(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0554/2021 (The Left)
B9-0559/2021 (Verts/ALE)
B9-0565/2021 (S&D)
B9-0568/2021 (PPE)
B9-0570/2021 (Renew)
B9-0572/2021 (ECR)

Michael Gahler, Janina Ochojska, Isabel Wiseler-Lima, David McAllister, Antonio López-Istúriz White, Miriam Lexmann, Tomáš Zdechovský, Inese Vaidere, Christian Sagartz, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Peter Pollák, José Manuel Fernandes, Adam Jarubas, Tom Vandenkendelaere, David Lega, Krzysztof Hetman, Stanislav Polčák, Loránt Vincze, Ivan Štefanec, Lefteris Christoforou, Andrey Kovatchev, Vladimír Bilčík, Seán Kelly, Michaela Šojdrová, Luděk Niedermayer, Ioan-Rareş Bogdan
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Andrea Cozzolino
f'isem il-Grupp S&D
Jan-Christoph Oetjen, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Olivier Chastel, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Hannah Neumann, Alviina Alametsä
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Karol Karski, Elżbieta Kruk, Adam Bielan, Jan Zahradil, Raffaele Fitto, Elżbieta Rafalska, Assita Kanko, Bogdan Rzońca, Ryszard Czarnecki, Witold Jan Waszczykowski, Carlo Fidanza, Eugen Jurzyca, Veronika Vrecionová, Valdemar Tomaševski
f'isem il-Grupp ECR
Emmanuel Maurel
f'isem il-Grupp The LeftFabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2021/2981(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0554/2021
Testi mressqa :
RC-B9-0554/2021
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja

(2021/2981(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Somalja,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza ta' Persuni Spostati Internament (IDPs) fl-Afrika,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

 wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali UE-Somalja għar-Repubblika Federali tas-Somalja 2014-2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) tat-8 ta' Novembru 2017 li biha ħabbret l-intenzjoni tagħha li f'Diċembru 2017 tibda gradwalment tirtira t-truppi mis-Somalja, bil-ħsieb li tirtirahom kompletament sal-2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Josep Borrell tat-18 ta' Settembru 2021 dwar is-sitwazzjoni politika fis-Somalja,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2568 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Marzu 2021 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Somalja qed tkompli tiddeterjora, b'diversi kriżijiet, inklużi l-instabbiltà politika, l-attivitajiet terroristiċi, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, in-nixfa, il-kriżi klimatika u l-COVID-19, li jheddu l-istabbiltà, il-benesseri tal-bniedem u l-għajxien, u jikkawżaw spostament fuq skala kbira madwar il-pajjiż u r-reġjun;

B. billi l-aġenziji internazzjonali tal-għajnuna wissew li s-Somalja tinsab f'xifer katastrofi umanitarja b'madwar 5,9 miljun ruħ fi bżonn ta' assistenza umanitarja u aktar minn 2,7 miljun ruħ jiffaċċjaw livelli ta' emerġenza ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel madwar il-pajjiż, inklużi aktar minn 800 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin f'riskju ta' malnutrizzjoni akuta; billi 2 miljun ruħ qed iħabbtu wiċċhom ma' skarsezzi kbar tal-ilma; billi n-NU ddikjaraw li s-Somalja qed tiffaċċja l-agħar nuqqas ta' finanzjament f'sitt snin; billi s-sħab umanitarji jistmaw li 7,7 miljun Somalu se jeħtieġu assistenza umanitarja fl-2022, u madwar 1,2 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin x'aktarx li jkunu malnutriti b'mod akut fl-2022 jekk il-kura ma tingħatax immedjatament;

C. billi s-Somalja ma kinitx kapaċi tirreaġixxi għall-pandemija tal-COVID-19 minħabba n-nuqqas ta' sistema tal-kura tas-saħħa li tiffunzjona, in-nuqqas ta' ventilaturi, provvisti farmaċewtiċi u persunal; billi s-Somalja, bħal ħafna pajjiżi Afrikani, ma setgħetx tlaqqam il-popolazzjoni tagħha minħabba nuqqas ta' disponibbiltà ta' vaċċini, b'madwar 3 % biss tal-popolazzjoni tagħha kompletament imlaqqma;

D. billi s-settur tal-edukazzjoni ntlaqat b'mod qawwi ħafna mill-pandemija tal-COVID-19, b'ħafna tfal, inklużi dawk li jgħixu fis-siti tal-IDP b'mod partikolari, li ma jistgħux ikomplu l-edukazzjoni formali tagħhom b'riżultat ta' ċirkostanzi bħall-ġenituri tagħhom li tilfu l-għajxien tagħhom u sorsi effettivi ta' introjtu;

E. billi l-gruppi ribelli għadhom l-akbar sors ta' nuqqas ta' sigurtà fil-pajjiż, iwettqu attakki indiskriminati fuq Somali, u huma involuti fil-ħtif ta' persuni u r-reklutaġġ furzat ta' tfal għal kunflitt armat; billi madwar 1 000 ċivili nqatlu jew indarbu f'kunflitt armat sa issa fl-2021, b'al-Shabaab responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-vittmi ċivili; billi l-militanti intensifikaw l-attakki tagħhom u kellhom fil-mira l-qtil ta' uffiċjali tal-gvern f'tentattiv biex ifixklu l-proċess elettorali tal-2021;

F. billi l-gruppi vulnerabbli għadhom il-miri ewlenin tal-abbużi u l-vjolenza, inklużi n-nisa, it-tfal, l-anzjani, l-IDPs, l-LGBTQ u minoranzi oħra; billi l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, kif ukoll il-vjolenza relatata mal-kunflitti, għadhom iseħħu fuq skala kbira b'impunità, b'mod partikolari fiż-żoni ta' kunflitt;

G. billi, skont ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-2021 dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati, komplew isiru abbużi gravi kontra t-tfal fis-Somalja, b'mill-inqas 1 087 tifel u tifla maqtula u mutilati fl-2020; billi al-Shabaab huwa r-reklutatur ewlieni tat-tfal, filwaqt li al-Shabaab, il-forzi tas-sigurtà tal-gvern, il-forzi tas-sigurtà reġjonali u l-milizzji tal-klan flimkien irreklutaw 1 716 tifel u tifla s-sena li għaddiet;

H. billi f'Awwissu 2020, il-Parlament f'Mogadishu ressaq Abbozz ta' Liġi ġdid dwar id-Delitti Relatati mal-Konġunġimenti Karnali li jippermetti ż-żwieġ tat-tfal billi jiddefinixxi tifel jew tifla abbażi tal-maturità fiżika aktar milli l-età, u jinkludi protezzjonijiet proċedurali dgħajfa għas-superstiti; billi l-Abbozz ta' Liġi l-ġdid dwar id-Delitti Relatati mal-Konġunġimenti Karnali jikser l-obbligi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

I. billi l-libertà tal-espressjoni għadha severament ristretta, bil-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu mhedda, detenuti arbitrarjament u mċaħħda proċess ġust u garanziji ta' proċess ġust; billi l-mezzi tal-media ngħalqu mill-awtoritajiet fil-livell reġjonali u federali; billi l-awtoritajiet rari jinvestigaw każijiet ta' qtil jew attakki fuq ġurnalisti jew iħarrku lit-trasgressuri;

J. billi qabel il-proċess elettorali, il-forzi tas-sigurtà u l-awtoritajiet reġjonali tal-Gvern Federali tas-Somalja, b'mod partikolari f'Puntland, kif ukoll al-Shabaab, eskalaw l-attakki fuq il-ġurnalisti permezz ta' intimidazzjoni, fastidju u arresti arbitrarji; billi media indipendenti hija komponent essenzjali ta' proċess elettorali ġust; billi bosta ġurnalisti nqatlu illegalment matul l-2021, inkluż il-ġurnalist veteran Abdiaziz Mohamud Guled, Direttur ta' Radju Mogadishu, li nqatel minn al-Shabaab f'Mogadishu fl-20 ta' Novembru 2021;

K. billi huwa stmat li 2,9 miljuni Somali huma spostati internament; billi minn Awwissu sa Ottubru 2021 55 000 persuna ġew imġiegħla jaħarbu minn djarhom, bi 80 % minnhom jaħarbu b'riżultat ta' kunflitt u 20 % minħabba avvenimenti relatati mal-klima; billi hemm diversi kampijiet tar-rifuġjati fil-Kenja u ilhom jilqgħu r-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil mis-Somalja sa mill-gwerra ċivili fis-Somalja fl-1991, inklużi l-kampijiet ta' Kakuma u Dadaab b'madwar 520 000 rifuġjat u applikant għall-asil irreġistrati; billi l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kampijiet mhumiex sikuri, bin-nisa, it-tfal u l-persuni LGBTQ b'mod partikolari jiffaċċjaw abbuż u vjolenza rikorrenti; billi, fid-29 ta' April 2021, il-UNHCR u l-Gvern tal-Kenja qablu dwar pjan direzzjonali għal għeluq aktar tard tal-kampijiet ta' Kukuma u Dadaab sat-30 ta' Ġunju 2022;

L. billi s-Somalja għadha wieħed mill-aktar pajjiżi Afrikani perikolużi għat-trejdjunjonisti, li huma sistematikament soġġetti għal vjolenza u intimidazzjoni; billi l-ħaddiema Somali huma kontinwament imċaħħda mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol tagħhom, u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tagħhom huma regolarment ipperikolati u huma mħallsa ħażin, inkluż minn kuntratturi barranin;

M. billi l-proċess elettorali oriġinarjament kellu jitlesta f'Ottubru 2021 bl-elezzjonijiet presidenzjali; billi, madankollu, il-proċess elettorali ġie mwaqqaf kontinwament, wara dewmien mill-Istati Membri Federali fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tal-membri taż-żewġ kmamar tal-Parlament Federali tas-Somalja, li min-naħa tagħhom jeleġġu l-President tas-Somalja; billi aktar ma l-proċess elettorali jiddewwem, aktar se jkun hemm devjazzjoni tar-riżorsi mill-prijoritajiet nazzjonali importanti, bħar-rispons għall-emerġenzi umanitarji;

N. billi d-delegati tal-klan huma mistennija li jaħtru total ta' 275 Membru Parlamentari fil-Kamra Inferjuri, filwaqt li l-ħames leġiżlaturi tal-istat tas-Somalja diġà eleġġew is-senaturi kollha għall-Kamra Superjuri, jiġifieri 54; billi l-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jlestu l-elezzjonijiet tal-Kamra Inferjuri sal-24 ta' Diċembru 2021; billi t-tlestija kredibbli tal-proċessi elettorali se tkun kruċjali biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-iżvilupp fit-tul tas-Somalja;

O. billi 26 % ta' dawk eletti fil-Kamra Superjuri huma nisa, ħaġa li tirrappreżenta żvilupp pożittiv fit-triq tas-Somalja lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi jridu jsiru aktar sforzi biex tintlaħaq il-kwota miftiehma ta' 30 % għall-Kamra Inferjuri u biex tinkiseb l-inklużjoni sħiħa tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi tas-Somalja;

P. billi l-indħil barrani fil-proċessi politiċi interni u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet xekklu l-konklużjoni f'waqtha tagħhom; billi fil-15 ta' Novembru 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2607 (2021), li ġġedded l-embargo fuq l-armi fuq is-Somalja;

Q. billi l-mandat tan-NU tal-AMISOM se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021; billi l-Gvern Federali tas-Somalja u l-Unjoni Afrikana (UA) ma kinux kapaċi jaqblu dwar konfigurazzjoni ġdida ta' missjoni mmexxija mill-UA, kif previst fir-Riżoluzzjoni 2568 (2021) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

R. billi f'Diċembru 2020, il-Kunsill estenda l-mandati taż-żewġ missjonijiet tiegħu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) fis-Somalja, il-Missjoni tal-UE ta' Bini tal-Kapaċità (EUCAP) fis-Somalja u l-Missjoni tal-UE ta' Taħriġ (EUTM) fis-Somalja, kif ukoll dik tal-Operazzjoni ATALANTA, sal-31 ta' Diċembru 2022;

S. billi fil-5 ta' Novembru 2021, is-Somalja ddikjarat lill-mibgħut tal-UA Simon Mulongo persona non grata u ordnatlu jitlaq mill-pajjiż fi żmien sebat ijiem, filwaqt li akkużatu b'involviment f'attivitajiet li kienu inkompatibbli mal-mandat tal-AMISOM;

T. billi l-UE impenjat EUR 286 miljun għas-Somalja taħt il-Programm Indikattiv Nazzjonali fil-perjodu 2014-2020, b'enfasi fuq l-appoġġ tal-istat tad-dritt, is-sigurtà, is-sigurtà tal-ikel u l-edukazzjoni; billi fl-2021, l-UE allokat EUR 45,3 miljun f'finanzjament għal proġetti umanitarji fis-Somalja, inklużi EUR 2,8 miljun b'appoġġ għall-introduzzjoni nazzjonali tat-tilqim kontra l-COVID-19, filwaqt li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien jipprovdu aktar minn 35 % tal-għajnuna umanitarja kollha fis-Somalja;

1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi umanitarja li qed tiddeterjora fis-Somalja; jikkundanna l-ksur u l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki indiskriminati diretti kontra persuni ċivili, ħaddiema umanitarji, ġurnalisti, uffiċjali elettorali u l-AMISOM li qed jitwettqu minn gruppi terroristiċi, b'mod partikolari Al-Shabaab; jistieden lill-partijiet kollha involuti fid-diversi kunflitti fis-Somalja jwaqqfu minnufih l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jieħdu passi konkreti biex iressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti; jitlob bil-qawwa li jitwaqqfu l-ostilitajiet u, kull meta jkun possibbli, li jsir djalogu komprensiv biex jiġu indirizzati d-differenzi politiċi;

2. Ifakkar li l-istabilità u l-paċi dejjiema fis-Somalja jistgħu jinkisbu biss permezz tal-inklużjoni soċjali u l-governanza tajba bbażati fuq il-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jistieden, għalhekk, lill-mexxejja tas-Somalja iżidu l-isforzi favur it-tlestija għalkollox tal-proċess elettorali tal-pajjiż u jlestu l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet inklużivi u kredibbli għall-Kamra Inferjuri qabel tmiem l-2021, ħalli mbagħad l-elezzjonijiet presidenzjali jkunu jistgħu jsiru mill-aktar fis possibbli; jissottolinja li l-proċess elettorali jrid jipproċedi b'mod paċifiku, f'konformità mal-iskeda miftiehma preċedentement tas-27 ta' Mejju 2021; jistieden ukoll lill-mexxejja tas-Somalja juru rażna u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' teskala t-tensjonijiet politiċi jew il-vjolenza, sabiex jistabbilixxu l-istabilità u jċaħħdu lil al-Shabaab mill-opportunità li jiksbu influwenza politika; jitlob ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali matul il-perjodu tal-kampanja u dak elettorali, inkluż id-dritt tal-għaqda paċifika, u l-libertà tal-moviment, tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni; jikkundanna kull użu eċċessiv tal-forza mill-forzi tal-gvern kontra l-oppożizzjoni politika jew kontra d-dimostranti; iwissi kontra kwalunkwe inizjattiva ulterjuri li twassal biex mandati preċedenti jiġu estiżi mingħajr appoġġ wiesa' mill-partijiet ikkonċernati Somali u jopponi kwalunkwe proċess parallel jew elezzjoni parzjali;

3. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-sħab internazzjonali jżidu b'mod urġenti l-assistenza umanitarja f'konformità mar-rekwiżiti u jipprovdu assistenza addizzjonali għar-reazzjoni għall-COVID-19, b'mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tat-tilqim u l-forniment ta' provvisti mediċi u prodotti farmaċewtiċi essenzjali; jissottolinja li l-komunità internazzjonali għandha tgħin biex isir dak kollu li hemm bżonn biex il-pandemija tal-COVID-19 tiġi mrażżna fis-Somalja u fir-reġjun, inkluż permezz ta' distribuzzjoni akbar tat-tilqim u billi tingħata spinta lill-kapaċità tal-manifattura tat-tilqim;

4. Jistieden lill-awtoritajiet Somali jwaqqfu l-arresti arbitrarji kollha u jeħilsu lill-persuni kollha li qed jiġu soġġetti għal detenzjoni illegali u mhux ġustifikabbli, jiġġieldu kontra l-atti ta' fastidju u intimidazzjoni ta' ċivili mill-forzi tas-sigurtà, il-politiċi u l-awtoritajiet lokali, u jiżguraw li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom; jinsisti li l-awtoritajiet iwaqqfu l-eżekuzzjonijiet ordnati mill-qrati militari, jadottaw moratorju u jabolixxu l-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Somalja jsaħħaħ l-istat tad-dritt u jistabbilixxi sistema ġudizzjarja indipendenti u imparzjali, u jiżgura r-reparazzjonijiet għall-vittmi ta' vjolenza extraġudizzjarja u eċċessiva; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Somali jadottaw malajr il-politika tal-protezzjoni taċ-ċivili u l-abbozz ta' liġi nazzjonali kontra t-terroriżmu, u jiżguraw il-konformità sħiħa tagħhom man-normi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

5. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd ta' rifuġjati u persuni spostati internament (IDPs) fis-Somalja u l-benesseri tagħhom; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jimpenjaw ruħhom mal-Gvern Federali tas-Somalja biex jipprovdu protezzjoni, assistenza u soluzzjonijiet dejjiema f'konformità mal-obbligi internazzjonali; jilqa' r-ratifika mill-Gvern Federali tas-Somalja tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza għal Persuni Spostati Internament fl-Afrika, u jistieden lill-Kummissjoni tassisti lis-Somalja fl-iżvilupp ta' oqfsa legali nazzjonali u fl-iżgurar tas-sikurezza tal-persuni spostati internament (IDPs) u tar-rifuġjati, b'attenzjoni partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-persuni li jappartjenu lill-gruppi minoritarji, li l-aktar li jinsabu f'riskju ta' vjolenza, abbuż u ksur;

6. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara soċjali u ekonomika kkawżata mit-tibdil fil-klima, inklużi avvenimenti estremi tat-temp u l-pesta tal-ġradijiet; jilqa' l-impenji tas-Somalja fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26) tal-2021 għal Tranżizzjoni Ġusta bbażata fuq id-djalogu soċjali u l-prijoritizzazzjoni tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet tal-enerġija tas-Somalja; jitlob azzjoni urġenti u l-implimentazzjoni xierqa ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tad-diżastri relatati mal-klima, bħall-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kriżi tal-Ġradijiet tad-Deżert tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO);

7. Jiddeplora l-attakki mwettqa minn gruppi terroristiċi fuq il-ħaddiema umanitarji, il-qerda tal-infrastruttura u d-devjazzjoni tal-għajnuna; ifakkar li skont id-dritt internazzjonali għandu jiġi garantit aċċess mingħajr xkiel biex l-assistenza umanitarja titwassal f'waqtha lill-persuni li jinsabu fil-bżonn fis-Somalja kollha;

8. Jirrikonoxxi r-rwol li qdiet l-AMISOM fl-istabbiliment tas-sigurtà quddiem it-theddida ppreżentata minn al-Shabaab u minn gruppi armati tal-oppożizzjoni; jesprimi appoġġ għall-Pjan ta' Tranżizzjoni għas-Somalja rigward l-operazzjonijiet tal-AMISOM, u jappella għall-implimentazzjoni f'waqtha tiegħu; jistieden lill-partijiet ikkonċernati ewlenin tas-sigurtà Somali jilħqu ftehim dwar l-objettivi strateġiċi, id-daqs u l-kompożizzjoni ta' AMISOM futura mfassla biex tappoġġja t-tranżizzjoni tas-sigurtà fis-Somalja, sabiex isir progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Tranżizzjoni għas-Somalja; jitlob li tissaħħaħ l-arkitettura tas-sigurtà nazzjonali sabiex tiġi protetta l-popolazzjoni; jistieden lill-Gvern Federali tas-Somalja, lill-AMISOM u lill-forzi alleati jiżguraw li l-kampanji militari tagħhom kontra al-Shabaab jitwettqu b'aderenza stretta mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

9. Jissottolinja li l-awtoritajiet Somali għandu jkollhom ir-responsabbiltà primarja li jiżguraw is-sigurtà f'pajjiżhom, iżda għadhom mhumiex f'pożizzjoni li jagħmlu dan fil-ġlieda kontra al-Shabaab u l-gruppi armati tal-oppożizzjoni; ifakkar fl-importanza, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2568 (2021) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jiġi żviluppat b'mod urġenti pjan ta' kif tkun tidher preżenza tal-UA rikonfigurata wara l-2021; ifakkar, f'dan il-kuntest, fir-responsabbiltà primarja tan-NU, tal-UA u tal-Gvern Federali tas-Somalja fl-iżvilupp ta' tali pjan, appoġġjat mis-sħab internazzjonali;

10. Iħeġġeġ lill-atturi barranin kollha biex ma jipperikolawx l-isforzi li għaddejjin fil-bini tal-istat u fil-konsolidazzjoni tal-paċi, filwaqt li jippromwovu l-istabilità u, fl-istess ħin, jippreservaw l-unità tal-pajjiż; ifakkar lill-partijiet kollha fl-embargo li għadu għaddej fuq l-armi adottat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Somalja;

11. Jilqa' ż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fl-elezzjonijiet parlamentari, filwaqt li jinnota li għad hemm bżonn ta' rappreżentanza akbar; jenfasizza r-rwol importanti li in-nisa jaqdu fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-konsolidazzjoni tal-paċi; jitlob li jkun hemm il-parteċipazzjoni u l-involviment sħaħ, ugwali u sinifikattivi tan-nisa fil-livelli kollha f'konformità mal-Karta tan-Nisa Somali;

12. Jikkundanna l-vjolenza sesswali u sessista li għaddejja kontra n-nisa u l-bniet fis-Somalja, u jappella għal sforzi nazzjonali kontinwi u miftiehma biex tiġi miġġielda l-vjolenza sesswali u sessista, inkluża t-traspożizzjoni effettiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, li s-Somalja rratifikat, ir-ratifika tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni progressiva kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili kemm fil-livell ta' Stat kif ukoll f'dak Federali; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Somalja jieħu miżuri konkreti biex jipprevjeni l-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal;

13. Jistieden lill-awtoritajiet Somali jirrevokaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi emendata tal-2020 dwar il-media li tillimita severament il-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni, u li ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni;

14. Jiddeplora l-attakki li saru dan l-aħħar fuq ġurnalisti u persunal tal-media li għandhom rwol leġittimu x'jaqdu fil-bini tal-istat u fil-proċess elettorali, u li għandhom ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr biża' jew intimidazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Somali jwettqu u jikkonkludu investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalisti kollha matul l-2021, inkluż dak ta' Jamal Farah Adan, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

15. Iħeġġeġ lill-Gvern Federali tas-Somalja u lill-Istati Membri Federali tiegħu jiddikjaraw, mingħajr dewmien, moratorju fuq l-arrest u l-priġunerija tal-ġurnalisti waqt il-qadi tad-dmirijiet ġurnalistiċi tagħhom, kif propost minn Reporters Without Borders u l-Unjoni Nazzjonali tal-Ġurnalisti Somali, u jtemmu l-użu kontinwu tal-kodiċi kriminali antik u antikwat tas-Somalja biex jikkastigaw lill-ġurnalisti u jrażżnu l-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni;

16. Jistieden lill-Gvern Federali tas-Somalja, lill-Istati Membri Federali tiegħu u lill-komunità internazzjonali jiżguraw li l-kumpaniji barranin jew multinazzjonali li joperaw fis-Somalja jirrispettaw, jiddefendu u japplikaw bis-sħiħ it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti legali oħra, inklużi l-kostituzzjoni proviżorja u l-liġijiet tas-Somalja, kif ukoll il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO; jissottolinja l-ħtieġa li jitqiegħdu fil-mira l-finanzi ta' al-Shabaab u li tiġi pprevenuta l-ġenerazzjoni illeċita ta' dħul, inkluż minn materja prima;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tas-Somalja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Novembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza