Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0431/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0431/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-repressjoni tal-libertà tal-media fil-Myanmar, b'mod partikolari l-każijiet ta' Htet Htet Khine, Sithu Aung Myint u Nyein Nyein Aye

5.10.2022 - (2022/2857(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0431/2022 (Verts/ALE)
B9‑0447/2022 (S&D)
B9‑0448/2022 (Renew)
B9‑0456/2022 (PPE)
B9‑0457/2022 (ECR)

Željana Zovko, Loránt Vincze, Isabel Wiseler‑Lima, David McAllister, Peter Pollák, Janina Ochojska, Stanislav Polčák, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Miriam Lexmann, Tomáš Zdechovský, Adam Jarubas, Inese Vaidere, Michaela Šojdrová, Seán Kelly, Andrey Kovatchev, David Lega, Vangelis Meimarakis, Antonio López‑Istúriz White, Paulo Rangel, Tom Vandenkendelaere, José Manuel Fernandes, Christian Sagartz, Ivan Štefanec, Magdalena Adamowicz, Luděk Niedermayer, Stelios Kympouropoulos, Krzysztof Hetman, Michael Gahler, Vladimír Bilčík, Sandra Kalniete, Traian Băsescu, Loucas Fourlas
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Andrea Cozzolino, Karsten Lucke, Marianne Vind
f'isem il-Grupp S&D
Georgios Kyrtsos, Petras Auštrevičius, Nicola Beer, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Urmas Paet, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Heidi Hautala
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Karol Karski, Witold Jan Waszczykowski, Joachim Stanisław Brudziński, Alexandr Vondra, Elżbieta Kruk, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Elżbieta Rafalska, Bogdan Rzońca, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Beata Kempa, Patryk Jaki, Tomasz Piotr Poręba
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2022/2857(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0431/2022
Testi mressqa :
RC-B9-0431/2022
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-repressjoni tal-libertà tal-media fil-Myanmar, b'mod partikolari l-każijiet ta' Htet Htet Khine, Sithu Aung Myint u Nyein Nyein Aye

(2022/2857(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar/Burma,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/243 tal-21 ta' Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mjanmar/Burma, li timponi r-raba' ċiklu ta' sanzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi persistenti u tal-intensifikazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar/Burma[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li jistabbilixxi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni,

 wara li kkunsidra l-aġġornament verbali tas-26 ta' Settembru 2022 mogħti mill-Aġent Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Settembru 2022 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-aħħar kundanna tal-Kunsillier tal-Istat Daw Aung San Suu Kyi,

 wara li kkunsidra t-Taqsima 505(a) tal-kodiċi penali tal-Myanmar,

 wara li kkunsidra l-Kunsens tal-Ħames Punti tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja tal-24 ta' April 2021,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili tal-1966, dwar il-libertà ta' opinjoni u espressjoni,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-1 ta' Frar 2021 il-ġunta militari tal-Myanmar, magħrufa bħala t-Tatmadaw, ħadet il-poter b'mod illegali u neħħiet lill-awtoritajiet leġittimi bil-forza;

B. billi f'Awwissu 2021, il-kap kmandant tal-ġunta militari, Min Aung Hlaing, ħabbar li kien qed jaħtar lilu nnifsu prim ministru u li l-istat ta' emerġenza kien se jiġi estiż sa Awwissu 2023;

C. billi l-president leġittimu, Win Myint, u l-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi ilhom detenuti mill-kolp ta' stat militari fuq għadd ta' akkużi bla bażi u motivati politikament, u diġà ġew ikkundannati għal diversi snin ħabs u f'kampijiet tax-xogħol; billi jekk tinstab ħatja tal-11-il akkuża kollha li hemm kontriha, il-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi tista' tiġi kkundannata massimu ta' mija u sentejn ħabs;

D. billi mill-kolp ta' stat tal-1 ta' Frar 2021, aktar minn 15 500 persuna ġew arrestati u aktar minn 2 300 ruħ inqatlu mill-ġunta, inklużi mill-inqas 188 tifel u tifla;

E. billi mill-kolp ta' stat militari, ir-reġim militari kompla jdgħajjef il-libertà tal-media u jikser id-drittijiet tal-bniedem tal-ġurnalisti fil-pajjiż; billi l-Myanmar huwa kklassifikat fil-176 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2022 ta' Reporters Mingħajr Fruntieri; billi l-awtoritajiet militari tal-Myanmar qed jirrestrinġu l-aċċess għall-media soċjali, l-internet u sorsi indipendenti oħra ta' informazzjoni;

F. billi fl-14 ta' Frar 2021, it-Tatmadaw introduċiet bidliet fil-Kodiċi Penali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali li saru d-dispożizzjonijiet legali primarji użati biex jiġu akkużati l-ġurnalisti, il-mexxejja tal-istudenti, l-impjegati taċ-ċivil u oħrajn li jopponu r-reġim militari; billi t-Taqsima 505(a) tal-Kodiċi Penali li għadha kif ġiet introdotta, li tipprojbixxi l-ikkawżar tal-biża', it-tixrid tal-aħbarijiet foloz u t-tqanqil ta' reati kontra impjegat tal-gvern, u li kollha huma punibbli b'massimu ta' tliet snin ħabs, qed tintuża mill-militar biex iressaq akkużi kriminali kontra ġurnalisti, fost l-oħrajn; billi l-qrati militari fil-Myanmar qed iwettqu proċessi bil-magħluq;

G. billi mill-kolp ta' stat tal-2021, il-ġunta imponiet projbizzjoni jew ġiegħlet lill-istabbilimenti tal-media jitilqu mill-Myanmar talli rrappurtaw dwar l-azzjonijiet tal-militar; billi ħafna mill-istabbilimenti tal-media pprojbiti kellhom rwol fundamentali fir-rappurtar dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar; billi l-poplu tal-Myanmar u dawk li jinsabu barra mill-pajjiż jiddependu ħafna minn tali media;

H. billi mill-inqas erba' ġurnalisti nqatlu, inklużi l-fotografi Soe Naing u Aye Kyaw, li t-tnejn li huma mietu f'detenzjoni wara li allegatament ġew ittorturati, u l-editur lokali Pu Tuidim li ġie rrappurtat li ġie ġġustizzjat b'mod sommarju mill-militar wara li ntuża bħala tarka umana; billi kien hemm diversi rapporti ta' tortura u abbużi;

I. billi wara l-kolp ta' stat ta' Frar 2021 kien hemm mewġa ta' arresti ta' ġurnalisti; billi mill-inqas 140 ġurnalist ġew arrestati, 53 ħaddiem tal-media bħalissa qed jinżammu fil-ħabsijiet tal-Myanmar u kważi 25 ġurnalist ġew ikkundannati mill-kolp ta' stat militari; billi l-Myanmar għandu t-tieni l-akbar numru ta' ġurnalisti l-ħabs fid-dinja;

J. billi l-ġurnalisti Htet Htet Khine u Sithu Aung Myint ġew arrestati f'Awwissu 2021, sitt xhur wara l-kolp ta' stat;

K. billi fis-27 ta' Settembru 2022, il-ġurnalist freelance tal-BBC Media Action, Htet Htet Khine ġiet ikkundannata tliet snin ħabs b'xogħol iebes; billi Htet Htet Khine kienet diġà rċeviet l-ewwel sentenza tagħha ta' tliet snin b'xogħol iebes fil-15 ta' Settembru 2022 talli allegatament kisret it-Taqsima 505(a) tal-Kodiċi Penali, li tikkriminalizza l-inċitament u t-tixrid ta' aħbarijiet foloz;

L. billi Sithu Aung Myint għadu qed jistenna proċess fuq akkużi ta' "inċitament" u "sedizzjoni" minħabba artikli li jikkritikaw il-militar tal-Myanmar, u jista' jiffaċċja sentenza kkombinata ta' 23 sena ħabs; billi s-saħħa ta' Sithu Aung Myint ilha tiddeterjora u l-awtoritajiet tal-ħabs qed iċaħħduh mill-kura medika;

M. billi fl-14 ta' Lulju 2022, Nyein Nyein Aye, freelancer magħrufa wkoll bil-psewdonimu ta' Mabel, ġiet ikkundannata minn qorti militari fil-ħabs ta' Yangon – Insein; billi Nyein Nyein Aye ġiet ikkundannata tliet snin ħabs fuq akkużi li "kkawżat biża', xerrdet aħbarijiet foloz u qanqlet reati kontra impjegat tal-gvern" skont it-Taqsima 505(a) tal-Kodiċi Penali; billi Nyein Nyein Aye hija l-24 ġurnalist li ngħatat sentenza ta' ħabs mill-kolp ta' stat fl-2021;

N. billi fl-1 ta' Awwissu 2022, il-freelancer Maung Maung Myo ġie kkundannat sitt snin ħabs fuq akkuża ta' terroriżmu talli allegatament kellu ritratti u intervisti ma' membri tal-"People's Defence Force", firxa ta' gruppi ribelli li qed jiġġieldu kontra l-gvern militari tal-Myanmar;

O. billi fis-7 ta' Lulju 2022, qorti kkundannat lil Aung San Lin, ġurnalist tad-Democratic Voice of Burma, sitt snin ħabs b'xogħol iebes minħabba inċitament u t-tixrid ta' "aħbarijiet foloz" wara li ppubblika rapport b'allegazzjoni ta' ħruq doluż min-naħa tal-forzi militari tad-djar ta' tliet sostenituri tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija, li kienet tneħħiet bil-kolp ta' stat, fit-township ta' Wetlet;

P. billi f'Lulju r-reġim militari tal-Myanmar reġa' attiva l-piena tal-mewt għall-eżekuzzjoni tal-ex Deputat Parlamentari Phyo Zeya Thaw, l-attivist prominenti Kyaw Min Yu, magħruf l-aktar bħala "Ko Jimmy", kif ukoll Aung Thura Zaw u Hla Myo Aung; billi l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kkundanna bil-qawwa "dawn l-eżekuzzjonijiet motivati politikament li jirrappreżentaw pass ieħor lejn iż-żarmar sħiħ tal-istat tad-dritt u ksur sfaċċat ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar";

Q. billi l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, fejn ġew dokumentati swat u vjolenza abbażi tal-ġeneru, jirrappreżentaw tħassib serju għas-sikurezza u l-benesseri ta' dawk detenuti;

R. billi l-militar qed imexxi gwerra vjolenti kontra l-minoranzi etniċi, minbarra li qed joqtol għadd kbir ta' persuni ċivili u qed iġiegħel lil miljuni ta' nies jaħarbu biex ifittxu rifuġju; billi l-ħelikopters militari dan l-aħħar sparaw fuq skola primarja fir-reġjun ta' Sagaing, u qatlu mill-inqas sitt adulti u sebat itfal; billi, skont dikjarazzjoni reċenti mill-espert indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem maħtur min-NU, Tom Andrews, il-kundizzjonijiet "marru mill-ħażin għall-agħar, u saru saħansitra orribbli għal għadd bla qies ta' persuni innoċenti fil-Myanmar";

S. billi l-ġunta fil-Myanmar tirrifjuta li tinvestiga serjament il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u li żżomm lill-awturi ta' tali ksur responsabbli għal għemilhom; billi l-ogħla rappreżentanti militari li organizzaw l-attakki kontra r-Rohingya għadhom jokkupaw il-karigi tagħhom; billi l-awtoritajiet jirrifjutaw li jikkooperaw mal-mekkaniżmi tan-NU; billi l-impunità għandha għeruq sodi fis-sistema politika u legali tal-Myanmar;

T. billi r-Russja u ċ-Ċina għamlu ħafna sforzi politiċi, militari u ekonomiċi bil-għan li jilleġittimizzaw il-ġunta; billi r-Russja u l-ġunta militari tal-Myanmar dan l-aħħar iffirmaw pjan direzzjonali għall-kooperazzjoni dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari għall-2022-2023; billi kemm Moska u Beijing għandhom rabtiet mal-forzi armati tal-Myanmar, bħala l-akbar fornituri tal-armi lill-pajjiż; billi ż-żewġ pajjiżi ripetutament imblukkaw sforzi biex jintlaħaq qbil dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar;

U. billi fl-24 ta' April 2021 il-ġunta militari qablet mal-mexxejja tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) dwar il-Kunsens tal-Ħames Punti li l-ewwel pass tiegħu kien it-tmiem immedjat tal-vjolenza fil-pajjiż;

1. Jikkundanna bil-qawwa t-tmexxija vjolenti u illeġittima tal-ġunta militari fil-Myanmar, u t-tentattivi tagħha li tnaqqar ir-rabta qawwija tal-poplu tal-Myanmar mad-demokrazija, peress li hija bbażata fuq kolp ta' stat illegali kontra l-gvern ċivili, u rriżultat f'sitwazzjoni umanitarja partikolarment allarmanti u fi kriżi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, ikkaratterizzata minn impunità mifruxa; jikkundanna bil-qawwa t-tipi kollha ta' persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti;

2. Jitlob it-tmiem immedjat tal-istat ta' emerġenza illegali fil-pajjiż, ir-restawr tal-gvern ċivili, ir-ritorn lejn triq li twassal għad-demokrazija u l-ftuħ rapidu tal-parlament bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti eletti kollha tiegħu; jappoġġja l-isforzi tal-Gvern ta' Unità Nazzjonali (NUG) fit-triq lejn futur paċifiku u demokratiku;

3. Jistieden lill-ġunta militari teħles mingħajr kundizzjonijiet lill-President Win Myint, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi u lill-persuni l-oħrajn kollha li ġew arrestati fuq is-saħħa ta' akkużi bla bażi, tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet leġittimi, tirrispetta l-istat tad-dritt u l-libertà tal-media, u ttemm minnufih l-attakki militari, l-attakki mill-ajru u l-vjolenza kontra l-popolazzjoni tal-Myanmar;

4. Iħeġġeġ lill-ġunta militari twaqqa' l-akkużi kollha motivati politikament kontra membri tal-istampa u l-ħaddiema tal-media, u teħles mingħajr kundizzjonijiet lill-ġurnalisti kollha detenuti inġustament, inklużi Htet Htet Khine, Sithu Aung Myint, Nyein Nyein Aye, Maung Maung Myo, Thurin Kyaw, Hanthar Nyein, Than Htike Aung, Ye Yint Tun, Tu Tu Tha, Soe Yarzar Tun u Aung San Lin; jistieden lill-ġunta tipprovdi l-kura medika meħtieġa lil Sithu Aung Myint li l-istat ta' saħħa tiegħu huwa kawża ta' tħassib kbir;

5. Iħeġġeġ lill-ġunta militari ttemm minnufih l-abbużi tagħha, inklużi l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji, it-tortura, il-vjolenza sesswali u trattament ħażin ieħor, kif ukoll il-proċessi inġusti kontra ġurnalisti u ħaddiema tal-media; jisħaq fuq il-fatt li l-avukati, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tal-familja għandhom jingħataw aċċess effettiv biex iżuru persuni miżmuma f'detenzjoni; jenfasizza li kwalunkwe mewt f'kustodja għandha tiġi rrappurtata minnufih lill-familja tal-persuna, tiġi pprovduta dokumentazzjoni xierqa, ir-ritorn tal-ġisem, u biex dawk responsabbli għall-abbużi jagħtu kont ta' għemilhom; jappella li jsiru investigazzjonijiet internazzjonali indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura u trattament ħażin, u li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe informazzjoni allegatament miġbura b'riżultat ta' tortura u trattament ħażin ma għandha qatt tkun ammissibbli bħala evidenza fi proċedimenti ġudizzjarji;

6. Jinsisti li l-libertà tal-media hija vitali għall-funzjonament effettiv ta' soċjetajiet ħielsa u demokratiċi u hija essenzjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali l-oħra kollha; billi l-ġurnalisti jeħtieġu ambjent sikur li fih jistgħu jwettqu l-ħidma indipendenti tagħhom;

7. Jitlob lill-NUG jesprimi b'mod ċar il-pożizzjoni tiegħu dwar l-istatus tar-Rohingya, b'mod partikolari dwar id-dritt tagħhom ta' ċittadinanza u rikonoxximent ugwali bħala grupp etniku tal-Myanmar u d-dritt ta' ritorn lejn il-pajjiż;

8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Myanmar u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib il-każijiet ta' ġurnalisti li bħalissa jinsabu detenuti u mitfugħa l-ħabs, kif ukoll ta' mexxejja politiċi u ta' persuni oħrajn; iħeġġeġ lir-rappreżentanti tad-Delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri fil-Myanmar biex jattendu l-proċessi tal-ġurnalisti, tal-ħaddiema tal-media, tal-bloggers u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kull meta l-aċċess ikun awtorizzat; jitlob lill-missjonijiet diplomatiċi u lid-donaturi internazzjonali joffru appoġġ u protezzjoni possibbli lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ħaddiema tal-media f'riskju ta' persekuzzjoni, inkluż billi jipprovdu kenn sikur fl-ambaxxati, u billi joħorġu viżi ta' emerġenza għal dawk li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni;

9. Jistieden lill-Kummissjoni turi li l-iskema Kollox Minbarra Armi bl-ebda mod ma tibbenefika lill-ġunta, u f'każ kuntrarju, tipproċedi bl-irtirar temporanju tal-mekkaniżmu;

10. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-għajnuna internazzjonali, il-proġetti ta' żvilupp jew l-assistenza finanzjarja lill-Myanmar/Burma u jiżguraw li dan ma jkunx ta' benefiċċju għall-militar u ma jikkontribwixxix għal aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob l-għoti ta' għajnuna umanitarja transfruntiera u appoġġ dirett lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, b'mod partikolari lill-organizzazzjonijiet etniċi;

11. Jilqa' s-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill kontra l-membri tat-Tatmadaw u n-negozji tagħhom; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintroduċu sanzjonijiet immirati addizzjonali kontra dawk responsabbli għall-aktar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lill-Kunsill iżid lin-negozjanti tal-armi Naing Htut Aung, Aung Hlaing Oo u Sit Taing Aung fil-lista ta' sanzjonijiet għar-rwol tagħhom fil-provvista ta' armi u tagħmir lir-reġim militari; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-sanzjonijiet kollha meħtieġa kontra r-reġim tal-Myanmar; jitlob li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn is-sanzjonijiet ma jaffettwawx b'mod negattiv lill-ħaddiema u lill-popolazzjoni ġenerali;

12. Jinsab imħasseb dwar id-derogi ta' sanzjonijiet li jippermettu lill-operaturi jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji mal-Myanma Oil and Gas Enterprise; jappella għal koordinazzjoni internazzjonali aħjar tas-sanzjonijiet, inkluża l-koordinazzjoni mas-sħab reġjonali;

13. Iħeġġeġ lill-Kunsill jinkludi l-Kunsill ta' Amministrazzjoni tal-Istat (SAC) bħala entità flimkien mal-membri individwali tiegħu fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi, sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet kollha taħt il-kontroll tal-SAC jiġu inklużi f'din in-nomina u li l-flussi finanzjarji mill-Unjoni Ewropea li jibbenefikaw minnhom jiġu pprojbiti;

14. Jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati jżommu l-embargo li jissospendi l-provvista, il-bejgħ u t-trasferiment diretti jew indiretti, inklużi t-tranżitu, l-ispedizzjoni u s-senserija, tal-armi, tal-munizzjon u tat-tagħmir u tas-sistemi militari, ta' sigurtà u ta' sorveljanza kollha, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ, il-manutenzjoni jew il-forom l-oħra ta' assistenza militari u ta' sigurtà; jisħaq fuq il-bżonn li l-Qorti Kriminali Internazzjonali twettaq investigazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni;

15. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-pressjoni fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jinnegozja abbozz ta' riżoluzzjoni b'saħħtu li jistabbilixxi embargo komprensiv fuq l-armi globali fuq il-Myanmar;

16. Iħeġġeġ lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar ikompli jindirizza l-persekuzzjoni tal-ġurnalisti u jieħu azzjoni biex jaħdem ħalli din ix-xejra allarmanti tintemm; jistieden lin-NU biex il-ksur tal-libertà tal-media jiġi nkluż fl-ambitu tal-mekkaniżmu investigattiv indipendenti tan-NU għall-Myanmar u biex tiġi promossa kwalunkwe inizjattiva possibbli biex ir-reġim militari jiġi sanzjonat u biex dawk responsabbli għall-ksur terribbli tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħ bħalissa fil-pajjiż jagħtu kont ta' għemilhom;

17. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jesploraw il-mezzi kollha għall-ġustizzja u r-responsabbiltà għad-delitti internazzjonali gravi mwettqa mill-forzi tas-sigurtà, inklużi delitti kontra l-umanità mwettqa wara l-kolp ta' stat, kif ukoll delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra, u atti ta' ġenoċidju mwettqa f'Rakhine u f'reġjuni etniċi oħra għal għexieren ta' snin, u jappoġġjaw lill-Kunsill tas-Sigurtà fir-rieda tiegħu li jressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

18. Jiddeplora l-eżekuzzjoni tal-membri tal-oppożizzjoni u jtenni l-kundanna qawwija tiegħu għall-piena tal-mewt;

19. Jappella bil-qawwa lill-ġunta militari tirrevoka kwalunkwe leġiżlazzjoni li tista' tipperikola l-libertà tal-media u ttemm it-tfixkil tagħha tad-dritt tal-persuni fil-Myanmar għal-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline, li tinkludi l-libertà li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni;

20. Jinnota li l-Kunsens tal-Ħames Punti ma wassal għall-ebda riżultat u jistieden lill-ASEAN tirrikonoxxi li l-ġunta ta' Min Aung Hlaing mhijiex sieħeb affidabbli; iħeġġeġ lill-ASEAN u lill-membri tagħha jinnegozjaw ftehim ġdid dwar il-kriżi fil-Myanmar flimkien mal-NUG u biex dak il-ftehim il-ġdid jiġi mgħammar b'mekkaniżmi ta' infurzar, bil-għan li tinkiseb riżoluzzjoni sostenibbli u demokratika tal-kriżi fil-futur;

21. Jikkundanna lir-Russja u liċ-Ċina talli taw l-appoġġ politiku, ekonomiku u militari tagħhom lill-ġunta tal-Myanmar;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Aġent President Lashi La u lill-Gvern ta' Unità Nazzjonali tal-Myanmar, lill-Kumitat li jirrappreżenta lill-Pyidaungsu Hluttaw, lill-Kunsillier tal-Istat tal-Myanmar, lit-Tatmadaw, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Ottubru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza