Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0388/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0388/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-deportazzjoni furzata ta' ċivili Ukreni lejn ir-Russja u tal-adozzjoni furzata ta' tfal Ukreni fir-Russja

14.9.2022 - (2022/2825(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0388/2022 (Verts/ALE)
B9‑0390/2022 (S&D)
B9‑0399/2022 (Renew)
B9‑0402/2022 (ECR)
B9‑0407/2022 (PPE)

Željana Zovko, Michaela Šojdrová, Ewa Kopacz, Gheorghe Falcă, Eugen Tomac, Rasa Juknevičienė, Tomáš Zdechovský, Radosław Sikorski, David McAllister, Magdalena Adamowicz, Sara Skyttedal, Antonio López‑Istúriz White, Tom Vandenkendelaere, Peter Pollák, José Manuel Fernandes, Adam Jarubas, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Vangelis Meimarakis, Paulo Rangel, Christian Sagartz, Krzysztof Hetman, Inese Vaidere, Sandra Kalniete, Seán Kelly, Benoît Lutgen, Vladimír Bilčík, Stelios Kympouropoulos, Loránt Vincze, Miriam Lexmann, Andrius Kubilius, Michael Gahler, Isabel Wiseler‑Lima, Ivan Štefanec, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Arba Kokalari, Janina Ochojska, Romana Tomc, Andrey Kovatchev, Andrzej Halicki, Jerzy Buzek, Traian Băsescu
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Andrea Cozzolino, Evin Incir, Raphaël Glucksmann, Radka Maxová, Juozas Olekas
f'isem il-Grupp S&D
Petras Auštrevičius, Nicola Beer, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Urmas Paet, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Viola von Cramon‑Taubadel
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Karol Karski, Jadwiga Wiśniewska, Witold Jan Waszczykowski, Jacek Saryusz‑Wolski, Alexandr Vondra, Ladislav Ilčić, Beata Kempa, Elżbieta Kruk, Assita Kanko, Valdemar Tomaševski, Tomasz Piotr Poręba, Hermann Tertsch, Roberts Zīle, Zbigniew Kuźmiuk, Adam Bielan, Dominik Tarczyński, Andżelika Anna Możdżanowska, Beata Mazurek, Eugen Jurzyca, Angel Dzhambazki, Bogdan Rzońca, Elżbieta Rafalska, Ryszard Czarnecki, Patryk Jaki, Veronika Vrecionová, Nicola Procaccini
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo, Carlo Fidanza


Proċedura : 2022/2825(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0388/2022
Testi mressqa :
RC-B9-0388/2022
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-deportazzjoni furzata ta' ċivili Ukreni lejn ir-Russja u tal-adozzjoni furzata ta' tfal Ukreni fir-Russja

(2022/2825(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' April[1], tal-5 ta' Mejju[2] u tad-19 ta' Mejju[3] 2022,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' The Hague,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli anċillari tagħhom,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u l-protokolli addizzjonali tagħha,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukrajna tat-30 ta' Mejju 2022,

 wara li kkunsidra r-rapporti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar il-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali li jikkonċerna d-drittijiet tal-bniedem, u dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqa fl-Ukrajna fit-13 ta' April 2022 u fl-14 ta' Lulju 2022,

 wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament tal-Ukrajna,

 wara li kkunsidra d-diskussjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-7 ta' Settembru 2022 dwar l-ispostament u d-deportazzjoni furzati taċ-ċittadini Ukreni, kif ukoll l-adozzjonijiet furzati ta' tfal Ukreni fir-Russja,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch "'We Had No Choice': 'Filtration' and the Crime of Forcibly Transferring Ukrainian Civilians to Russia" ("Ma Kellna l-Ebda Għażla": "Filtrazzjoni" u d-Delitt ta' Trasferiment bil-Forza ta' Ċivili Ukreni lejn ir-Russja"tal-1 ta' Settembru 2022,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Federazzjoni Russa bdiet mill-ġdid gwerra ta' aggressjoni mhux ipprovokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022; billi r-Russja wettqet ksur massiv u serju tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa tagħha tal-Ukrajna, inklużi l-qtil tal-massa ta' ċivili u priġunieri tal-gwerra, it-tortura, il-vjolenza sesswali, l-għajbien furzat, id-deportazzjoni furzata, is-sakkeġġ u t-tfixkil tal-evakwazzjoni u tal-konvojs umanitarji, li kollha kemm huma pprojbiti skont id-dritt internazzjonali u jridu jiġu pproċessati;

B. billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament tal-Ukrajna (Ombudsman) jistma li mill-24 ta' Frar 2022 aktar minn 1 miljun Ukren ġew deportati bil-forza lejn il-Federazzjoni Russa, ħafna drabi sal-Lvant Imbiegħed tar-Russja; billi sorsi differenti jindikaw li dawn in-numri huma sottovalutati, bl-ogħla stimi jpoġġu n-numri għal 2.5 miljun, u li n-numri qed jiżdiedu b'mod kostanti; billi d-deportazzjonijiet furzati mill-Ukrajna, iffaċilitati mill-hekk imsejħa "kampijiet ta' filtrazzjoni", juru paralleli storiċi qawwija ma' deportazzjonijiet Sovjetiċi furzati tal-massa u ma' kampijiet ta' konċentrament tal-Gulag; billi trasferiment furzat huwa delitt tal-gwerra u delitt potenzjali kontra l-umanità;

C. billi d-deportazzjoni furzata fuq skala kbira ta' ċivili Ukreni lejn il-Federazzjoni Russa ġiet identifikata minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OSKE u n-NU bħala wieħed mill-aktar ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

D. billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) ivverifika l-eżistenza tal-hekk imsejħa "filtrazzjoni", li tinvolvi skrinjar tas-sigurtà fuq skala kbira, obbligatorju, punittiv u abbużiv li rriżulta f'diversi ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra ċittadini Ukreni; billi ċ-ċivili Ukreni ġew intervistati b'mod effettiv hekk kif stennew li jgħaddu minn dan il-proċess, li varja fit-tul minn ftit sigħat għal kważi xahar; billi matul il-"filtrazzjoni", iċ-ċittadini Ukreni huma soġġetti għal interrogazzjoni dettaljata, tiftix fuq il-ġisem, xi drabi l-involviment ta' nudità furzata, u tortura; billi f'ċirkostanzi bħal dawn, in-nisa u l-bniet Ukreni huma f'riskju ta' sfruttament sesswali;

E. billi l-proċess ta' "filtrazzjoni" huwa sistematiku u jirrappreżenta eżerċizzju ta' ġbir tad-data illegali tal-massa, u li dan jipprovdi lill-awtoritajiet Russi b'ammonti kbar ta' data personali dwar iċ-ċivili Ukreni, inkluża d-data bijometrika tagħhom; billi dan huwa ksur ċar tad-dritt għall-privatezza u jista' jpoġġi lil dawk soġġetti għalih f'riskju li jkunu fil-mira fil-futur;

F. billi matul dan il-proċess, l-awtoritajiet Russi spiss jikkonfiskaw passaporti Ukreni u jġiegħlu lill-Ukreni jiffirmaw ftehimiet biex jibqgħu fir-Russja, u b'hekk ifixklu l-kapaċità tagħhom li jirritornaw lejn pajjiżhom, fi sforz apparenti biex tinbidel l-għamla demografika tal-Ukrajna; billi, minbarra d-deportazzjonijiet u l-adozzjonijiet furzati, ir-Russja fil-kunċett ġeopolitiku tagħha ta' "Russkij mir" ("id-dinja Russa") fit-territorji okkupati tal-Ukrajna qed twettaq Russifikazzjoni aċċellerata;

G. billi ċ-ċittadini Ukreni li "jfallu" l-proċess ta' "filtrazzjoni" jinżammu u jiġu trasferiti lejn iċ-ċentri ta' detenzjoni u l-kolonji penali Russi, u huma jinsabu f'riskju ta' ħsara serja, inklużi tortura u trattament ħażin, jew qed jisfgħu vittmi ta' għajbien furzat; billi l-OHCHR iddokumenta rapporti kredibbli ta' tfal separati mill-familji tagħhom meta l-adult li jakkumpanjahom ma għaddiex mill-proċess ta' "filtrazzjoni";

H. billi t-tfal li qed jaħarbu mill-gwerra, speċjalment meta ma jkunux akkumpanjati, jinsabu f'riskju akbar ta' vjolenza, abbuż u sfruttament, kif ukoll li jgħibu u jisfgħu vittmi tat-traffikar, speċjalment meta jiċċaqilqu bejn il-fruntieri, u l-bniet b'mod partikolari huma f'riskju ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

I. billi l-Ombudsman Ukren, fit-3 ta' Settembru 2022, iddikjara li aktar minn 200 000 tifel u tifla kienu diġà ttieħdu bil-forza fil-Federazzjoni Russa bl-intenzjoni li jsiru disponibbli għall-adozzjoni mill-familji Russi u setgħu jivverifikaw iċ-ċirkostanzi tad-deportazzjoni furzata ta' 7 000 tifel u tifla Ukreni; billi l-awtoritajiet Russi qed jisseparaw b'mod deliberat lit-tfal Ukreni mill-ġenituri tagħhom u qed jaħtfu oħrajn minn orfanatrofji, istituzzjonijiet oħra tat-tfal u sptarijiet qabel ma jressquhom għall-adozzjoni fir-Russja; billi din l-azzjoni mill-Federazzjoni Russa hija ta' natura sistematika u fuq skala kbira, u tinkludi l-qerda tar-rekords personali tal-persuni deportati, fost reati oħra;

J. billi l-Ukrajna ħolqot il-portal "Tfal tal-Gwerra" biex tippermetti lill-ġenituri ta' tfal mitlufa, spostati u deportati jikkondividu d-data kollha disponibbli;

K. billi ladarba t-tfal ikunu fir-Russja stess jew fit-territorji okkupati minnha, il-proċess ta' tluq jew ta' għaqda mill-ġdid mal-kustodji tagħhom huwa tassew kumpless; billi mingħajr proċeduri formali fis-seħħ għar-ritorn tat-tfal Ukreni lejn l-Ukrajna jew għar-riunifikazzjoni tagħhom mal-kustodji u l-indokraturi tagħhom, il-proċess fil-biċċa l-kbira jaqa' fuq individwi b'appoġġ minn voluntiera lokali, NGOs u negozjati permezz ta' mezzi informali;

L. billi fil-25 u fit-30 ta' Mejju 2022, il-President Vladimir Putin iffirma digrieti li jissimplifikaw il-proċedura għall-għoti taċ-ċittadinanza Russa liċ-ċittadini Ukreni, inklużi tfal mingħajr kura tal-ġenituri, u għall-adozzjoni tat-tfal Ukreni mill-familji Russi, u b'hekk kompla jikkomplika r-ritorn tagħhom lejn l-Ukrajna u jiffaċilita l-proċess ta' assimilazzjoni sfurzata tat-tfal Ukreni; billi mijiet ta' tfal Ukreni minn dak iż-żmien 'l hawn irċevew ċittadinanza Russa u ntbagħtu lil ġenituri ġodda fir-reġjuni differenti tar-Russja;

M. billi d-dritt internazzjonali jipprojbixxi b'mod inekwivoku d-deportazzjoni f'territorju okkupat jew minn territorju okkupat lejn it-territorju tal-poter okkupanti, li jikkostitwixxi ksur serju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-QKI; billi d-dritt u l-prattika internazzjonali jipprojbixxu l-adozzjoni matul jew immedjatament wara l-emerġenzi; billi l-Ukrajna adottat moratorju fuq l-adozzjonijiet bejn il-pajjiżi fil-bidu tal-gwerra; billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra jipprojbixxu l-poteri okkupanti milli jbiddlu l-istatus personali tat-tfal, inkluża n-nazzjonalità tagħhom;

N. billi skont l-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, it-trasferiment furzat tat-tfal minn grupp għal ieħor, bl-intenzjoni li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż, jikkostitwixxi ġenoċidju;

O. billi l-anzjani, il-persuni b'diżabilità u gruppi vulnerabbli oħra jidhru li jinsabu f'riskju partikolari li jinqabdu fiż-żoni okkupati mir-Russja jew fir-Russja, peress li spiss jitqiegħdu kontra r-rieda tagħhom f'faċilitajiet bħad-djar tal-kura li jinsabu fir-Russja jew fiż-żoni okkupati mir-Russja; billi dawn il-faċilitajiet huma istituzzjonijiet magħluqa, u t-tqegħid ta' persuni vulnerabbli hemmhekk jimmina b'mod fundamentali d-dritt tagħhom għal-libertà tal-moviment;

P. billi ċ-ċittadini Ukreni li sabu ruħhom fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet sinifikanti, bħan-nuqqas ta' mezzi ta' sussistenza, l-inabbiltà li jiskambjaw l-hryvnia tal-Ukrajna jew li jiġbdu fondi bl-użu ta' kards tal-bank, nuqqas ta' ħwejjeġ u oġġetti iġjeniċi, u n-nuqqas ta' kapaċità li jikkuntattjaw lill-qraba; billi ċ-ċivili Ukreni qed jiġu rilokati bil-forza f'żoni ekonomikament batuti jew iżolati fir-Russja, ħafna drabi fis-Siberja, u jitħallew mingħajr ebda mezz ta' ritorn; billi dawk li jippruvaw jitilqu mir-Russja spiss iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jaqsmu mir-Russja minħabba li ma għandhomx dokumenti ta' identifikazzjoni xierqa, ikunu ħallewhom l-Ukrajna meta ħarbu mill-gwerra jew li ġew ikkonfiskati lilhom mill-awtoritajiet Russi;

Q. billi narrattiva distorta tat-Tieni Gwerra Dinjija tinsab fl-għeruq tal-propaganda tal-Kremlin li tiġġustifika l-gwerra ta' aggressjoni li r-Russja wettqet illum kontra l-Ukrajna;

1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment attiv tal-Belarussja f'din il-gwerra, u jeżiġi li r-Russja ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira mingħajr ebda kundizzjoni l-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut internazzjonalment; jesprimi s-solidarjetà assoluta tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, jappoġġa bis-sħiħ l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u jissottolinja li din il-gwerra tikkostitwixxi ksur serju tal-liġi internazzjonali;

2. Jikkundanna bil-qawwa l-atroċitajiet irrappurtati mwettqa mill-Forzi Armati Russi, ir-rappreżentanti tagħhom u d-diversi awtoritajiet ta' okkupazzjoni, b'mod partikolari d-deportazzjoni bil-forza ta' ċivili Ukreni, inkluż tfal, lejn ir-Russja, kif ukoll il-prattiki waħxija tar-Russja fl-hekk imsejħa "kampijiet ta' filtrazzjoni" fejn il-familji jiġu sseparati u dawk li huma meqjusa "inaffidabbli" jisparixxu;

3. Jistieden lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali u twaqqaf minnufih id-deportazzjoni furzata u t-trasferiment bil-forza ta' ċivili Ukreni lejn ir-Russja u t-territorji okkupati minnha, kif ukoll it-trasferimenti furzati kollha ta' tfal lejn it-territorji okkupati mir-Russja u l-Federazzjoni Russa, u twaqqaf ukoll kwalunkwe adozzjoni bejn il-pajjiżi ta' tfal trasferiti mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna; jistieden lir-Russja tirrevoka l-leġiżlazzjoni kollha li tiffaċilita l-adozzjoni tat-tfal Ukreni;

4. Jenfasizza l-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej, inkluż il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), ikollhom aċċess bla xkiel biex iżuru l-kampijiet ta' "filtrazzjoni" u postijiet oħra fejn jinsabu ċ-ċittadini Ukreni wara t-trasferiment tagħhom lejn ir-Russja u t-territorji okkupati minnha, jimmonitorjaw dawk il-faċilitajiet u jassistu kemm lil dawk iċ-ċittadini Ukreni li jixtiequ jirritornaw fit-territorju tal-Ukrajna biex ikunu jistgħu jagħmlu dan, kif ukoll lil dawk iċ-ċittadini Ukreni li jixtiequ jmorru f'pajjiż terz biex ifittxu ażil u japplikaw għal status ta' rifuġjat u/jew riunifikazzjoni tal-familja mingħajr ma jgħaddu mill-Ukrajna;

5. Jitlob il-Federazzjoni Russa tipprovdi minnufih informazzjoni dwar l-ismijiet, fejn jinsabu u l-benessri tal-Ukreni kollha detenuti jew deportati, u tawtorizza u tippermetti r-ritorn sikur taċ-ċivili Ukreni kollha, inkluż it-tfal, b'mod partikolari dawk li ġew deportati bil-forza lejn it-territorju tal-Federazzjoni Russa jew lejn it-territorji Ukreni attwalment okkupati mill-Federazzjoni Russa, billi tistabbilixxi kanali sikuri ta' komunikazzjoni u ta' vjaġġar;

6. Jistieden lill-istati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha jagħmlu pressjoni fuq ir-Russja biex tirrispetta l-projbizzjoni tat-trasferimenti bil-forza, inkluż meta jġiegħlu liċ-ċivili jevakwaw lejn destinazzjonijiet mhux mixtieqa, u jiffaċilitaw il-passaġġ sikur taċ-ċivili lejn destinazzjoni tal-għażla tagħhom, b'mod partikolari tal-gruppi vulnerabbli;

7. Jitlob ir-Russja tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha u twaqqaf l-operazzjonijiet sistematiċi ta' "filtrazzjoni", twaqqaf il-proċessi kollha kontinwi ta' ġbir u żamma ta' data bijometrika, tħassar id-data miġbura illegalment u tiżgura li ċ-ċivili jkunu jistgħu jitilqu b'mod sikur u taħt superviżjoni internazzjonali lejn it-territorju kkontrollat mill-Ukrajna jekk jagħżlu li jagħmlu dan;

8. Jenfasizza li t-tfal isseparati mill-ġenituri tagħhom matul il-gwerra jew waqt xi emerġenza umanitarja ma jistgħux jiġu preżunti li huma orfni u jridu jitħallew jirritornaw u jkunu jistgħu jerġgħu jingħaqdu mal-ġenituri jew mat-tuturi legali tagħhom minnufih;

9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa jagħtu aċċess minnufih lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OHCHR u l-UNICEF għat-tfal Ukreni kollha li ġew deportati bil-forza lejn ir-Russja u t-territorji okkupati minnha; jistieden lill-awtoritajiet Russi jiżguraw is-sikurezza u l-benessri tat-tfal Ukreni sakemm ikunu fir-Russja u fit-territorji okkupati minnha, u jipproteġuhom mill-perikli li jirriżultaw mill-gwerra u l-konsegwenzi tagħha;

10. Jitlob il-ħolqien immedjat ta' Pakkett tal-UE dwar il-Protezzjoni tat-Tfal biex jipproteġi u jassisti lit-tfal u liż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, li jkun jinvolvi passaġġ sikur, protezzjoni mill-vjolenza, mill-abbuż, mill-isfruttament u mit-traffikar, kif ukoll għajnuna ta' emerġenza, sforzi ta' riunifikazzjoni tal-familja u appoġġ għar-riabilitazzjoni fit-tul;

11. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri jindirizzaw is-sitwazzjoni mwiegħra tal-gruppi vulnerabbli, inkluż it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-UE dwar it-trasferimenti bil-forza, u jappoġġaw lill-attivisti u lill-NGOs fuq il-post li qed jippruvaw jieħdu ħsiebhom u jiffaċilitaw ir-ritorn sikur tagħhom;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mal-awtoritajiet Ukreni, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mas-soċjetà ċivili sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi li jiddokumentaw il-fatti ta' trasferiment furzat (l-għadd u l-identitajiet tal-persuni, inkluż it-tfal, fejn jinsabu l-persuni li jkunu fallew il-proċess ta' "filtrazzjoni", il-kundizzjonijiet taż-żamma tagħhom fir-Russja, eċċ.), anki sabiex jiġi ddeterminat fejn jinsabu, biex jiġu ripatrijati b'mod partikolari kwalunkwe tfal nieqsa u biex tingħata assistenza għar-riunifikazzjoni u t-traċċar tal-familji; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinġabar informazzjoni, bħall-ismijiet ta' individwi li għebu matul il-proċess ta' "filtrazzjoni", il-konfinament furzat tagħhom, jew it-trasferiment tagħhom lejn ir-Russja;

13. Jistieden lill-Istati Membri, biex permezz tal-missjonijiet diplomatiċi tagħhom fir-Russja, jappoġġaw il-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar temporanji li jippermettu liċ-ċittadini Ukreni maqbuda fir-Russja mingħajr id-dokumenti tal-identità jew tal-ivvjaġġar tagħhom jitilqu mill-pajjiż jekk ikunu jixtiequ, u jipprovdu kenn temporanju fl-UE jekk ikun meħtieġ;

14. Jikkundanna bil-qawwa d-digrieti Presidenzjali Russi tal-25 ta' Mejju u tat-30 ta' Mejju 2022;

15. Iħeġġeġ lir-Russja tabbanduna l-politika tagħha ta' passaportizzazzjoni u tippermetti lill-Ukreni jżommu d-dokumenti ta' identifikazzjoni oriġinali tagħhom;

16. Jinsisti li dawk li jwettqu delitti tal-gwerra u reati kontra l-umanità, u possibbilment ġenoċidju jew dawk bl-intenzjoni li jwettqu ġenoċidju, kif ukoll l-uffiċjali tal-gvern u l-mexxejja militari responsabbli, jeħtieġ jinżammu responsabbli; jinnota li r-rilokazzjoni u d-deportazzjoni furzati tat-tfal Ukreni, inkluż dawk minn istituzzjonijiet, lejn il-Federazzjoni Russa u t-territorji okkupati mir-Russja u l-adozzjoni furzata tagħhom mill-familji Russi jiksru l-liġi tal-Ukrajna u l-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi tal-awtoritajiet Ukreni u internazzjonali biex jiġbru, jiddokumentaw u jippreservaw l-evidenza tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-kuntest tal-gwerra Russa kontra l-Ukrajna;

17. Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex jiffaċilita l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż id-deportazzjonijiet furzati, u jistieden lill-pajjiżi Ewropej kollha jiffirmaw jew jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat;

18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-proċessi internazzjonali u nazzjonali leġittimi kollha, inkluż skont il-prinċipju tal-ġuriżdizzjoni universali, u jinvestigaw l-allegati delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra bl-għan li l-awturi kollha jinżammu responsabbli quddiem qorti tal-ġustizzja, inkluż il-każijiet ta' trasferimenti bil-forza, adozzjonijiet furzati u għajbien sfurzat; jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-investigazzjonijiet li għaddejjin mill-QKI f'dan ir-rigward;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ politiku, legali, tekniku, finanzjarju u kwalunkwe tip ieħor ta' appoġġ meħtieġ għall-istabbiliment ta' tribunal speċjali li jittratta d-delitt ta' aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna;

20. Jilqa' l-adozzjoni rapida tas-sanzjonijiet mill-Kunsill u jitlob li tibqa’ tinżamm l-għaqda fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fid-dawl tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll livell għoli ta' koordinazzjoni fost il-G7; jistieden lis-sħab kollha, b'mod partikolari lill-pajjiżi kandidati tal-UE u lill-pajjiżi kandidati potenzjali, biex jallinjaw ruħhom mal-pakketti ta' sanzjonijiet; jitlob li l-lista ta' individwi fil-mira tas-sanzjonijiet tiġi estiża, b'mod partikolari biex tinkludi l-entitajiet u l-persuni kollha identifikati bħala responsabbli għat-tħejjija u l-organizzazzjoni tad-deportazzjonijiet furzati u l-adozzjonijiet furzati, jew għat-tħaddim tal-hekk imsejħa "kampijiet ta' filtrazzjoni";

21. Jinnota paralleli storiċi qawwija bejn id-delitti tar-Russja fl-Ukrajna u d-delitti Sovjetiċi fit-territorji okkupati mis-Sovjetiċi; jirrikonoxxi d-deportazzjonijiet tal-massa Sovjetiċi, ordnati, ippjanati u eżegwiti mir-reġim Komunista Sovjetiku u mis-sistema tal-Gulags kollha bħala delitti kontra l-umanità; jenfasizza l-importanza tal-kommemorazzjoni, tar-riċerka storika u tal-edukazzjoni dwar il-passat totalitarju sabiex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni ċivika u tinbena r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni; jitlob li ssir valutazzjoni storika u legali bir-reqqa u dibattitu pubbliku trasparenti dwar id-delitti Sovjetiċi, u aktar importanti fir-Russja stess, sabiex fil-futur ir-ripetizzjoni ta' reati simili ssir impossibbli;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-awtoritajiet Belarussi, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza