Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0339/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0339/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-vetoes nazzjonali biex jiġi mminat il-ftehim globali dwar it-taxxa

4.7.2022 - (2022/2734(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0339/2022 (PPE)
B9‑0340/2022 (Renew)
B9‑0342/2022 (Verts/ALE)
B9‑0344/2022 (S&D)

Luděk Niedermayer, Markus Ferber
f'isem il-Grupp PPE
Aurore Lalucq, Jonás Fernández, Paul Tang
f'isem il-Grupp S&D
Gilles Boyer
f'isem il-Grupp Renew
Kira Marie Peter‑Hansen, Claude Gruffat
f'isem il-Grupp Verts/ALE
José Gusmão, Manon Aubry, Martin Schirdewan


Proċedura : 2022/2734(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0339/2022
Testi mressqa :
RC-B9-0339/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-vetoes nazzjonali biex jiġi mminat il-ftehim globali dwar it-taxxa

(2022/2734(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Titolu III u l-Artikoli 113, 115,116 u 326 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Qafas Inklużiv tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)/G20 dwar l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (BEPS) bit-titolu "Soluzzjoni b'Żewġ Pilastri biex jiġu indirizzati l-Isfidi tat-Taxxa li jirriżultaw mid-Diġitalizzazzjoni tal-Ekonomija", li aderew u qablu magħha 137 membru minn 141 fl-4 ta' Novembru 2021,

 wara li kkunsidra l-Qafas Inklużiv dwar ir-regoli mudell għall-implimentazzjoni domestika tal-Pilastru II tal-BEPS,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2021 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi multinazzjonali fl-Unjoni (COM(2021)0823),

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi multinazzjonali fl-Unjoni[1],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2019 bit-titolu "Lejn teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE" (COM(2019)0008),

 wara li kkunsidra l-analiżi tal-Osservatorju tat-Taxxa tal-UE tal-25 ta' Ottubru 2021 intitolat "Revenue effects of the global minimum tax: country-by-country estimates" (L-effetti tad-dħul mit-taxxa minima globali: stimi għal kull pajjiż),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-5 ta' April 2022 u l-eżitu tal-laqgħa tas-17 ta' Ġunju 2022,

 wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u r-riżoluzzjoni tagħha tal-4 ta' Mejju 2022 dwar is-segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 bit-titolu "It-tassazzjoni diġitali: in-negozjati tal-OECD, ir-residenza tat-taxxa tal-kumpaniji diġitali u l-eventwalità ta' Taxxa Diġitali Ewropea"[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2022 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta' rkupru (segwitu tal-PE għall-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ta' Lulju u l-25 inizjattiva tiegħu fil-qasam tal-VAT, it-tassazzjoni tal-intrapriżi u tal-individwi)[4],

 wara li kkunsidra l-istudju tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) tal-25 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Taxing Multinationals in Europe" (L-Intaxxar ta' Intrapriżi Multinazzjonali fl-Ewropa),

 wara li kkunsidra l-aħħar stimi tal-FMI fil-Monitoraġġ Fiskali ta' April 2022,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi[5],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-4 ta' Novembru 2021, 137 minn 141 membru tal-Qafas inklużiv dwar il-BEPS tal-OECD/G20, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, qablu dwar ir-riforma tas-sistema tat-taxxa internazzjonali permezz ta' soluzzjoni b'żewġ pilastri biex jiġu indirizzati l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, inkluż li jiġu imposti limiti miftiehma b'mod multilaterali fuq it-trasferiment tal-profitti  u l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa bl-introduzzjoni ta' rata minima globali ta' 15 %; billi l-ftehim huwa r-riżultat ta' kompromess wiesa' u l-eżitu ta' diversi ċikli ta' negozjati li seħħew matul diversi snin;

B. billi l-implimentazzjoni tar-rata tat-taxxa minima globali taħt din ir-riforma b'żewġ pilastri tkun tfisser li l-pajjiżi jiġbru madwar USD 150 biljun fi dħul ġdid kull sena[6]; billi l-ftehim storiku milħuq fil-laqgħa tal-Qafas Inklużiv dwar il-BEPS tal-OECD/G20 f'Ottubru 2021, li jgawdi minn appoġġ wiesa' minn pajjiżi li jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-ekonomija globali, huwa suċċess politiku kbir li jeħtieġ li jiġi implimentat malajr u b'mod wiesa' biex jinbidel f'suċċess soċjali u ekonomiku u titrawwem tassazzjoni ġusta;

C. billi skont l-aħħar stimi tal-FMI, it-taxxa minima hija stmata li żżid id-dħul mit-taxxa korporattiva globali b'5,7 % permezz tat-taxxa kumplimentari u potenzjalment b' 8,1 % oħra permezz tal-limiti mifthiema fuq it-trasferimenti tal-profitti u l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa[7];

D. billi l-UE waħedha tista' żżid id-dħul mit-taxxa korporattiva b'madwar EUR 64 biljun fis-sena bl-impożizzjoni ta' rata tat-taxxa korporattiva effettiva minima ta' 15 % skont il-Pilastru II ta' dan il-ftehim globali[8];

E. billi l-kwistjonijiet tat-taxxa fl-Unjoni huma soġġetti għal proċedura leġiżlattiva speċjali u jiġu deċiżi bl-unanimità fil-Kunsill; billi l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2021 biex jiġi implimentat il-Pilastru II tal-Qafas Inklużiv għandha bħala l-bażi tagħha l-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

F. billi l-pajjiżi kollha tal-OECD u tal-G20, inklużi s-27 Stat Membru kollha tal-UE, laqgħu l-ftehim għar-riforma tar-regoli tat-taxxa internazzjonali f'Ottubru 2021;

G. billi, minkejja dan l-impenn, l-adozzjoni ta' direttiva tal-UE li ssostni u timplimenta l-Pilastru II ta' dan il-ftehim internazzjonali (id-Direttiva tal-Pilastru II) falliet tliet darbiet fil-konfigurazzjoni Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) tal-Kunsill, minħabba n-nuqqas li tinkiseb l-unanimità;

H. billi, fin-negozjati tal-Kunsill, il-Polonja invokat il-veto nazzjonali tagħha biex tipprevjeni l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Pilastru II madwar l-Unjoni, minkejja li hija appoġġata minn kull wieħed mis-26 Stat Membru l-ieħor; billi l-Polonja aktar tard waqqgħet l-oppożizzjoni tagħha;

I. billi l-Ungerija, minkejja li qablet mal-implimentazzjoni tad-direttiva fil-laqgħat preċedenti tal-ECOFIN, invokat il-veto tagħha fl-ECOFIN ta' Ġunju 2022 wara l-irtirar tal-veto li ilu jeżisti min-naħa tal-Polonja;

J. billi d-dħul pubbliku li jirriżulta mill-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Pilastru II fl-UE jkun partikolarment sinifikanti fid-dawl tal-impatt bla preċedent tal-kombinazzjoni tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, it-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista globali, u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija u l-investimenti meħtieġa sabiex jinkisbu l-miri tal-UE dwar il-klima;

K. billi saru ħafna tentattivi matul l-aħħar ftit deċennji biex tiġi stabbilita rata tat-taxxa korporattiva minima fl-Unjoni;

L. billi l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kopra proposti dwar il-politiki fiskali u tat-tassazzjoni, kif ippreżentati fir-rapport relattiv tad-9 ta' Mejju 2022;

M. billi l-involviment tal-Parlament Ewropew permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jsaħħaħ it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-tassazzjoni u jwassal għal eżiti aktar effettivi, rilevanti u ambizzjużi għall-politika tat-tassazzjoni tal-UE;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1. Jafferma li r-regoli internazzjonali eżistenti dwar it-taxxa huma fil-biċċa l-kbira skaduti u ma jistgħux jindirizzaw id-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomija u jrażżnu b'mod effettiv l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għar-riforma tar-regoli permezz tal-adozzjoni tal-ftehim globali dwar it-taxxa tal-OECD/G20, biex jiġi żgurat li s-sistemi tat-taxxa internazzjonali, tal-UE u nazzjonali jkunu adatti għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi l-ġodda tas-seklu 21;

2. Jinnota bi tħassib kbir il-frammentazzjoni tar-rati tat-taxxa korporattiva nazzjonali fl-UE, li jista' jkollha effett ta' distorsjoni fuq is-suq uniku u tagħmel ħsara lill-ekonomija tal-UE; jieħu nota, barra minn hekk, tat-tnaqqis kontinwu tar-rati medji tat-taxxa korporattiva fl-UE matul dawn l-aħħar deċennji; itenni l-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita bażi tat-taxxa wiesgħa u li jitnaqqas l-ispazju għall-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-ftehim OECD/G20 fil-livell tal-UE;

3. Jenfasizza li r-regoli eżistenti tat-taxxa u d-diskrepanzi bejn ir-regoli tat-taxxa madwar l-Istati Membri u lil hinn, flimkien ma' nuqqas ta' kooperazzjoni internazzjonali, fost kwistjonijiet oħra, qed jippermettu lill-intrapriżi multinazzjonali jinvolvu ruħhom fi ppjanar aggressiv tat-taxxa li jnaqqas b'mod sinifikanti r-rati tat-taxxa effettivi tagħhom; ifakkar li din is-sitwazzjoni tpoġġi wkoll lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti, peress li qed iħallsu rati tat-taxxa effettivi notevolment ogħla meta mqabbla mal-intrapriżi multinazzjonali, fatt li mhuwiex aċċettabbli;

4. Jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu adottata reċentement dwar id-Direttiva tal-Pilastru II, li titlob implimentazzjoni rapida sa Jannar 2023;

5. Jissottolinja li t-talbiet irrapportati tal-Ungerija, b'mod partikolari fir-rigward tal-konċessjonijiet ibbażati fuq is-sustanzi, diġà tqiesu fil-biċċa l-kbira tagħhom fil-ftehim internazzjonali;

6. Ifakkar lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, fl-impenn tagħhom favur il-Patt Globali tal-OECD; jisħaq li ftehim implimentat malajr u b'mod estensiv se jkun deċiżiv għas-suċċess globali tal-proċess; jisħaq fuq l-importanza għall-UE li tieħu rwol ta' tmexxija globali fil-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali billi tkun l-ewwel reġjun li jimplimenta l-ftehim tal-OECD; jisħaq fuq ir-riskji ta' u assoċjati man-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Pilastru II fl-UE; jissottolinja li n-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Pilastru II mill-UE jista' jipperikola l-implimentazzjoni tal-Pilastru II mill-Istati Uniti u ġurisdizzjonijiet oħra;

Il-proċess attwali tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-impatt tal-vetoes nazzjonali

7. Ifakkar lill-Istati Membri li l-unanimità hekk kif tidher fit-Trattati jeħtieġ li tkun kontrobilanċjata b'livell għoli ħafna ta' responsabbiltà u trid tkun konformi mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bbażat fuq l-Artikolu 4(3) tat-TUE;

8. Jisħaq li l-votazzjoni b'unanimità fil-Kunsill dwar il-politika tat-tassazzjoni ma twassalx għall-introduzzjoni tal-bidliet meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali; jiddispjaċih li s-sitwazzjoni attwali spiss twassal għal dewmien u nuqqas ta' progress fl-armonizzazzjoni tar-regoli tat-taxxa madwar l-Unjoni li jkunu ta' ġid għal kulħadd;

9. Jissottolinja li l-vetoes nazzjonali xekklu b'mod konsistenti l-progress f'ħafna oqsma importanti tat-tassazzjoni; jiddeplora l-fatt li l-proposti bħall-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK), ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties u r-riforma tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi baqgħu mblukkati fil-Kunsill;

10. Jikkundanna l-fatt li ċerti Stati Membri abbużaw mill-veto nazzjonali fi kwistjonijiet ta' tassazzjoni biex jiksbu konċessjonijiet f'oqsma oħra ta' politika; jisħaq li l-eżistenza ta' dawn il-vetoes thedded li tipperpetwa prattiki dwar it-taxxa dannużi u inġustizzja soċjali li jimminaw il-kapaċità tal-Unjoni li tiffunzjona b'mod effettiv, trawwem kundizzjonijiet ekwi u tipproteġi l-aħjar interessi taċ-ċittadini u l-SMEs tagħha;

Rakkomandazzjonijiet għal azzjoni u oqsma għal riforma

11. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jadotta malajr id-Direttiva tal-Pilastru II biex jiżgura li l-ftehim ikun effettiv sa Jannar 2023;

12. Iħeġġeġ lill-Ungerija ttemm minnufih l-imblukkar tal-ftehim globali dwar it-taxxa fil-Kunsill; jiddeplora l-fatt li Stat Membru wieħed għandu l-kapaċità li jżomm wieqfa kemm l-implimentazzjoni ta' tali ftehim storiku kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ma jinvolvux ruħhom f'negozjar politiku ma' Stati Membri li jabbużaw mill-vetoes nazzjonali tagħhom;

14. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinsistu fuq il-kundizzjonalità miftiehma tal-politiki tal-UE u t-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet u biex joqogħdu lura milli japprovaw il-pjan nazzjonali Ungeriż għall-irkupru u r-reżiljenza sakemm l-Ungerija tkun ikkonformat bis-sħiħ mal-kriterji kollha stabbiliti fir-regolament, b'mod partikolari mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qasam tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi, tal-kunflitti ta' interess u tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontrihom;

15. Jisħaq li x-xenarji kollha possibbli għandhom jibqgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest attwali, u li għandha tittieħed azzjoni malajr jekk l-Ungerija tippersisti bil-veto nazzjonali tagħha fix-xhur li ġejjin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jesploraw għażliet alternattivi li jippermettu lill-UE tonora l-impenji li ħadet fil-livell tal-OECD/G20;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirriflettu dwar miżuri potenzjali fuq terminu qasir biex jippermettu lill-UE tissodisfa l-impenji internazzjonali tagħha, bħad-determinazzjoni ta' jekk ikunx xieraq, bħala l-aħħar miżura, li jiġi implimentat il-ftehim globali dwar it-taxxa permezz tal-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa stabbilita fl-Artikolu 20 tat-TUE; jikkunsidra, f'każ li ma jkun jista' jintlaħaq l-ebda ftehim dwar alternattivi oħra għall-implimentazzjoni fil-livell tal-UE, li l-implimentazzjoni unilaterali tad-Direttiva tal-Pilastru II mill-Istati Membri kollha twassal għal riżultati aċċettabbli;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-proċedura dwar ċerti politiki tat-tassazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 116 tat-TFUE, jekk ikun xieraq; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-manifest ta' Ursula von der Leyen mill-kandidatura tagħha għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni, li kien jinkludi impenn li tagħmel "użu mill-klawżoli fit-Trattati li jippermettu li l-proposti fuq it-tassazzjoni jiġu adottati permezz tal-kodeċiżjoni u deċiżi b'votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill";

18. Ifakkar fid-diskors tal-ex President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker dwar l-istat tal-Unjoni tal-2018, li fih appella għal sistema ta' maġġoranza kwalifikata għal ċerti kwistjonijiet ta' tassazzjoni;

19. Jisħaq li, fit-tul, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-valur miżjud tat-tranżizzjoni għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata, kif irrakkomandat mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tniedi mill-ġdid id-diskussjoni dwar l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'xi kwistjonijiet tat-taxxa permezz ta' approċċ gradwali, bħala segwitu għall-komunikazzjoni tagħha tal-2019 dwar il-kwistjoni, u bħala tweġiba għall-eżitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

°

° °

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Lulju 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza