MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, b'mod partikolari l-Grupp Wagner
24.11.2021 - (2021/2982(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0560/2021 (Verts/ALE)
B9-0561/2021 (S&D)
B9-0562/2021 (PPE)
B9-0563/2021 (Renew)
B9-0567/2021 (ECR)
Michael Gahler, Andrius Kubilius, Isabel Wiseler-Lima, David McAllister, Rasa Juknevičienė, Antonio López-Istúriz White, Miriam Lexmann, Tomáš Zdechovský, Inese Vaidere, Christian Sagartz, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Peter Pollák, José Manuel Fernandes, Adam Jarubas, Tom Vandenkendelaere, Janina Ochojska, David Lega, Krzysztof Hetman, Stanislav Polčák, Ivan Štefanec, Andrey Kovatchev, Vladimír Bilčík, Radosław Sikorski, Andrzej Halicki, Michaela Šojdrová, Luděk Niedermayer
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Andrea Cozzolino, Sven Mikser
f'isem il-Grupp S&D
Nathalie Loiseau, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Bernard Guetta, Irena Joveva, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Viola Von Cramon-Taubadel, Hannah Neumann
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Jacek Saryusz-Wolski, Veronika Vrecionová, Charlie Weimers, Elżbieta Kruk, Ryszard Czarnecki, Bogdan Rzońca, Alexandr Vondra, Assita Kanko, Raffaele Fitto, Elżbieta Rafalska, Witold Jan Waszczykowski, Adam Bielan, Carlo Fidanza
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, b'mod partikolari l-Grupp Wagner
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati[1], ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika[2], ir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja[3], u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar is-Somalja[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem)[5],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli anċillari tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1977 tal-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana għall-Eliminazzjoni tal-Merċenjariżmu fl-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1989 Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Montreux dwar obbligi legali internazzjonali pertinenti u prattiki tajba għall-Istati relatati mal-operazzjonijiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati matul konflitt armat tas-17 ta' Settembru 2008 (id-Dokument ta' Montreux),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Ottubru 2021 tal-Missjoni Indipendenti ta' Ġbir ta' Informazzjoni dwar il-Libja stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-esperti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-31 ta' Marzu 2021 dwar il-ħarrieġa Russi u tas-27 ta' Ottubru 2021 dwar il-Grupp Wagner fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Internazzjonali ta' Pariġi għal-Libja tat-12 ta' Novembru 2021,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Użu ta' Servizzi ta' Sigurtà Armati minn Kumpaniji ta' Sigurtà Privati,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-rapporti, l-istqarrijiet għall-istampa u l-ittri ta' allegazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji bħala mezz li jikser id-drittijiet tal-bniedem u jimpedixxi l-eżerċizzju tad-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni (Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji) b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Marzu 2021 u tas-27 ta' Ottubru 2021,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-25 ta' Ġunju 2021 tal-Bord ta' Esperti dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, estiża skont ir-Riżoluzzjoni 2536 (2020) indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ biex jelabora l-kontenut ta' qafas regolatorju internazzjonali, mingħajr preġudizzju għan-natura tiegħu, relatat mal-attivitajiet tal-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà,
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri Privati ta' Servizzi ta' Sigurtà,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà (PMSCs) huma entitajiet kummerċjali privati li jipprovdu servizzi militari u/jew ta' sigurtà li jistgħu jinkludu, fost oħrajn, għassa armata, manutenzjoni u operat ta' sistemi tal-armi, detenzjoni tal-ħabsin u konsulenza jew taħriġ għall-forzi lokali u l-persunal tas-sigurtà; billi d-dipendenza ta' atturi statali u mhux statali fuq il-PMSCs żdiedet b'mod sinifikanti f'żoni ta' kunflitt f'dawn l-aħħar snin; billi l-kunflitti tas-seklu 21, li bdew bil-gwerer fl-Afganistan u fl-Iraq, esperjenzaw l-involviment tal-PMSCs fil-livelli kollha, kemm għal appoġġ loġistiku kif ukoll għal operazzjonijiet ta' intensità għolja;
B. billi s-sitwazzjoni regolatorja attwali f'dan is-settur hija magħmula minn sensiela ta' regoli inkonsistenti li jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi; billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-awtoregolamentazzjoni mhux omoġenji adottati minn ċerti PMSCs mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu l-abbuż, minħabba n-nuqqas ta' penali, u jista' jkollhom impatt kbir fuq kif il-PMSCs joperaw f'interventi multilaterali u f'reġjuni ta' konflitt;
C. billi l-PMSCs huma marbuta bid-dritt internazzjonali meta jieħdu sehem f'-ostilitajiet, b'mod partikolari kif stabbilit fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra li hija rratifikata mill-Istati Membri kollha tan-NU; billi d-dispożizzjonijiet legali tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra huma rrikonoxxuti bħala dritt internazzjonali konswetudinarju; billi l-Artikolu 47 tal-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra jipprevedi definizzjoni ta' merċenarji; billi, fuq din il-bażi, il-merċenarji huma definiti bħala nies ċivili u għalhekk mhumiex permessi jipparteċipaw f'kunflitt; billi l-Konvenzjoni Internazzjonali Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji tipprojbixxi l-merċenarji;
D. billi għaddejja l-ħidma dwar ir-regolamentazzjoni tal-PMSCs, b'mod partikolari fil-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ tan-NU biex jelabora l-kontenut ta' qafas regolatorju internazzjonali, mingħajr preġudizzju għan-natura tiegħu, relatat mal-attivitajiet tal-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà; billi hemm pjan biex jiġi ppreżentat abbozz ta' qafas regolatorju għall-PMSCs f'April 2022; billi l-UE ġiet eletta fil-Grupp tal-Ħbieb tal-Presidenza tal-Forum tad-Dokument ta' Montreux;
E. billi għadd kbir ta' membri tal-PMSCs li jaġixxu bħala merċenarji wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi delitti tal-gwerra, kemm kontra ġellieda kif ukoll kontra nies ċivili fil-kunflitti tal-passat, reċenti u li għadhom għaddejjin; billi l-parti l-kbira ta' dawk il-vjolazzjonijiet twettqu b'impunità u ma sarux investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew kundanni dwarhom;
F. billi xi pajjiżi, bħar-Russja, it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda, huma preżenti f'diversi żoni ta' kunflitt jew ta' wara kunflitt madwar id-dinja permezz tal-PMSCs;
G. billi l-Grupp Wagner huwa xibka ta' paramilitari u negozji li huma affiljati permezz ta' sovrapożizzjonijiet fin-networks ta' sjieda u loġistika; billi l-Grupp Wagner jispikka fost il-PMSCs l-oħra għal diversi aspetti, bħall-konnessjonijiet irrapportati tiegħu mal-ogħla livelli tal-Istat Russu, il-preżenza rrapportata tiegħu f'diversi stati, l-iskala tal-operazzjonijiet tiegħu, b'madwar 10 000 impjegat u l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem li ġie ddokumentat u li bih huwa akkużat; billi l-liġi Russa tipprojbixxi l-użu ta' merċenarji skont l-Artikolu 359 tal-Kodiċi Kriminali tagħha;
H. billi r-rabtiet tiegħu mal-awtoritajiet Russi ġew dokumentati minn organizzazzjonijiet indipendenti, bħal Bellingcat, permezz ta' rapporti ppubblikati minn Jannar 2019 sa Novembru 2021; billi l-Grupp Wagner allegatament jiddependi fuq infrastruttura militari Russa, jikkondividi bażi mal-militar Russu, juża t-trasport ta' inġenji tal-ajru militari Russi u juża servizzi tal-kura tas-saħħa militari; billi huwa ffinanzjat parzjalment permezz ta' kuntratti li jiswew miljuni għall-forniment ta' ikel u kostruzzjoni għall-Forzi Armati Russi mogħtija lil kumpaniji marbuta ma' Yevgeny Prigozhin, alleat qrib tal-President Russu Vladimir Putin; billi l-aġenzija tal-intelligence militari tar-Russja GRU, il-Ministeru tad-Difiża tagħha u s-servizzi konsulari tagħha huma involuti bis-sħiħ fil-finanzjament, ir-reklutaġġ, it-taħriġ u l-protezzjoni tal-operaturi tal-Grupp Wagner;
I. billi l-UE imponiet sanzjonijiet fuq is-Sur Prigozhin għall-involviment tiegħu fil-kunflitt Libjan; billi diversi kumpaniji taħt il-kontroll tiegħu huma taħt sanzjonijiet tal-Istati Uniti talli "jappoġġjaw l-operazzjonijiet paramilitari tar-Russja, jippreservaw ir-reġimi awtoritarji u jisfruttaw ir-riżorsi naturali", skont it-Teżor tal-Istati Uniti;
J. billi fil-11 ta' April 2012, il-President Putin iddikjara fid-diskors tiegħu lid-Duma Russa li "grupp ta' kumpaniji militari privati jkun għodda effiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet nazzjonali mingħajr l-involviment dirett tal-Istat Russu"; billi d-denominazzjoni Grupp Wagner qiegħda titneħħa gradwalment biex jiġi evitat skrutinju pubbliku u ma tidhirx rabta bejnu u s-Sur Prigozhin u l-President Putin, u l-grupp qiegħed jiġi sostitwit minn entitajiet oħra b'ismijiet differenti; billi l-Kremlin, permezz ta' din il-kostruzzjoni u minħabba li l-Grupp Wagner ma għandu ebda status legali, qiegħed jipprova jiċħad b'mod plawżibbli l-azzjonijiet u r-reati mwettqa mill-grupp;
K. billi fl-Ukrajna, l-użu tal-PMSCs jaf huwa maħsub għall-ħabi ta' interferenza militari, l-evitar ta' vittmi fost truppi militari regolari u b'hekk jinħbew mill-pubbliku Russu l-imwiet ikkawżati mill-aggressjonijiet militari;
L. billi l-Grupp Wagner ġie identifikat għall-ewwel darba fl-2014 meta appoġġja separatisti favur ir-Russja u għen lill-militar Russu fl-ostilitajiet tal-gwerra fir-reġjun tad-Donbas fl-Ukrajna u fl-invażjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea tal-Ukrajna; billi minn dak iż-żmien kien involuta f'kunflitti fis-Sirja, fis-Sudan, fil-Mozambique, fil-Libja, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fil-Venezwela;
M. billi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, esperti tan-NU mill-Gruppi ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji, dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u dwar l-għajbien furzat, kif ukoll ir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar it-tortura u dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ikkonkludew b'mod konġunt f'Ottubru 2021 li l-Grupp Wagner kien wettaq ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi eżekuzzjonijiet sommarji tal-massa, detenzjonijiet arbitrarji, vjolenza sesswali, sakkeġġ, għajbien furzat u tortura waqt l-interrogazzjonijiet;
N. billi l-Grupp Wagner kien involut f'akkwiżizzjonijiet f'għamla ta' ħtif ta' riżorsi essenzjali bħat-tħaffir fil-minjieri u r-rikavat mid-dwana, li b'hekk dgħajfu l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u ċaħħadhom minn riżorsi pubbliċi essenzjali; billi, pereżempju, wara l-iffirmar ta' ftehim militari fl-2018 bejn ir-Russja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-kumpanija Lobaye Invest tal-Grupp Wagner ingħatat drittijiet ta' esplorazzjoni għad-deheb u d-djamanti f'diversi siti tal-minjieri; billi rapport ta' CNN f'Ġunju 2021 żvela li l-merċenarji Russi qatlu nies ċivili u keċċew lin-nies lokali miż-żoni tal-minjieri;
O. billi fil-Libja il-Grupp Wagner huwa involut f'operazzjonijiet ta' appoġġ loġistiku u ta' ġlied li jappoġġjaw lill-Ġeneral Libjan tar-ribelli Khalifa Haftar mill-inqas sa mill-2018; billi skont ir-rapport tal-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU fil-Libja ta' Ottubru 2021, il-Grupp Wagner kien involut f'delitti tal-gwerra, inklużi eżekuzzjonijiet sommarji ta' nies ċivili u detenuti, skjavitù, tħawwil ta' mini tal-art kontra l-persunal, li huma pprojbiti internazzjonalment, u l-qtil jew il-mankament ta' nies ċivili inklużi tfal, pereżempju fil-villaġġ ta' al-Sbeaa li jinsab fin-Nofsinhar ta' Tripli; billi r-rapport jiddokumenta diversi ksur ripetut tal-embargo tan-NU fuq l-armi u l-użu ta' inġenji tal-ajru tal-merkanzija militari Russi mill-Grupp Wagner; billi l-appoġġ tal-merċenarji u tal-istrutturi militari Russi għal gruppi armati radikali kompla jiddestabilizza l-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE;
P. billi fit-12 ta' Novembru 2021, il-pajjiżi parteċipanti fil-Konferenza ta' Pariġi għal-Libja esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal kwalunkwe ndħil barrani fl-affarijiet Libjani u appoġġjaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-irtirar ta' merċenarji kif ukoll ġellieda u forzi barranin mit-territorju Libjan; billi fil-bidu ta' Novembru 2021, it-Turkija bagħtet madwar 150 merċenarju Sirjan addizzjonali fil-Libja, minbarra s-7 000 li kienu diġà preżenti fil-pajjiż u leali lejn it-Turkija, minkejja l-appelli lokali u internazzjonali biex jiġu rtirati l-forzi barranin kollha qabel l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali skedati għall-24 ta' Diċembru 2021; billi skont ir-rapport finali tal-Panel ta' Esperti tan-NU dwar il-Libja mwaqqaf bir-Riżoluzzjoni 1973 (2011), ippubblikat f'Settembru 2019, il-kumpanija Emiratjana Black Shield Security Services irreklutat ċittadini Sudaniżi biex iservu fil-kunflitt Libjan;
Q. billi minn tmiem l-2015, aġenti tal-Grupp Wagner bdew jintbagħtu s-Sirja biex jgħinu lill-militar Russu fl-intervent tiegħu biex isalva r-reġim ta' Assad; billi l-merċenarji wettqu u ffilmjaw delitti tal-waħx fil-konfront tal-popolazzjoni Sirjana, bħal tortura, qtil u qtugħ ir-ras ta' persuni ċivili fl-inħawi ta' Palmira; billi linja tal-ajru privata Sirjana, Cham Wings, kienet involuta fit-trasport ta' merċenarji mir-Russja lejn il-Libja u aktar reċentement fit-trasport ta' migranti lejn Minsk;
R. billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu ta' merċenarji semma rapporti li jallegaw li l-Ażerbajġan, bl-għajnuna tat-Turkija, bagħat merċenarji Sirjani biex isostnu l-operazzjonijiet militari tiegħu fir-reġjun tal-kunflitt ta' Nagorno-Karabakh;
S. billi, fit-30 ta' Lulju 2018, tliet ġurnalisti Russi li kienu ngħataw premjijiet għal xogħolhom inqatlu waqt li kienu qed jinvestigaw l-attivitajiet minerarji tal-Grupp Wagner fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; billi skont il-Committee to Protect Journalists, il-mewt tal-ġurnalist Russu Maxim Borodin, li kien irrapporta dwar l-attivitajiet tal-Grupp Wagner fis-Sirja f'Marzu 2018, kienet parti minn sensiela ta' ġurnalisti li mietu fir-Russja waqt li kienu qed jaħdmu fuq kwistjonijiet sensittivi b'riperkussjonijiet potenzjali għall-awtoritajiet;
T. billi fil-15 ta' Novembru 2021, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell ħabbar kunsens fost il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE biex jittieħdu miżuri restrittivi kontra l-Grupp Wagner fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE f'Diċembru 2021; billi fl-20 ta' Settembru 2021 huwa wissa dwar il-possibbiltà li l-Grupp Wagner jintervjeni fil-Mali;
U. billi rapporti jgħidu li l-Grupp Wagner u l-awtoritajiet Maljani għandhom ftehim li jinkludi pjanijiet biex jintbagħtu 1 000 kuntrattur fil-pajjiż; billi l-UE għandha missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) preżenti fil-Mali;
V. billi fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998 li jistabbilixxi r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, li jippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi fuq individwi, entitajiet u korpi speċifiċi – inklużi Stati u atturi mhux statali – li jkunu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi madwar id-dinja, jew ikunu involuti fihom jew assoċjati magħhom; billi l-UE għandha r-responsabbiltà li tagħmel użu sħiħ minn dan ir-regolament f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
1. Jesprimi t-tħassib serjissmu tiegħu dwar il-firxa wiesgħa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali li qed ikomplu jiġu rrappurtati b'rabta mal-attivitajiet dejjem akbar tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati u li għalihom, fil-biċċa l-kbira, ħadd għadu ma nżamm responsabbli;
2. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet imwettqa mill-Grupp Wagner u minn entitajiet militari privati relatati; jenfasizza l-indikazzjonijiet qawwijin li l-Istat Russu huwa responsabbli mill-finanzjament, it-taħriġ, il-ġestjoni u l-kmand operattiv ta' dawn il-gruppi paramilitari; jissottolinja li l-attivitajiet tal-Grupp Wagner jikkoinċidu u jikkorrispondu mat-tixrid tal-influwenza tar-Russja f'żoni ta' kunflitt; jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li l-Grupp Wagner, u kuntratturi tas-sigurtà oħra mmexxija mir-Russja, għandhom jiġu ttrattati bħala organizzazzjonijiet li joperaw f'isem l-Istat Russu;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jinfurzaw il-Kodiċi Kriminali Russu, partikolarment l-Artikolu 359 li jipprojbixxi r-reklutaġġ, it-taħriġ, il-finanzjament jew il-forniment materjali ta' merċenarji u l-użu tagħhom f'kunflitt armat; jistieden lill-awtoritajiet Russi, f'dan ir-rigward, jipprojbixxu wkoll lill-intrapriżi mmexxija mill-istat milli jkollhom kumpaniji militari privati involuti f'attivitajiet merċenarji li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali;
4. Jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra l-istrateġija tal-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu, partikolarment il-ħabi tal-identità tiegħu bl-użu ta' ismijiet differenti biex jaħrab mill-iskrutinju internazzjonali;
5. Jistieden lill-Istati kollha li jużaw is-servizzi tal-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu, partikolarment ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, biex jaqtgħu r-rabtiet kollha mal-grupp u l-impjegati tiegħu; jistieden lill-istati kollha jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fl-infurzar tad-dritt internazzjonali, jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtat u jieħdu passi ġudizzjarji kontra kumpaniji stabbiliti fit-territorju tagħhom meta jkunu involuti f'attivitajiet li jiksru d-dritt internazzjonali;
6. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar sinjali li l-awtorità tranżitorja tal-Mali qed tikkontempla l-użu ta' kumpaniji militari privati, partikolarment il-Grupp Wagner; iħeġġeġ lill-Mali ma jiħux din id-direzzjoni; jemmen bis-sħiħ li l-involviment tal-Grupp Wagner imur kontra l-objettiv tar-ritorn tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mali u l-protezzjoni tal-poplu Maljan, li huma l-għanijiet fundamentali mfittxija mill-UE permezz tal-missjonijiet tal-PSDK tagħha u mill-Istati Membri tal-UE li jaġixxu fuq talba tal-awtoritajiet tal-Mali;
7. Jemmen li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE ma jistgħux jagħtu riżultati adegwati u jġibu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiżi sħab meta fl-istess waqt u fl-istess pajjiż ikunu qed joperaw kumpaniji tas-sigurtà privati akkużati bi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jiġbed l-attenzjoni dwar kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati kontra missjonijiet u operazzjonijiet tal-UE fl-Afrika li l-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu jista' jkun li huma responsabbli għalihom bħala parti mill-gwerra ibrida moderna tar-Russja; jistieden lill-unitajiet rilevanti tat-task force StratCom tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jirrappurtaw dwar dawn il-kampanji ta' diżinformazzjoni;
8. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħtfu kull opportunità biex jikkomunikaw lill-pajjiżi rilevanti r-riskji assoċjati mal-adeżjoni jew il-kollaborazzjoni mal-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu, u jenfasizzaw il-passat terribbli tal-grupp f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-gvernijiet jiżguraw dispożizzjonijiet stretti dwar ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, is-sorveljanza demokratika u l-obbligu ta' rendikont f'kuntratti ma' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati barranin għal assistenza militari u servizzi ta' sigurtà; iħeġġeġ lill-Istati jkunu kompletament trasparenti fir-rigward tal-kuntratti mogħtija għal servizzi ta' appoġġ militari, speċjalment fir-rigward tal-għadd, il-kompiti u l-ktajjen ta' kmand ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati preżenti fit-territorji tagħhom, kif ukoll it-tagħmir użat biex jeżegwixxu l-kuntratti tagħhom;
9. Jistieden lis-SEAE jħejji rapport dwar l-attivitajiet tal-Grupp Wagner sabiex tingħata stampa ġenerali ċara tal-ksur differenti tiegħu, li mbagħad jgħin biex tiġi żgurata r-responsabbiltà għad-diversi reati u titwitta t-triq biex min ikun ikkommettihom jitressaq quddiem tribunali internazzjonali; jafferma li l-Parlament se jkompli jsegwi l-kwistjoni mill-qrib permezz ta' rapport u, eventwalment, seduti ta' smigħ;
10. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-alleati tagħhom iżidu l-qsim ta' intelligence dwar il-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tara li l-fondi tal-UE ma jkunu jistgħu fl-ebda ċirkustanza jintużaw mill-pajjiżi benefiċjarji biex jiffinanzjaw kumpaniji militari privati b'passat bħal dan f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tqajjem dan is-suġġett fid-djalogu bilaterali tagħha mal-pajjiżi rilevanti kollha;
12. Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jirrikorru għal kumpaniji tas-sigurtà privati f'żoni ta' kunflitt ħlief biex jipproteġu l-bini tagħhom jew jiżguraw is-sigurtà tat-trasport, u dment li dawn ikunu jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jenfasizza li l-ebda attività li timplika l-użu tal-forza u/jew il-parteċipazzjoni attiva fl-ostilitajiet m'għandha tiġi esternalizzata lil kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, ħlief f'każijiet ta' awtodifiża, u kumpaniji militari u tas-sigurtà privati m'għandhom fl-ebda ċirkustanza jitħallew jagħmlu jew jieħdu sehem f'interrogazzjonijiet; jemmen bis-sħiħ li s-sigurtà u d-difiża għandhom jiġu pprovduti primarjament mill-awtoritajiet pubbliċi;
13. Jitlob li l-kwistjoni tal-attivitajiet tal-Grupp Wagner u ta' kumpaniji militari privati oħra fl-Afrika tiġi diskussa bir-reqqa waqt is-Summit UE-Afrika li ġej;
14. Itenni l-appell magħmul waqt il-Konferenza ta' Pariġi għal-Libja tat-12 ta' Novembru 2021 biex il-ġellieda barranin kollha, inklużi l-merċenarji, jitilqu mit-territorju Libjan; iħeġġeġ lir-Russja, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Istati l-oħra kollha jirrispettaw dak l-appell, jieqfu immedjatament jibagħtu merċenarji lejn il-Libja u jirtiraw lil dawk li hemm bħalissa fil-pajjiż;
15. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jirtiraw il-merċenarji kollha mil-Lvant tal-Ukrajna u mill-Krimea;
16. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ dwar l-adozzjoni imminenti ta' sanzjonijiet tal-UE mmirati min-naħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin kontra individwi u entitajiet rilevanti affiljati mal-Grupp Wagner, kif ukoll individwi u entitajiet li jaħdmu magħhom, permezz ta' reġimi ta' sanzjonijiet eżistenti tal-UE bħar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob li dawn is-sanzjonijiet jinkludu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar ta' assi fil-konfront tal-aġenti tal-Grupp Wagner; jistieden lill-pajjiżi sħab, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana, jadottaw sanzjonijiet simili; jistieden lill-UE tħejji u tadotta miżuri restrittivi għal kumpaniji militari u tas-sigurtà privati oħra li qed jiksru d-drittijiet tal-bniedem;
17. Jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-protokolli addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, u jsaħħu d-dritt internazzjonali għall-projbizzjoni effettiva tal-merċenarji, skont l-ispirtu tal-Konvenzjoni tal-OUA tal-1977 għall-Eliminazzjoni tal-Merċenarjat fl-Afrika, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1989 Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji u d-Dokument ta' Montreux tal-2008;
18. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li jkun hemm qafas regolatorju ċar u vinkolanti għall-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, partikolarment fil-kuntest tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ tan-NU, speċjalment fir-rigward ta' proġetti kbar f'pajjiżi terzi ffinanzjati minn investituri jew istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fl-UE, u jiżguraw li tali proġetti jsirilhom monitoraġġ trasparenti; jistenna b'interess il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' dan il-qafas f'April 2022; jitlob rekwiżiti ta' diliġenza dovuta obbligatorji għal entitajiet li jqabbdu kumpaniji militari u tas-sigurtà privati;
19. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għax-xogħol magħmul mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU; jistieden lill-Istati fejn ġew irrappurtati allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem minn kumpaniji militari u tas-sigurtà privati jagħmlu stedina uffiċjali lill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu ta' merċenarji għal żjara urġenti fil-pajjiż;
20. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaġixxu b'determinazzjoni biex jindirizzaw il-lakuna fl-obbligu ta' rendikont tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, inkluż fir-rigward tas-sorveljanza u l-monitoraġġ tat-trasparenza; ifakkar lill-Istati kollha fl-obbligu tagħhom li jiżguraw li l-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jew li joperaw fit-territorju tagħhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-bżonn li jiġu żgurati rimedji ġudizzjarji, inklużi sanzjonijiet kriminali, għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta mill-attivitajiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati; jitlob aċċess bla xkiel għall-ġustizzja u rimedju għall-vittmi kollha ta' kwalunkwe ksur, inklużi abbużi mwettqa minn merċenarji Russi; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi u tappoġġja sforzi f'ġuriżdizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali favur il-ftuħ ta' proċedimenti kriminali biex il-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati jinżammu responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-Russja, għal dan il-għan, tikkoopera bis-sħiħ man-NU, l-UE u l-pajjiżi fejn il-Grupp Wagner allegatament ikkommetta reati;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.