Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0538/2022/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0538/2022/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-Qatar

23.11.2022 - (2022/2948(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0538/2022 (Renew)
B9‑0541/2022 (ECR)
B9‑0542/2022 (S&D)
B9‑0543/2022 (PPE)

Michael Gahler
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Nacho Sánchez Amor, Tonino Picula, Isabel Santos
f'isem il-Grupp S&D
Katalin Cseh, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Svenja Hahn, Pierre Karleskind, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Javier Nart, Max Orville, Samira Rafaela, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu
f'isem il-Grupp Renew
Anna Fotyga, Beata Mazurek, Assita Kanko, Joachim Stanisław Brudziński, Zbigniew Kuźmiuk, Witold Jan Waszczykowski, Anna Zalewska
f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2022/2948(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0538/2022
Testi mressqa :
RC-B9-0538/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-Qatar

(2022/2948(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2022 dwar sħubija strateġika mar-reġjun tal-Golf,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2022 bit-titolu "Sħubija strateġika mal-pajjiżi tal-Golf" (JOIN(2022)0013),

 wara li kkunsidra r-raba' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Qatar li sar fi Brussell fit-12 ta' Settembru 2022,

 wara li kkunsidra l-Arranġament ta' Kooperazzjoni UE-Qatar tas-7 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom tat-18 ta' Diċembru 1990,

 wara li kkunsidra l-aħbar maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (FIFA) tat-2 ta' Diċembru 2010 dwar l-għażla tal-Qatar bħala l-pajjiż fejn għandha ssir it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-2022,

 wara li kkunsidra l-Liġijiet Nru 17, 18 u 19 adottati mill-Gvern tal-Qatar fl-2020 dwar il-libertà tal-moviment u dwar paga minima għall-ħaddiema migranti,

 wara li kkunsidra r-rapport ta' Human Rights Watch tal-24 ta' Ottubru 2022 bit-titolu "Qatar: Security Forces Arrest, Abuse LGBT People",

 wara li kkunsidra l-Artikolu 285 tal-Kodiċi Kriminali tal-Qatar u l-Liġi Nru 17 tal-2002 dwar il-Protezzjoni tal-Komunità,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,

 wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt,

 wara li kkunsidra r-rapport ta' progress dwar il-programm ta' kooperazzjoni teknika bejn il-Gvern tal-Qatar u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-31 ta' Ottubru 2022,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie rratifikat mill-Qatar fil-21 ta' Mejju 2018,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qatar, b'mod partikolari dik tal-21 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Il-Qatar: is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti"[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Qatar huwa l-ewwel pajjiż fir-reġjun li qed jorganizza t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA; billi fl-2010 l-FIFA tat l-organizzazzjoni tat-Tazza tad-Dinja lill-Qatar mingħajr ma wettqet id-diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem jew l-ambjent u mingħajr ma stabbiliet il-kundizzjonijiet għall-protezzjoni tal-ħaddiema migranti; billi l-Qatar rebaħ il-proċess ta' kandidatura biex jorganizza t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fost allegazzjonijiet kredibbli ta' tixħim u korruzzjoni li wasslu għal investigazzjonijiet ġudizzjarji;

B. billi, skont l-estimi, fil-Qatar hemm aktar minn 2 miljun ċittadin barrani, li jirrappreżentaw madwar 94 % tal-forza tax-xogħol; billi l-migranti huma impjegati l-aktar fil-kostruzzjoni, fis-servizzi u fix-xogħol domestiku; billi ġie rrappurtat li d-drittijiet tal-ħaddiema f'dawn is-setturi nkisru; billi, minħabba dawn iċ-ċifri, il-Qatar għandu l-ogħla proporzjon fid-dinja ta' ħaddiema migranti meta mqabbel mal-popolazzjoni nazzjonali;

C. billi, biex jaħdmu fil-Qatar, ħafna ħaddiema kienu mġiegħla jidħlu f'dejn mill-kumpaniji ta' reklutaġġ li talbuhom iħallsu tariffi b'mod illegali, u ħafna minnhom insterqitilhom il-paga u kienu soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol ħorox fi sħana estrema li esponiethom għar-riskju ta' mard, korriment u mewt;

D. billi ġie rrappurtat li eluf ta' ħaddiema migranti mietu u ħafna aktar indarbu matul xogħlijiet ta' kostruzzjoni marbuta mat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar;

E. billi, skont l-ILO, xi kumpaniji Ewropej irrifjutaw li jipparteċipaw fil-Kumitati Konġunti, li l-għan tagħhom huwa li jlaqqgħu flimkien ir-rappreżentanti tal-maniġment u tal-ħaddiema biex jiddiskutu, jipprevjenu u jsolvu kunflitti fuq il-post tax-xogħol;

F. billi, qabel ma ġew adottati r-riformi fil-Qatar, fl-2014 il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali (ITUC) ressqet ilment kontra l-Qatar quddiem l-ILO rigward in-nuqqas tiegħu li jirrispetta l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-1930 u l-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol tal-1947; billi, skont l-ITUC, il-liġijiet fil-Qatar inbidlu u l-pajjiż qed ikompli jagħmel progress fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dawn il-bidliet;

G. billi l-Qatar huwa l-ewwel pajjiż fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) li fetaħ uffiċċju tal-proġetti tal-ILO; billi l-Qatar iffirma għadd ta' sħubijiet mal-ILO, mal-organizzazzjonijiet tan-NU u mal-Istati Membri tal-UE, bħal memorandum ta' qbil mal-Iżvezja f'Jannar 2020 u ma' Franza f'Marzu 2022, biex itejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema; billi l-ILO nnota progress tanġibbli fil-ħames snin li wasslu għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022, b'mod partikolari fl-oqsma tal-governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, l-infurzar tal-liġi tax-xogħol u l-aċċess għall-ġustizzja, u t-tisħiħ tal-vuċi tal-ħaddiema u tad-djalogu soċjali; billi, skont l-ILO, għadu mhux legali għall-ħaddiema migranti li jissieħbu ma' unions jew li jwaqqfu unions;

H. billi l-ħaddiema fil-Qatar preċedentement kienu jeħtieġu permess mill-impjegaturi tagħhom biex ibiddlu l-impjieg jew jitilqu mill-pajjiż; billi dawn ir-rekwiżiti kienu jikkostitwixxu l-aktar karatteristiċi problematiċi tas-sistema kafala ta' sponsorizzazzjoni, peress li minħabba fihom il-ħaddiema kienu dipendenti żżejjed mill-impjegaturi tagħhom u għalhekk ħolqu possibbiltajiet ta' sfruttament u xogħol furzat; billi, bħala riżultat ta' dawn il-bidliet, il-Ministeru tax-Xogħol approva madwar 420 000 applikazzjoni minn ħaddiema migranti biex ibiddlu l-impjieg fis-sentejn minn meta ġew introdotti dawn ir-riformi; billi, madankollu, ħafna ħaddiema għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli biex jitilqu mill-impjiegi tagħhom u jibdew impjiegi ġodda, bħal ritaljazzjoni mill-impjegaturi tagħhom;

I. billi f'Marzu 2021, il-Qatar sar l-ewwel pajjiż fir-reġjun tal-Golf li adotta paga minima mhux diskriminatorja li tapplika għall-ħaddiema kollha, tan-nazzjonalitajiet kollha, fis-setturi kollha, inkluż ix-xogħol domestiku; billi, skont l-ILO, total ta' 13 % tal-forza tax-xogħol – 280 000 ruħ – ingħataw żieda fil-pagi tagħhom sal-limitu minimu l-ġdid minn meta ġiet introdotta l-leġiżlazzjoni l-ġdida;

J. billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida tagħti lill-ħaddiema fil-Qatar protezzjoni akbar mill-istress termiku;

K. billi l-Qatar ħa passi biex itejjeb l-aċċess tal-ħaddiema għall-ġustizzja billi stabbilixxa pjattaforma online ġdida għall-ħaddiema biex iressqu l-ilmenti u billi ħoloq tribunali tax-xogħol ġodda biex isolvu t-tilwim;

L. billi ġie rrappurtat, madankollu, li ħafna mill-prattiki diskriminatorji relatati mal-ħaddiema barranin għadhom fis-seħħ fil-Qatar u f'pajjiżi oħra tal-GCC, bħat-tnaqqis arbitrarju mill-pagi jew in-nuqqas ta' ħlas tal-pagi u l-konfiska tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;

M. billi l-Artikolu 285 tal-Kodiċi Kriminali tal-Qatar jikkastiga s-sess barra ż-żwieġ, inklużi r-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, b'massimu ta' seba' snin priġunerija; billi l-arresti arbitrarji ta' persuni LGBTIQ+ allegatament kienu bbażati fuq il-Liġi Nru 17 tal-2002 dwar il-Protezzjoni tal-Komunità, li, skont Human Rights Watch, tippermetti detenzjoni proviżorja mingħajr akkuża jew proċess għal massimu ta' sitt xhur jekk "jeżistu raġunijiet fondati sew biex wieħed jemmen li l-imputat seta' wettaq reat", inkluż "ksur tal-moralità pubblika", li twassal għal abbuż frekwenti ta' persuni LGBTIQ+; billi ambaxxatur tat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar tal-FIFA għamel dikjarazzjoni omofobika pubblikament; billi seba' federazzjonijiet tal-futbol, inkluż fl-Ewropa, iddeċidew li l-plejers tagħhom jistgħu jilbsu faxxa "OneLove" bil-kuluri tal-qawsalla; billi, madankollu, il-FIFA ddeċidiet li l-plejers jistgħu jingħataw karta safra jew jitkeċċew talli jilbsu dik il-faxxa, peress li allegatament hija dikjarazzjoni politika;

N. billi fl-2016 il-FIFA ffirmat il-prinċipji gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, li jġiegħlu lill-FIFA toqgħod lura milli tinterferixxi fid-drittijiet tal-bniedem u tirrimedja l-effetti negattivi tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

O. billi fi żmien ta' insigurtà u sfidi sinifikanti għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli kemm fl-Ewropa kif ukoll fir-reġjun tal-Golf, u hekk kif id-dinja qed tiffaċċja l-konsegwenzi tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll l-imperattiv urġenti tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-UE għandha ħafna x'tiggwadanja minn sħubija aktar b'saħħitha u aktar strateġika mal-GCC u l-istati membri tiegħu, inkluż il-Qatar; billi fl-2021 ġew restawrati r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Qatar u l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Baħrejn u l-Eġittu;

P. billi l-Arranġament ta' Kooperazzjoni UE-Qatar iffirmat fl-2018 jipprovdi qafas għal konsultazzjonijiet politiċi u settorjali dwar oqsma ta' interess reċiproku; billi l-Qatar huwa sieħeb importanti tal-UE u r-relazzjonijiet tagħhom ikopru għadd kbir ta' oqsma importanti; billi l-Qatar għandu rwol ewlieni x'jaqdi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea għas-sigurtà tal-enerġija; billi l-impenn bejn l-UE u l-Qatar intensifika b'mod sinifikanti, li wassal għall-ftuħ ta' delegazzjoni tal-UE f'Doha fl-2022; billi l-Qatar kien kosponsor ta' riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi Frar 2022 li talbet lir-Russja tirtira mill-Ukrajna, u vvota favur riżoluzzjonijiet li jikkundannaw l-invażjoni Russa tal-Ukrajna;

Q. billi r-raba' Djalogu bejn l-UE u l-Qatar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sar fit-12 ta' Settembru 2022; billi d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jirrappreżenta mument kruċjali ta' impenn biex isir avvanz fid-drittijiet tal-bniedem;

1. Jiddeplora l-imwiet ta' eluf ta' ħaddiema migranti u l-korrimenti mġarrba mill-ħaddiema matul it-tħejjijiet għat-Tazza tad-Dinja; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawn il-ħaddiema u jitlob responsabbiltà;

2. Jisħaq li l-UE hija impenjata li tappoġġa d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħha mal-Qatar, inklużi kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA; jinsab imħasseb dwar rapporti li mijiet ta' eluf ta' ħaddiema migranti għadhom jiffaċċjaw liġijiet u prattiki diskriminatorji fil-Qatar; jiddeplora n-nuqqas ta' trasparenza u n-nuqqas ċar ta' valutazzjoni tar-riskju responsabbli li kkaratterizzat l-għoti tal-organizzazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA lill-Qatar fl-2010; ifakkar il-fehma li ilu jħaddan li l-korruzzjoni fi ħdan il-FIFA hija rampanti, sistemika u b'għeruq fondi, u għadu jemmen li l-entità għamlet ħsara serja lill-immaġni u lill-integrità tal-futbol globali, minkejja l-isforzi biex tirriforma, bħall-introduzzjoni ta' rekwiżiti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

3. Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-ħaddiema migranti għall-ekonomija tal-Qatar u għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Qatar iwettqu investigazzjoni sħiħa dwar l-imwiet tal-ħaddiema migranti; jappoġġa l-isforzi tal-Qatar biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tagħhom, li tqajmu mill-komunità internazzjonali; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi li ġew adottati; jilqa' l-kooperazzjoni tal-Qatar mal-ILO; jistieden lill-Qatar ikompli jimpenja ruħu mal-ILO dwar ir-riformi; jissottolinja li r-responsabbiltà korporattiva, inkluż għall-kumpaniji Ewropej, teħtieġ ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-istess standard ta' diliġenza dovuta meħtieġa fl-UE;

4. Jirrikonoxxi, madankollu, li l-ILO u l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali jqisu r-riformi mwettqa fil-Qatar bħala eżempju għar-reġjun tal-Golf;

5. Jisħaq li l-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandhom perkorsi legali biex ifittxu ġustizzja u jżommu lill-kumpaniji bbażati fl-UE responsabbli skont il-liġijiet eżistenti dwar id-diliġenza dovuta f'xi Stati Membri; jinnota l-ħidma li għaddejja fil-livell tal-UE dwar id-direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva li se tkompli tespandi tali perkorsi legali; iqis li l-kumpaniji rilevanti naqsu milli jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 2014/95/UE[2] u dawk li jirriżultaw minn konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment;

6. Jilqa' l-fatt li, skont l-ILO, il-Gvern tal-Qatar irrimborża USD 320 miljun lill-vittmi tal-abbuż tal-pagi permezz tal-Fond ta' Appoġġ u Assigurazzjoni għall-Ħaddiema; jiddispjaċih, madankollu, li l-fond sar operattiv biss fl-2018, u dan wassal biex miljuni ta' ħaddiema u l-familji tagħhom baqgħu esklużi mill-applikazzjoni tiegħu; iħeġġeġ lill-Qatar iwettaq rieżami bir-reqqa tal-ġbir tad-data u l-istandards ta' inkjesta tiegħu għal każijiet ta' korrimenti jew mewt relatati max-xogħol; jitlob li l-fond jiġi estiż sabiex jinkludi l-vittmi kollha mill-bidu tax-xogħlijiet relatati mat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022, inklużi l-imwiet kollha u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem tal-ħaddiema assoċjati mat-tħejjijiet għat-Tazza tad-Dinja, bħas-serq tal-pagi, il-korrimenti u l-imwiet kollha mhux investigati u mhux ikkumpensati; jistieden lill-FIFA tikkontribwixxi għal programm komprensiv ta' rimedju għall-familji tal-ħaddiema, bħala kumpens għall-kundizzjonijiet tax-xogħol li sofrew minnhom;

7. Jilqa' r-riformi li l-awtoritajiet tal-Qatar adottaw f'konsultazzjoni mal-ILO biex jindirizzaw il-governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, jinfurzaw il-liġi tax-xogħol u jippermettu l-aċċess għall-ġustizzja, u biex isaħħu l-vuċi tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali; jinnota li dawn il-bidliet diġà tejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien ta' mijiet ta' eluf ta' ħaddiema; jiddispjaċih, madankollu, li ħafna ħaddiema għadhom ma jibbenefikawx minn dawn ir-riformi, jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għal dan it-titjib u ritaljazzjoni mill-impjegaturi tagħhom; jinnota t-tħassib tiegħu dwar l-allegazzjonijiet dokumentati u ripetuti li l-ħaddiema domestiċi migranti huma soġġetti għal abbuż u sfruttament;

8. Jistieden lill-Qatar jabolixxi kwalunkwe leġiżlazzjoni li tippermetti lill-kumpaniji jimponu tariffi ta' reklutaġġ fuq ħaddiema barranin;

9. Jilqa' l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Qatar dwar is-sħana fuq is-siti ta' kostruzzjoni; jistieden lill-pajjiżi kollha tal-GCC jadottaw leġiżlazzjoni simili u jimplimentawha bis-sħiħ;

10. Itenni t-talba tiegħu lill-Qatar biex jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

11. Iħeġġeġ lill-Qatar biex, f'kooperazzjoni mal-ILO, jiżgura li l-ħaddiema u l-impjegaturi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-riformi tas-sistema kafala dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema, jissimplifika l-aċċess għall-ġustizzja u l-irkupru tal-pagi dovuti, u jimplimenta bis-sħiħ il-liġi dwar id-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li aktar minn 420 000 ħaddiem biddlu l-impjieg madwar il-Qatar u aktar minn 300 000 ibbenefikaw mill-introduzzjoni tal-paga minima;

12. Jirrimarka li d-dritt ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal organizzazzjoni awtonoma għandhom jiġu rikonoxxuti għall-ħaddiema kollha, inklużi l-migranti; jistieden lill-Gvern tal-Qatar jiżgura li l-ħaddiema jkollhom id-dritt li jassoċjaw ruħhom liberament mingħajr ritaljazzjoni u jgawdu aċċess sikur u sigur għall-ġustizzja, inkluż billi jingħaqdu u jiffurmaw unions nazzjonali;

13. Jilqa' l-impenn kontinwu tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Qatar, inkluż permezz tad-Djalogu bejn l-UE u l-Qatar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandu jiġi intensifikat, u permezz tat-tisħiħ tal-istruttura istituzzjonali għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Qatar; jisħaq li l-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Qatar stabbilixxa interazzjoni regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Qatar stieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex iżur il-pajjiż; jissottolinja li d-drittijiet tal-ħaddiema migranti, ir-riformi tax-xogħol, id-drittijiet tan-nisa u l-libertà ta' espressjoni huma suġġetti rikorrenti;

14. Jistieden lill-Istati Membri u lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Qatar jimmonitorjaw mill-qrib ir-riformi soċjali tal-Qatar, b'attenzjoni speċjali għall-implimentazzjoni konkreta tal-leġiżlazzjoni tiegħu, inkluż mill-kumpaniji Ewropej fil-Qatar, u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jinforma regolarment lill-Parlament dwar il-progress ta' dawn ir-riformi; jilqa', f'dan ir-rigward, l-involviment tal-Ministru Qatari għax-Xogħol Ali Bin Samikh Al Marri mas-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-riformi li għaddejjin bħalissa u l-lakuni li għad fadal biex jiġu eliminati, u jinnota l-impenn tiegħu li jikkumpensa lil kwalunkwe ħaddiem jew lill-familji tagħhom li ma rċevewx dak li huwa dovut lilhom;

15. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem jikkonforma bis-sħiħ mal-prinċipji dwar l-istatus tal-istituzzjonijiet nazzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-kumitat ikun jista' jwettaq il-mandat tiegħu b'mod sħiħ, effettiv u indipendenti, inkluż billi jippromwovi l-pluraliżmu u d-diversità tal-membri u l-persunal tiegħu;

16. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar jinfurzaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni eżistenti li tipprojbixxi t-tortura u t-trattament ħażin;

17. Ifakkar fl-impenn tiegħu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar jadottaw moratorju fuq din il-kwistjoni;

18. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Qatar isaħħu l-miżuri biex jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż billi jabolixxu l-fdalijiet tat-tutela tan-nisa, filwaqt li jżidu l-isforzi tagħhom biex jiksbu rappreżentanza ekwa tan-nisa fis-suq tax-xogħol formali, u fl-isferi pubbliċi u politiċi, inklużi l-Kunsill tax-Shura u l-korpi eżekuttivi, b'mod partikolari f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jittrattaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod ugwali bħala kapijiet tad-djar; Jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar jemendaw l-Att dwar in-Nazzjonalità biex jiżguraw li n-nisa u l-irġiel tal-Qatar ikollhom drittijiet ugwali li jgħaddu n-nazzjonalità tagħhom lil uliedhom u lill-konjuġi barranin tagħhom; iħeġġeġ lill-Qatar jiżgura li tinġabar data dwar il-vjolenza fuq in-nisa u li l-każijiet kollha ta' vjolenza fuq in-nisa, inkluża l-vjolenza domestika, jiġu investigati bir-reqqa, u li l-awturi jitressqu l-qorti u, jekk jinstabu ħatja, jiġu kkastigati b'sanzjonijiet xierqa;

19. Jinnota x-xejra globali lejn id-dekriminalizzazzjoni tar-relazzjonijiet kunsenswali bejn persuni tal-istess sess; jistieden lill-Qatar jirrevoka l-Artikolu 285 tal-kodiċi kriminali u l-liġijiet l-oħra kollha relatati użati biex jikkriminalizzaw ir-relazzjonijiet sesswali kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, u jintroduċi leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità jew l-espressjoni tal-ġeneru; jiddeplora r-rapporti ta' abbużi fil-konfront tal-komunità LGBTIQ+ mill-forzi tad-Dipartiment tas-Sigurtà Preventiva tal-Qatar u l-użu tagħhom tal-Liġi Nru 17 tal-2002 dwar il-Protezzjoni tal-Komunità, li tippermetti detenzjoni proviżorja mingħajr akkuża jew proċess għal massimu ta' sitt xhur;

20. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha li jattendu t-Tazza tad-Dinja tal-2022, inklużi l-mistednin internazzjonali u dawk li jgħixu fil-pajjiż, inkluż għal-libertà ta' reliġjon u twemmin tagħhom;

21. Jinnota u jilqa' t-tħassib profond tal-Qatar espress wara l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jilqa' d-deċiżjonijiet importanti tal-Qatar li jivvota favur ir-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tan-NU dwar il-kwistjoni, b'kuntrast ma' diversi membri tal-GCC;

22. Jilqa' l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-UE u l-Qatar, kif ukoll ma' stati oħra tal-Golf, li huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-UE, b'mod partikolari: reġjuni tal-Golf u tal-Lvant Nofsani paċifiċi u prosperi; irkupru ekonomiku b'saħħtu; provvisti tal-enerġija sostenibbli, siguri u bi prezzijiet raġonevoli; kollaborazzjoni b'saħħitha dwar it-tranżizzjoni ekoloġika; u rispons b'saħħtu għall-ħtiġijiet umanitarji u ta' żvilupp globali; jilqa', f'dan ir-rigward, in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Qatar u l-ġirien tiegħu; ifaħħar ir-rwol tal-Qatar fl-assistenza għall-evakwazzjoni ta' għexieren ta' eluf ta' persuni mill-Afganistan wara l-akkwiżizzjoni vjolenti tiegħu mit-Talibani f'Settembru 2021;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Istat tal-Qatar, lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol, lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Novembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza