Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0198/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0198/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa

6.4.2022 - (2022/2571(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0198/2022 (The Left)
B9‑0199/2022 (PPE)
B9‑0202/2022 (Verts/ALE)
B9‑0204/2022 (Renew)
B9‑0205/2022 (S&D)
B9‑0206/2022 (ECR)

Michael Gahler, Željana Zovko, Rasa Juknevičienė, Frances Fitzgerald, David McAllister, Maria da Graça Carvalho, Agnès Evren, David Lega, Ewa Kopacz, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Aušra Maldeikienė, Radosław Sikorski, Tom Vandenkendelaere, Isabel Wiseler‑Lima
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Maria Arena, Tonino Picula, Udo Bullmann, Elena Yoncheva, Maria Noichl, Radka Maxová, Mónica Silvana González
f'isem il-Grupp S&D
Petras Auštrevičius, Abir Al‑Sahlani, Olivier Chastel, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Tineke Strik, Hannah Neumann
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Adam Bielan, Alexandr Vondra, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Bogdan Rzońca, Dominik Tarczyński, Elżbieta Rafalska, Ryszard Czarnecki, Witold Jan Waszczykowski, Carlo Fidanza, Elżbieta Kruk
f'isem il-Grupp ECR
Malin Björk, Idoia Villanueva Ruiz, Cornelia Ernst, Pernando Barrena Arza, Nikolaj Villumsen, Silvia Modig
f'isem il-Grupp The Left
Fabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2022/2571(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0198/2022
Testi mressqa :
RC-B9-0198/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa

(2022/2571(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra t-tħabbira tat-Talibani dwar il-ħolqien tal-gvern interim tal-Afganistan tas-7 ta' Settembru 2021,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2626 (2022) tan-NU tas-17 ta' Marzu 2022 dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Marzu 2022 dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra l-lista tal-finalisti għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew għas-sena 2021,

 wara li kkunsidra l-Jiem tan-Nisa Afgani fil-Parlament Ewropew fl-1 u t-2 ta' Frar 2022,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mal-Afganistan tat-23 ta' Marzu 2022 dwar it-tħabbira min-naħa tat-Talibani biex tiġi estiża l-projbizzjoni mill-edukazzjoni għal studenti bniet mis-sitt grad 'il fuq, u d-dikjarazzjoni relatata tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-23 ta' Marzu 2022,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Marzu 2022 li titlob il-ftuħ mill-ġdid immedjat tal-iskejjel sekondarji għall-bniet,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar ir-Rifuġjati,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

 wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u l-Patt Globali tan-NU dwar ir-Rifuġjati, li segwew id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti adottata unanimament mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016,

 wara li kkunsidra l-linji gwida tematiċi tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ministeru tal-Edukazzjoni tat-Talibani ħabbar f'dikjarazzjoni tal-21 ta' Marzu 2022 li "huwa impenjat lejn id-dritt għall-edukazzjoni taċ-ċittadini kollha tiegħu" u kien qed jaħdem biex "jelimina kull tip ta' diskriminazzjoni";

B. billi l-awtoritajiet de facto tal-Afganistan fil-15 ta' Jannar 2022 wiegħdu li se jippermettu lill-bniet jirritornaw l-iskola fil-livelli kollha wara l-bidu tas-sena skolastika l-ġdida fit-tieni nofs ta' Marzu 2022;

C. billi l-bniet fl-Afganistan kellhom jirritornaw l-iskola fit-23 ta' Marzu 2022; billi t-Talibani estendew b'mod indefinit il-projbizzjoni li l-istudenti nisa jitħallew jattendu s-seba' grad 'l fuq sakemm ikunu jistgħu jiddeċiedu liema uniformijiet huma l-iktar xierqa għall-bniet; billi dan iċaħħad lil iktar minn miljun tifla mill-edukazzjoni fil-livell sekondarju u huwa ksur tad-dritt fundamentali għall-edukazzjoni għat-tfal kollha, kif minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

D. billi l-Afganistan huwa kklassifikat fl-aħħar post fl-Indiċi Globali tan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u b'hekk huwa l-iktar pajjiż perikoluż għan-nisa; billi skont il-Proċeduri Speċjali tan-NU, il-mexxejja Talibani qed jippruvaw ineħħu n-nisa u l-bniet mill-ħajja pubblika permezz ta' diskriminazzjoni sistematika abbażi tal-ġeneru u vjolenza;

E. billi mindu ħadu f'idejhom il-pajjiż fil-15 ta' Awwissu 2021, it-Talibani għalqu l-Ministeru għall-Affarijiet tan-Nisa u stabbilew mill-ġdid lill-eks Ministeru dwar il-Vizzju u l-Virtù; billi t-Talibani abolixxew de facto l-liġijiet kollha infurzati preċedentement, inklużi dawk li jipproteġu lin-nisa, u imponew restrizzjonijiet ħorox fuq l-eżerċizzju, id-dritt għal għaqda paċifika, il-libertà ta' espressjoni u d-dritt tan-nisa għax-xogħol, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa; billi l-Kummissjoni Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afganistan (AIHRC) ilha magħluqa mit-teħid tal-poter mit-Talibani;

F. billi skont direttiva ġdida, in-nisa Afgani ma jistgħux jivvjaġġaw distanzi ta' iktar minn 45 mil (72 km) minn darhom mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn qarib raġel; billi din id-direttiva ssegwi direttiva maħruġa f'Novembru 2021 li pprojbiet lill-istazzjonijiet televiżivi milli jxandru programmi b'atturi nisa;

G. billi l-protesti paċifiċi għad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan qed jitrażżnu bil-forza; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem inħatfu u ma ġiet kondiviża l-ebda informazzjoni dwar fejn jinsabu minkejja l-appelli ripetuti għar-rilaxx tagħhom; billi dawk li nħelsu mill-kustodja għadhom jibżgħu għal ħajjithom;

H. billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġi rrappurtat kuljum, inklużi arresti, detenzjoni, ħtif, tortura, theddid, estorsjoni, qtil ekstraġudizzjarju, u attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tal-familja tagħhom; billi għad hemm nuqqas sħiħ ta' obbligu ta' rendikont għal tali ksur; billi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem ġew affettwati b'mod speċjali; billi l-gruppi ta' minoranza, bħall-komunità Hazara, ġew fil-mira b'mod speċifiku;

I. billi l-faqar wassal biex il-familji Afgani jorganizzaw żwiġijiet u jiġbru doti għal uliedhom u billi kien hemm żieda ta' 500 % fiż-żwiġijiet tat-tfal fl-Afganistan mill-implimentazzjoni tal-projbizzjoni skolastika għall-bniet; billi qabel it-teħid tal-poter mit-Talibani, 35 % tal-bniet kienu miżżewġin qabel l-età ta' 18-il sena, u 9 % qabel l-età ta' 15-il sena;

J. billi l-Afganistan għandu waħda mill-ogħla rati ta' mortalità tat-trabi fid-dinja, fejn eluf ta' nisa qed imutu kull sena minn kawżi relatati mat-tqala li faċilment jistgħu jiġu evitati; billi s-sitwazzjoni soċjoekonomika, li diġà kienet prekarja qabel it-teħid tal-poter mit-Talibani, iddeterjorat b'mod drammatiku taħt l-amministrazzjoni de facto u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, nixfiet severi u xitwa ħarxa;

K. billi l-kriżi umanitarja fl-Afganistan hija waħda mill-kriżijiet li qed jiddeterjoraw l-iktar malajr fid-dinja u qed taffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet; billi kważi 100 % tal-unitajiet domestiċi Afgani mmexxija min-nisa qed jiffaċċjaw nuqqas ta' sigurtà tal-ikel; billi l-politiki l-ġodda introdotti mill-gvern tat-Talibani affettwaw ħafna l-kapaċità tan-nisa li jaqilgħu l-għajxien tagħhom, u dan faqqarhom iktar, filwaqt li ħafna nisa kapijiet ta' unità domestika ntlaqtu b'mod partikolarment iebes;

L. billi skont ir-rapport ta' Marzu 2022 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, iktar minn 1,258 miljun Afgan ħarbu minn pajjiżhom fl-2021, id-doppju ta' dawk li ħarbu f'dawn l-aħħar snin; billi fl-istess ħin, in-numru ta' persuni spustati internament li rritornaw lejn darhom ittrippla, u fl-2021 laħaq rekord ta' 3,06 miljun ritorn; billi fir-reġjun kollu, kważi 5 miljun Afgan għadhom spustati barra mill-pajjiż, u 90 % minnhom huma ospitati fil-Pakistan u fl-Iran;

M. billi skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, 35 % tan-nisa u l-bniet irrappurtaw li ma jħossuhomx sikuri minħabba l-vjolenza abbażi tal-ġeneru meta jfittxu rifuġju fil-pajjiżi ġirien tal-Iran u l-Pakistan; billi 70 % biss tal-bniet huma rreġistrati fi skejjel hemmhekk, meta mqabbla ma' 92 % tas-subien;

N. billi l-UE żiedet l-appoġġ tagħha lill-popolazzjoni billi nediet proġetti li jiswew iktar minn EUR 268,3 miljun li jiffukaw fuq iż-żamma tal-edukazzjoni, is-sostenn tal-għajxien u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika; billi dawn il-proġetti huma parti mill-pakkett globali ta' appoġġ tal-UE ta' EUR 1 biljun imħabbar mill-Kummissjoni f'Ottubru 2021, li jinkludi għajnuna għar-rifuġjati, il-migranti u l-persuni spustati internament u appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

O. billi skont Reporters Without Borders, 231 stabbiliment tal-midja ngħalqu fl-Afganistan, li jammonta għal 40 % tal-ħwienet totali fil-pajjiż; billi 80 % tas-6 400 ġurnalist li tilfu l-impjieg tagħhom huma nisa; billi ġew imposti restrizzjonijiet li jipprojbixxu l-midja lokali u internazzjonali, bħall-BBC, u l-ġurnalisti ġew arrestati, detenuti u msawta;

P. billi s-sanzjonijiet kontra entitajiet u individwi relatati mat-Talibani m'għandhomx jipprevjenu tranżazzjonijiet finanzjarji relatati mal-assistenza umanitarja u l-forniment ta' servizzi bażiċi minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);

Q. billi sal-15 ta' Awwissu 2021, taħt dik li kienet ir-Repubblika tal-Afganistan, in-nisa avvanzaw f'pożizzjonijiet ta' livell għoli bħal Membri tal-Parlament, Ministri, imħallfin, gvernaturi, avukati u ambaxxaturi; billi l-forzi Talibani neħħew bil-forza uffiċjali leġittimi tal-gvern preċedenti u ma inkludewx lin-nisa fil-gvern de facto l-ġdid mhux rikonoxxut tagħhom; billi dawn l-awtoritajiet de facto m'għandhomx rappreżentanza inklużiva tas-soċjetà diversa tal-Afganistan;

R. billi l-aġenziji tal-intelligence wissew li l-Afganistan jeħtieġlu ma jsirx rifuġju sikur għall-gruppi terroristiċi;

1. Huwa mħasseb ħafna dwar il-kriżi umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem li ilha għaddejja fl-Afganistan mit-teħid tal-poter mit-Talibani; itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tal-Afganistan u l-impenn tiegħu fil-konfront tal-poplu Afgan; jisħaq li d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi li l-poplu Afgan gawda matul dawn l-aħħar 20 sena għandhom jiġu rrispettati;

2. Jikkundanna l-fatt li s-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-Afganistan ilha tiddeterjora b'mod kostanti mit-teħid tal-poter mit-Talibani; jikkundanna l-enfasi persistenti tat-Talibani biex ineħħu lin-nisa u lill-bniet mill-ħajja pubblika u jċaħħduhom mill-iktar drittijiet fundamentali tagħhom inkluż d-dritt għall-edukazzjoni, ix-xogħol u l-kura tas-saħħa;

3. Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi, id-deċiżjoni tat-Talibani li jipposponu r-ritorn lejn l-iskola tal-bniet 'l fuq mis-sitt grad b'mod indefinit, minkejja l-impenn preċedenti tagħhom li jippermettu lil kull ċittadin jaċċessa l-edukazzjoni; iħeġġeġ lit-Talibani jreġġgħu lura d-deċiżjonijiet u r-restrizzjonijiet tagħhom immirati speċifikament lejn in-nisa u l-bniet u jiftħu mill-ġdid il-Ministeru għall-Affarijiet tan-Nisa;

4. Jisħaq fuq il-fatt li l-aċċess għall-edukazzjoni għan-nisa u l-bniet jeħtieġ, min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha, jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għal kwalunkwe impenn ulterjuri mal-awtoritajiet Afgani de facto;

5. Jistieden lit-Talibani jżommu l-impenn tagħhom li jiżguraw id-dritt għall-edukazzjoni għaċ-ċittadini Afgani kollha, inklużi n-nisa u l-bniet;

6. Jiddeplora r-repressjoni min-naħa tat-Talibani tal-protesti paċifiċi favur id-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan; jitlob il-ħelsien immedjat tal-uffiċjal tal-pulizija mara Alia Azizi, li ġiet arrestata f'Herat f'Ottubru 2021, kif ukoll il-ħelsien ta' kwalunkwe attivisti oħra tad-drittijiet tan-nisa li jistgħu jiġu arrestati, u li l-intimidazzjoni u l-fastidju ta' dawn l-attivisti jitwaqqfu; jitlob li jintemmu l-fastidji, it-theddid u l-attakki kontra l-għalliema u l-istudenti;

7. Jappella lill-awtoritajiet de facto jiggarantixxu lin-nisa u lill-bniet kollha d-drittijiet sħaħ u l-aċċess għall-kura tas-saħħa riproduttiva madwar l-Afganistan;

8. Jesprimi tħassib serju li mindu t-Talibani ħadu il-poter f'idejhom, in-nisa u l-bniet ġew iffaċċjati b'riskju akbar ta' sfruttament, inkluż ir-riskju li jiġu ttraffikati għall-finijiet ta' żwieġ furzat, sfruttament sesswali u xogħol furzat; jikkundanna l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru;

9. Jistieden lill-awtoritajiet Afgani de facto biex jiffurmaw gvern inklużiv li jinvolvi lin-nisa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija ġdida tal-UE għall-Afganistan li tkun adattata għas-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fil-pajjiż sabiex jiġu promossi b'mod konkret id-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika;

10. Ifakkar li l-UE għandha pożizzjoni soda fir-rigward ta' kwalunkwe impenn politiku mat-Talibani, iggwidata minn parametri referenzjarji tematiċi għal involviment ibbażat fuq il-prinċipji ta' aderenza mad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u l-istat tad-dritt; huwa tal-fehma li, mill-15 ta' Awwissu 2021 'il hawn, kien hemm biss deterjorament f'dawn il-parametri referenzjarji, li ma jista' jiġġustifika ebda rikonoxximent de facto ta' gvern tat-Talibani;

11. Jilqa' r-Riżoluzzjoni 2626 (2022) tan-NU, li ġiet adottata fis-17 ta' Marzu 2022 u li estendiet il-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, jappoġġjaw il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afganistan, inkluż billi jiddjalogaw mal-atturi u l-partijiet ikkonċernati rilevanti Afgani kollha biex jiġi żgurat il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel għall-istudenti bniet kollha mingħajr aktar dewmien;

12. Jieħu nota tat-taħditiet ta' Oslo ta' Jannar 2022 bejn l-uffiċjali Ewropej u dawk tal-Istati Uniti u delegazzjoni tat-Talibani, kif ukoll it-tħassir reċenti min-naħa tal-Istati Uniti tat-Taħditiet ta' Doha b'reazzjoni għad-deċiżjoni tat-Talibani li ma jerġgħux jiftħu l-iskejjel għall-bniet; jenfasizza li kwalunkwe taħditiet nazzjonali ulterjuri mat-Talibani għandhom jinkludu rappreżentanti nisa Afgani;

13. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw u jipproteġu lil dawk li qed jaħarbu mill-Afganistan; itenni l-ħtieġa li jiġi garantit l-istatus ta' avukati nisa Afgani, mexxejja tas-soċjetà ċivili, artisti, atleti u persuni vulnerabbli oħra, speċjalment dawk li ħajjithom tinsab f'riskju, bħall-persuni LGBTQI+; itenni t-talba tiegħu għal programm speċjali dwar il-viżi, skemi ta' risistemazzjoni msaħħa u protezzjoni garantita effettiva għar-rifuġjati Afgani;

14. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi indirizzata l-problema tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa u l-bniet Afgani fil-pajjiżi ospitanti, b'mod partikolari fl-Iran u fil-Pakistan, kif ukoll li jiġi żgurat li jattendu l-iskola, jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jkollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa, inklużi s-servizzi tas-saħħa mentali; ifakkar li r-rifuġjati u dawk fi tranżitu huma partikolarment esposti għar-riskju li jesperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob għalhekk li jiġi allokat finanzjament akbar għall-organizzazzjonijiet u l-aġenziji umanitarji li jwettqu ħidma ta' protezzjoni;

15. Jappella lill-pajjiżi biex itemmu minnufih ir-ritorni ta' individwi lejn l-Afganistan jew lejn pajjiżi terzi fejn jaf ikunu f'riskju li jiġu ritornati lejn l-Afganistan; jitlob monitoraġġ mill-qrib taċ-ċittadini Afgani li diġà ġew ritornati, b'mod partikolari t-tfal;

16. Jikkundanna l-għadd dejjem jikber ta' rapporti ta' qtil, fastidju u intimidazzjoni ta' minoranzi etniċi u reliġjużi;

17. Jinsab imħasseb ħafna li t-Talibani għal darb' oħra qed jipprovdu rifuġju sikur lill-gruppi terroristiċi; jinsisti li t-Talibani u l-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jeħtiġilhom jissodisfaw l-impenji tagħhom kontra t-terroriżmu;

18. Ifakkar fl-istruzzjoni tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iwassal il-messaġġ lit-tmexxija tal-Pakistan li ġġorr responsabbiltà għas-sigurtà u l-istabbiltà fl-Afganistan u li jeħtiġilha tuża l-influwenza tagħha fuq it-Talibani biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, inkluż l-iżgurar tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għan-nisa u l-bniet Afgani;

19. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u tħeġġeġ ir-rwol prattiku kostruttiv tagħhom fis-sistemazzjoni tar-rifuġjati Afgani; jisħaq fuq il-fatt li din il-kooperazzjoni ma għandhiex iddgħajjef id-difiża tal-UE tal-valuri fundamentali u tal-istat tad-dritt;

20. Jenfasizza li l-ħelsien tan-nisa u tal-bniet se jibqa' ma jistax jintlaħaq sakemm tkompli l-katastrofi umanitarja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-fatturi ewlenin tal-kriżi umanitarja li għaddejja billi jagħmlu kull sforz biex jespandu l-assistenza umanitarja, isegwu approċċ sensittiv għall-ġeneru, jerġgħu jistabbilixxu l-likwidità u jżommu servizzi soċjali bażiċi; jitlob it-tneħħija tal-iffriżar tal-assi Afgani u ż-żieda fl-appoġġ finanzjarju għal programmi bħall-assistenza mid-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA), li tiffoka fuq il-ħtiġijiet bażiċi u l-għajxien u l-Fond Fiduċjarju tal-Bank Dinji għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan; jissottolinja li l-finanzjament umanitarju għandu jsir aċċessibbli b'mod flessibbli permezz ta' sistema bankarja li tiffunzjona u għandu jiġi pprovdut lil NGOs kredibbli u lil organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità li joperaw fl-Afganistan, inklużi organizzazzjonijiet lokali tan-nisa;

21. Jieħu nota tal-preżenza stabbilita mill-ġdid fuq il-post tad-Delegazzjoni tal-UE f'Kabul għall-fini tal-koordinazzjoni tal-għajnuna umanitarja u l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni umanitarja; jissottolinja bil-qawwa li dan ma jikkostitwixxix rikonoxximent tar-reġim tat-Talibani mill-UE;

22. Jiddispjaċih għall-fatt li, fil-31 ta' Marzu 2022, id-donaturi internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, wiegħdu biss USD 2,44 biljun b'rispons għall-appell tan-NU ta' USD 4,4 biljun għall-Pjan ta' Rispons Umanitarju 2022 tagħha biex tingħata għajnuna umanitarja fl-Afganistan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni talloka fondi adegwati u speċifiċi, u timplimenta, il-programmi u l-proġetti tad-drittijiet tan-nisa bħala parti minn impenn komprensiv u fit-tul għall-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan;

23. Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' aċċess umanitarju mingħajr xkiel biex jiġi żgurat li l-fondi impenjati jilħqu tassew lil dawk affettwati; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrevedu u jaġġustaw il-miżuri attwali kif xieraq; ifakkar li l-għajnuna umanitarja trid tkun newtrali, imparzjali, umana u indipendenti u qatt ma għandha tkun soġġetta għal ebda kundizzjonalità; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwasslu b'mod konsistenti l-messaġġ li l-għoti ta' assistenza umanitarja mhuwiex kundizzjonali fuq il-ħames parametri referenzjarji tal-Kunsill għall-interazzjoni mat-Talibani;

24. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fid-dawl tal-Avveniment ta' Livell Għoli b'Appell għal Wegħdiet ta' Donazzjonijiet tan-NU dwar l-Appoġġ għar-Rispons Umanitarju fl-Afganistan, li sar fil-31 ta' Marzu 2022, biex jieħdu passi ulterjuri bil-għan li l-għajnuna umanitarja ssir aktar trasparenti u effettiva; iqis, għalhekk, li huwa essenzjali li jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzjament umanitarju permezz ta' sistema bankarja funzjonali sabiex jiġu pprovduti fondi lil NGOs affidabbli li jaħdmu fil-pajjiż;

25. Ifaħħar il-qlubija tal-bniet u n-nisa li jieħdu sehem fil-protesti; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiddjalogaw mal-awtoritajiet de facto tal-Afganistan biex jitolbu informazzjoni dwar l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa li huma maħsuba li ġew detenuti u sparixxew, u jitolbu l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom; jitlob li t-Talibani jwaqqfu minnufih dawn il-prattiki arbitrarji u extraġudizzjarji u jiżguraw il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' espressjoni;

26. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ tagħhom lill-attivisti tad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan u jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jiżguraw li tinżamm ir-responsabbiltà għall-ksur permezz ta' promozzjoni privata u pubblika dwar każijiet individwali;

27. Jitlob li r-Rapporteur Speċjali l-ġdid dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan jingħata biżżejjed fondi, għarfien espert u appoġġ diplomatiku biex iwettaq il-mandat tiegħu; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti b'mandat pluriennali u riżorsi adegwati biex tiddokumenta, tirrapporta u tiġbor evidenza ta' ksur, inkluż ksur tad-drittijiet tan-nisa;

28. Jilqa' t-tnedija tal-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-ewwel Konferenza Internazzjonali tan-Nisa Afgani sabiex isemmgħu leħinhom fl-Afganistan u internazzjonalment, jibnu mill-ġdid in-networks tan-nisa u jappoġġjaw il-ħidma tal-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani b'mod aktar inklużiv; jappoġġja l-istabbiliment tal-Università Online għall-Afgani f'Eżilju, b'appoġġ finanzjarju mill-UE;

29. Jistieden lill-membri parlamentari Afgani, lill-eks uffiċjali tal-gvern u lill-attivisti tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb għas-sena 2021, jinvolvu ruħhom b'mod attiv mad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Afganistan, il-kumitati rilevanti u korpi oħra fi sforz biex jiġi żgurat li l-politika tal-UE b'appoġġ għall-Afganistan twieġeb għall-ħtiġijiet tal-poplu Afgan;

30. Jappoġġja t-talbiet tas-soċjetà ċivili Afgana, b'mod partikolari dawk tal-parteċipanti fil-Jiem tan-Nisa Afgani fil-Parlament Ewropew, biex il-gvern de facto tat-Talibani jinżamm responsabbli għal reati preċedenti u biex l-atroċitajiet li wettaq ma jintesewx;

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Membri tal-Assemblea Nazzjonali Afgana, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-uffiċċju politiku tat-Talibani f'Doha.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' April 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza