MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-trażżin kontinwu tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja: il-każ tal-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem Memorial
15.12.2021 - (2021/3018(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0604/2021 (Verts/ALE)
B9-0605/2021 (S&D)
B9-0606/2021 (Renew)
B9-0607/2021 (ECR)
B9-0608/2021 (PPE)
Željana Zovko, Andrius Kubilius, Michael Gahler, David McAllister, Sandra Kalniete, Andrzej Halicki, Paulo Rangel, Radosław Sikorski, Jerzy Buzek, Rasa Juknevičienė, Isabel Wiseler-Lima, Traian Băsescu, Eugen Tomac, Sara Skyttedal, Miriam Lexmann, Tomáš Zdechovský, Inese Vaidere, Krzysztof Hetman, Christian Sagartz, Antonio López-Istúriz White, Adam Jarubas, José Manuel Fernandes, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Peter Pollák, Eva Maydell, Tom Vandenkendelaere, David Lega, Arba Kokalari, Stanislav Polčák, Loránt Vincze, Jiří Pospíšil, Benoît Lutgen, Ivan Štefanec, Andrey Kovatchev, Vladimír Bilčík, Seán Kelly, Michaela Šojdrová, Luděk Niedermayer, Janina Ochojska
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Andrea Cozzolino, Evin Incir, Raphaël Glucksmann
f'isem il-Grupp S&D
Petras Auštrevičius, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Martin Hojsík, Karin Karlsbro, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Javier Nart, Dragoş Pîslaru, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache
f'isem il-Grupp Renew
Sergey Lagodinsky
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Jan Zahradil, Jacek Saryusz-Wolski, Alexandr Vondra, Elżbieta Kruk, Jadwiga Wiśniewska, Ryszard Czarnecki, Bogdan Rzońca, Evžen Tošenovský, Dace Melbārde, Adam Bielan, Roberts Zīle, Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto, Witold Jan Waszczykowski, Assita Kanko, Hermann Tertsch
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trażżin kontinwu tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja: il-każ tal-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem Memorial
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,
– wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja impenjat ruħha li tirrispetta bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), u bħala firmatarja ta' trattati oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha, b'mod partikolari l-Artikolu 10 dwar id-dritt tal-espressjoni u l-Artikolu 11 dwar id-dritt tal-libertà tal-għaqda u tal-libertà tal-assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-liġi Russa dwar l-"aġenti barranin",
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-13 ta' Novembru 2021 dwar passi legali kontra l-organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) Memorial,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Novembru 2021 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Marija Pejčinović Burić, u l-ittra tat-30 ta' Novembru 2021 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Dunja Mijatović, lill-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Memorial mhijiex biss waħda mill-eqdem u l-aktar organizzazzjonijiet rispettati tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja iżda hija wkoll mudell internazzjonali għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq it-tifkira tal-istorja tar-ripressjoni politika u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; billi, għal deċennji, Memorial iġġieldet favur kultura vibranti u umanistika ta' tifkira tad-delitti tar-reġim Sovjetiku kontra l-poplu tiegħu stess u kontra popli oħra tal-Unjoni Sovjetika u ta' pajjiżi oħra, kif ukoll favur impenn ċiviku attiv favur id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-vittmi u tal-gruppi vulnerabbli; billi Memorial qed tkompli tagħti kontribut imprezzabbli biex tikxef il-verità dwar id-delitti Sovjetiċi, ir-rivalutazzjoni u r-riabilitazzjoni storika ta' dawk li sfaw politikament ippersegwitati u misjuba ħatja inġustament, u hija simbolu tal-ġlieda bla waqfien għal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-qasam post-Sovjetiku u lil hinn minnu;
B. billi l-Parlament Ewropew semma l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tiegħu għall-kofundatur u l-ewwel President ta' Memorial, Andrei Sakharov, u ta l-Premju tal-2009 lil Memorial, irrappreżentata minn Lyudmila Alexeyeva, Sergei Kovalev u Oleg Orlov;
C. billi ż-żewġ entitajiet legali ta' Memorial, International Memorial u ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial, bħalissa jinsabu mhedda bil-likwidazzjoni; billi fil-11 ta' Novembru 2021, International Memorial ġiet innotifikata li l-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa kien fetaħ kawża biex ifittex li jagħlaq l-organizzazzjoni talli allegatament kisret ripetutament il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż dwar l-"aġenti barranin" u, b'mod partikolari, talli naqset milli timmarka xi materjali ppubblikati bit-tikketta ta' "aġent barrani"; billi fit-12 ta' Novembru 2021, iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial ġie nnotifikat dwar kawża simili mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Belt ta' Moska, abbażi ta' dikjarazzjonijiet addizzjonali li l-artikli taċ-Ċentru allegatament iġġustifikaw l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti, minħabba l-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-NGO ta' listi ta' priġunieri politiċi u ta' dikjarazzjonijiet, fost oħrajn, li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem tat-Tatari tal-Krimea u tax-Xhieda ta' Jehovah; billi fit-23 ta' Novembru 2021 infetħu l-proċedimenti tal-qorti għaċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial u fil-25 ta' Novembru 2021 dawk għal International Memorial; billi s-seduta ta' smigħ li jmiss għaċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial se ssir fis-16 ta' Diċembru 2021 u s-seduta ta' smigħ li jmiss għal International Memorial se ssir fit-28 ta' Diċembru 2021;
D. billi fit-12 ta' Novembru 2021, anke l-Kunsill Presidenzjali Russu għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem iddeskriva l-kawża bħala sproporzjonata, bl-argument li fl-14-il xahar preċedenti ma kienx instab ksur legali wieħed mill-International Memorial, u li kienu twettqu biss żewġ vjolazzjonijiet minuri miċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial;
E. billi l-azzjoni biex jiġu likwidati dawn l-NGOs prominenti ġiet wara snin ta' persekuzzjoni taż-żewġ organizzazzjonijiet; billi dawn l-organizzazzjonijiet ġew ittikkettati bħala "aġenti barranin" fl-2014 u fl-2016 u ffaċċjaw multi esaġerati għal allegat nuqqas ta' konformità mal-liġi dwar l-"aġenti barranin" u l-prosekuzzjoni kriminali arbitrarja tal-persunal tagħhom, li wkoll kienu soġġetti għal attakki u fastidju; billi dawn l-attakki, bħall-qtil fl-2009 tar-riċerkatur taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial Natalya Estemirova, ma ġewx investigati kif xieraq u l-awturi għadhom igawdu minn impunità; billi Oyub Titiev, kap tal-uffiċċju taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial fiċ-Ċeċenja, u Yury Dmitriev, kap tal-fergħa f'Karelia tal-International Memorial, ġew mitfugħin il-ħabs fuq akkużi politikament motivati; billi fil-każ l-aktar reċenti, fl-14 ta' Ottubru 2021, l-uffiċċju ta' International Memorial f'Moska kien attakkat minn marmalja vjolenti u mbagħad ġie rrejdjat mill-pulizija;
F. billi l-persekuzzjoni ta' Memorial qed isseħħ fost tentattivi ripetuti u sistematiċi mill-Gvern Russu biex jikteb l-istorja mill-ġdid u jillimita d-dibattitu liberu dwar l-evalwazzjoni ta' delitti u avvenimenti storiċi, speċjalment dawk marbuta mal-ħakma tal-gvernijiet Sovjetiċi; billi l-awtoritajiet iffalsifikaw fatti storiċi biex jiċħdu s-sejbiet taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial dwar ir-repressjoni u l-persekuzzjoni fi żmien Stalin;
G. billi t-tentattivi biex jintimidaw, isikktu u fl-aħħar mill-aħħar jagħlqu lil Memorial huma simbolu tal-politiki dejjem aktar repressivi tal-awtoritajiet Russi, u b'hekk iżidu kapitolu ġdid mal-istorja Russa ta' repressjoni politika; billi bejn l-1987 u l-1992, Memorial ġiet stabbilita speċifikament biex tiddokumenta, tirriċerka, tikkommemora u teduka dwar suġġetti relatati mar-repressjonijiet tal-imgħoddi u l-wirt storiku traġiku tal-pajjiż;
H. billi soċjetà ċivili attiva hija aspett kruċjali ta' soċjetà demokratika u miftuħa, u hija essenzjali għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; billi l-NGOs għandhom rwol kruċjali fis-soċjetajiet demokratiċi moderni u għalhekk jeħtieġ li jkunu jistgħu joperaw liberament mingħajr indħil żejjed mill-awtoritajiet pubbliċi; billi l-proċedimenti kontra Memorial huma l-aktar eżempju reċenti tar-repressjoni mill-awtoritajiet Russi fuq is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu ħsara lill-interessi tal-poplu Russu u lill-possibilitajiet ta' djalogu miftuħ u ħieles;
I. billi l-liġi Russa dwar l-"aġenti barranin" ġiet adottata fl-2012 u ġiet estiża s-sena l-oħra mill-Parlament Russu b'modi li jkunu jistgħu japplikaw għal kwalunkwe kritiku jew attivist pubbliku; billi l-għadd ta' organizzazzjonijiet u individwi li l-awtoritajiet iddeżinjaw bħala "aġenti barranin" żdied drastikament f'dawn l-aħħar xhur; billi din il-liġi ntużat mill-awtoritajiet Russi biex tiffaċilita r-ripressjoni fuq is-soċjetà ċivili indipendenti attiva fir-Russja, u kienet immirata lejn l-NGOs, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati, l-attivisti dwar id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet LGBTIQ+, u attivisti ambjentali; billi din il-liġi, kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar "organizzazzjonijiet mhux mixtieqa" u dwar "il-ġlieda kontra l-attività estremista", tikser il-Kostituzzjoni tar-Russja stess u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni, id-dritt għall-privatezza, id-dritt tal-parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni; billi l-eżempju ta' Memorial juri b'mod ċar kif dawn il-liġijiet jintużaw mill-awtoritajiet Russi bħala għodda biex jintimidaw u jsikktu lill-kritiċi u l-ilħna indipendenti;
1. Jikkundanna l-persekuzzjoni ripetuta u t-tentattivi reċenti mmotivati politikament biex jingħalqu International Memorial u ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial; jistieden lill-awtoritajiet Russi jwaqqgħu minnufih l-akkużi kollha kontra Memorial u jiżguraw li Memorial tkun tista' tkompli twettaq il-ħidma importanti tagħha mingħajr interferenza mill-istat; jitlob lill-awtoritajiet biex, sadanittant, jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tal-assi materjali u immaterjali kollha ta' Memorial, inklużi l-arkivji tagħha, kif ukoll wirjiet u xogħlijiet minn teatri, ġurnalisti u artisti indipendenti, u jiżguraw ukoll l-aċċess għalihom;
2. Jilqa' l-ittra tat-30 ta' Novembru 2021 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa; Jinsisti li t-talbiet għal-likwidazzjoni ma għandhomx ġustifikazzjoni legali raġonevoli; jistieden lill-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE joħorġu dikjarazzjonijiet miftuħa ta' appoġġ li jitolbu li l-awtoritajiet Russi jiżguraw is-sikurezza ta' Memorial u li jeħilsuha mill-akkużi kollha miġjuba kontriha; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri fir-Russja juru pubblikament solidarjetà ma' Memorial;
3. Jistieden lill-VP/RGħ jimponi sanzjonijiet fil-qafas tar-reġim globali ta' sanzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE fuq uffiċjali Russi involuti fir-repressjoni illegali ta' Memorial u fil-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħha;
4. Iħeġġeġ lir-Russja twaqqaf ir-ripressjoni li għaddejja fuq is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media indipendenti billi tirrevoka l-liġijiet dwar l-"aġenti barranin" u dwar l-"organizzazzjonijiet mhux mixtieqa", tieqaf toħloq leġiżlazzjoni speċjali jew tabbuża l-liġijiet kriminali jew amministrattivi eżistenti bil-għan li tpoġġi fil-mira tagħha lill-ilħna dissidenti fil-pajjiż jew barra mill-pajjiż, u ġġib il-leġiżlazzjoni tagħha konformi mal-impenji li r-Russja ħadet volontarjament skont id-dritt internazzjonali u l-Kostituzzjoni tagħha stess, inkluż billi tirristabbilixxi bis-sħiħ il-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni, kif ukoll il-libertà tal-media u tal-internet; jistieden lill-awtoritajiet Russi jiżguraw li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta' restituzzjoni u riparazzjoni biex jindirizzaw il-ksur imwettaq fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar l-"aġenti barranin" u l-"organizzazzjonijiet mhux mixtieqa";
5. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Russu u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jieqfu jippersegwitaw lil Memorial, lill-persunal tagħha, u lill-NGOs, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ġurnalisti, lill-avukati, lill-istudjużi, lill-istoriċi, lid-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u lill-attivisti tad-drittijiet LGBTIQ+ u lill-attivisti ambjentali l-oħrajn kollha fir-Russja; itenni l-appoġġ tiegħu għas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tar-Russja u jistieden lir-Russja tistabbilixxi qafas legali ċar u ambjent sikur għall-ħidma tas-soċjetà ċivili f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu garantiti proċeduri ta' rikors legali effettivi u effiċjenti għall-atturi tas-soċjetà ċivili li l-libertà tagħhom li jaħdmu ġiet kompromessa;
6. Itenni li l-ħidma ħielsa u indipendenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-media hija l-ġebla tax-xewka ta' soċjetà demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, l-NGOs indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-istoriċi u l-mezzi tal-media indipendenti attivi fir-Russja, inkluż appoġġ finanzjarju sostenibbli u flessibbli u assistenza ta' emerġenza, u jinkoraġġixxu appoġġ internazzjonali akbar għal dawn l-atturi, kif ukoll l-inklużjoni usa' tagħhom fin-networks internazzjonali tas-soċjetà ċivili; jappella għas-sens ta' responsabbiltà tal-akkademja Russa biex tipprovdi lil dawk ir-riċerkaturi u storiċi opportunitajiet adegwati u sikuri biex iwettqu l-attività akkademika tagħhom;
7. Ifaħħar il-kontribut sinifikanti ta' Memorial għad-dokumentazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni dwar ir-ripressjoni politika fl-Unjoni Sovjetika u jenfasizza li din il-ħidma stabbilixxiet standards internazzjonali; ifaħħar il-ħidma bla heda tagħha fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja tal-lum u lil hinn minnha; ifaħħar b'mod partikolari l-inizjattivi tagħha bħat-talba għall-bidu ta' proċedimenti kriminali kontra membri tal-Grupp Wagner f'isem il-vittmi fis-Sirja, u l-isforzi sostnuti tagħha favur il-prosekuzzjoni kriminali tad-delitti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja; jenfasizza li l-likwidazzjoni tal-International Memorial u taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial għalhekk ikollha konsegwenzi negattivi sinifikanti għas-soċjetà ċivili kollha kemm hi u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja b'mod partikolari;
8. Jenfasizza li l-likwidazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet iġġib ukoll fi tmiemhom il-bażijiet ta' data u l-kollezzjonijiet ta' dokumenti uniċi ta' Memorial u jemmen li dawn ir-rekords huma wirt uniku tal-umanità; jenfasizza li huwa ta' importanza kbira li dawn jiġu protetti u ppreservati u jibqgħu disponibbli għal kull min ikun interessat, inklużi l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-familji tal-vittmi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipproduċu rapport komprensiv flimkien mas-soċjetà ċivili u l-esperti Russi tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-memorja ħajja tal-miljuni ta' vittmi tat-terrur politiku fl-Unjoni Sovjetika, li jkun ibbażat fuq id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u l-bażijiet ta' data miġbura minn Memorial;
9. Jikkundanna l-politika ta' reviżjoniżmu tal-istorja u tal-glorifikazzjoni tal-iStaliniżmu promossa mill-Gvern u l-awtoritajiet Russi, użata mhux biss fit-tentattivi attwali biex jiġi likwidat iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial, iżda wkoll f'bosta każijiet oħra, bħall-iskoperta ta' oqbra tal-massa f'Sandarmokh fir-Repubblika ta' Karelia u s-sentenza ta' ħabs politikament motivata mogħtija sussegwentement, ibbażata fuq akkużi fabbrikati, lil Yury Dmitriev, mexxej lokali ta' Memorial, kif ukoll il-konfiska tal-ktieb ta' Agnes Haikara dwar id-destin traġiku tal-kolonjalisti Norveġiżi u Finlandiżi fil-peniżola ta' Kola; jissottolinja li t-tifkira tal-vittmi ta' reġimi totalitarji u awtoritarji u r-rikonoxximent u s-sensibilizzazzjoni dwar id-delitti mwettqa minn dittatorjati komunisti, Nazisti u oħrajn huma ta' importanza vitali għall-unità tal-Ewropa u għat-trawwim tar-reżiljenza kontra t-theddid modern għad-demokrazija, b'mod partikolari fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;
10. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi diplomatiċi nazzjonali fir-Russja jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni u l-proċessi marbuta ma' Memorial fuq il-post, jiżguraw li dawn l-isforzi jkunu viżibbli, u joffrulhom kwalunkwe appoġġ li jista' jkollhom bżonn, inkluża assistenza finanzjarja diretta sabiex iħallsu lil avukati u lil esperti, iżda wkoll appoġġ psikosoċjali u mediku għall-impjegati matul dan il-perjodu ta' pressjoni estrema;
11. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jappoġġaw il-fergħat ta' Memorial fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li jipprovdu rifuġju għal NGOs mhedda jew ipprojbiti mir-Russja u jippermettulhom joperaw mit-territorju tal-UE jekk ikun meħtieġ, u jipprovdu viżi ta' emerġenza lill-impjegati ta' Memorial u attivisti mhedda oħrajn sabiex ikunu jistgħu jitilqu mir-Russja u jsibu kenn temporanju fl-UE;
12. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kkoordinata ma' pajjiżi tal-istess fehma biex iżidu l-iskrutinju internazzjonali tal-liġijiet, il-politiki u l-azzjonijiet restrittivi tar-Russja u biex b'mod persistenti jqajmu s-suġġett tar-restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Russi u jikkundannawhom, inkluż permezz ta' interventi ta' livell għoli u pubbliċi, azzjoni kkoordinata, skrutinju sostnut f'fora internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u valutazzjonijiet tal-impatt regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem biex jiġi żgurat li l-involviment mar-Russja ma jdgħajjifx l-objettivi tad-drittijiet tal-bniedem jew jikkontribwixxi direttament jew indirettament għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
13. Iħeġġeġ lill-ambaxxaturi tal-UE u tal-Istati Membri fir-Russja jwettqu żjara ta' solidarjetà konġunta u ppubbliċizzata fl-uffiċċju ta' International Memorial u taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial wara l-eżitu tas-seduti tal-qorti;
14. Jistieden lis-SEAE jkompli jqajjem il-kwistjoni tar-ripressjoni bla waqfien mir-Russja fuq is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media indipendenti, speċjalment il-każ reċenti ta' Memorial, u jibda proċeduri ta' monitoraġġ u evalwazzjoni fil-fora rilevanti kollha, bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u b'mod partikolari jżid ir-ripressjoni persistenti tar-Russja fuq is-soċjetà ċivili fl-aġenda tas-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li tibda f'Frar 2022;
15. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw mill-qrib fuq bażi kontinwa l-impatt tal-liġi dwar l-"aġenti barranin", b'mod partikolari sabiex iżommu rekord dettaljat tal-organizzazzjonijiet u l-individwi ddikjarati bħala "aġenti barranin" u sanzjonati bħala tali, u biex jivvalutaw il-bidliet legali fil-liġi u l-effett tagħhom fuq is-soċjetà ċivili Russa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw b'mod sistematiku t-tħassib dwar il-liġi dwar l-"aġenti barranin" u leġiżlazzjoni restrittiva oħra kontra s-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-laqgħat kollha mar-rappreżentanti Russi, u jistiednu lir-Russja tirrevoka immedjatament il-liġi tagħha dwar l-"aġenti barranin" u tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha mal-impenji internazzjonali tagħha u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
16. Jistieden lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jintegraw il-konsultazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fi kwalunkwe djalogu u qasam ta' involviment bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u r-Russja, u jonoraw l-impenn tagħhom favur l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lil International Memorial u liċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial, u lill-President, lill-Gvern u lid-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.