Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0558/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0558/2022

RC-B9-0558/2022


Proċedura : 2022/2994(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0558/2022
Testi mressqa :
RC-B9-0558/2022
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

 

Dokument ta' sessjoni

 

 

<RepeatBlock-NoDocSe> <NoDocSe>B9‑0558/2022</NoDocSe> }

 <NoDocSe>B9‑0562/2022</NoDocSe> }

 <NoDocSe>B9‑0565/2022</NoDocSe> } RC1

 </RepeatBlock-NoDocSe>

<Date>{14/12/2022}14.12.2022</Date>

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>

<Replacing>li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:</Replacing>

<TablingGroups>B9‑0558/2022 (The Left)

B9‑0562/2022 (Verts/ALE)

B9‑0565/2022 (Renew)</TablingGroups>

<Titre>dwar il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja fil-Bahrain</Titre>

<DocRef>(2022/2994(RSP))</DocRef>

<RepeatBlock-By><Depute>Evin Incir, Pedro Marques</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Karin Karlsbro, Karen Melchior, Javier Nart, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Hannah Neumann</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Marisa Matias</Depute>

<Commission>{The Left}f'isem il-Grupp The Left</Commission>

<Depute>Fabio Massimo Castaldo</Depute>

</RepeatBlock-By>

 

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja fil-Bahrain

(2022/2994(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain,

 wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Bahrain (BICI),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Settembru 2022 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem dwar Abdulhadi Al-Khawaja, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem li ntbagħat il-ħabs,

 wara li kkunsidra l-intervent tad-Danimarka waqt il-51 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li talbet il-ħelsien tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja, u wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet l-aktar reċenti tal-Ministeru Daniż għall-Affarijiet Barranin, b'mod partikolari dawk tad-29 ta' Settembru 2022 u tas-7 ta' Novembru 2022,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bahrain iffirmat fl-10 ta' Frar 2022,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2022 bit-titolu "Sħubija strateġika mal-pajjiżi tal-Golf" (JOIN(2022)0013) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2022 dwarha,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura, dwar il-libertà tal-espressjoni, dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline,

 wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tan-NU dwar il-Bahrain tas-7 ta' Novembru 2022,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta' oġġetti b'użu doppju (riformulazzjoni)[1]("ir-Regolament dwar l-Użu Doppju"), u r-riformulazzjonijiet preċedenti, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1232/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta' oġġetti b'użu doppju[2],

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kollha ġew irratifikati mill-Bahrain,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja, ċittadin Daniż-Bahraini, kofundatur taċ-Ċentru tal-Bahrain għad-Drittijiet tal-Bniedem u ċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem, u rebbieħ tal-Premju Martin Ennals tal-2022, bħalissa wasal fit-tmiem tal-11-il sena tiegħu l-ħabs u qed jiskonta sentenza ta' għomor il-ħabs talli kellu rwol ewlieni fil-protesti li appellaw għar-riformi demokratiċi matul ir-rewwixta popolari tal-2011 fil-Bahrain;

B. billi wara l-arrest tiegħu, Abdulhadi Al-Khawaja ġie msawwat, ittorturat u kkundannat fi proċess inġust li ma kienx konformi mad-dritt kriminali Bahraini jew mal-istandards minimi internazzjonali għal proċessi ġusti; billi Al-Khawaja ġie kkundannat fuq akkużi foloz relatati mal-"finanzjament tat-terroriżmu u l-parteċipazzjoni fit-terroriżmu biex iwaqqa' l-gvern u ma' spjunaġġ għal pajjiż barrani";

C. billi f'Lulju 2012, il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kkonkluda li l-arrest ta' Al-Khawaja kien arbitrarju, peress li rriżulta mill-eżerċizzju tiegħu tad-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, u appella għall-ħelsien tiegħu;

D. billi Abdulhadi Al-Khawaja qed jerġa' jisfa vittma ta' fastidju ġudizzjarju permezz ta' għadd ta' proċessi addizzjonali, separati; billi fit-28 ta' Novembru 2022, it-Tieni Qorti Kriminali Inferjuri fil-Bahrain ikkundannat lil Abdulhadi Al-Khawaja fuq akkużi kriminali addizzjonali talli allegatament kisser siġġu fil-ħabs u insulta verbalment uffiċjal tal-pulizija talli rrifjuta li jħallih jagħmel telefonata lill-familja tiegħu; billi Abdulhadi Al-Khawaja ġie mċaħħad mid-dritt li jattendi s-smigħ tal-qorti u d-dritt għal rappreżentanza legali, minkejja ordni tal-qorti ffirmata mill-President tat-Tieni Qorti Kriminali Inferjuri li tagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għar-Riformazzjoni u r-Riabilitazzjoni biex lill-konvenut jagħtih aċċess għal prokura; billi dan kien ksur tad-dritt tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem għal proċess ġust u għal avukat;

E. billi Abdulhadi Al-Khawaja huwa ċittadin tar-Renju tad-Danimarka u ilu mġiegħel jgħix separat mill-familja tiegħu mill-2011;

F. billi bħala konsegwenza diretta tal-priġunerija u tat-tortura kif ukoll tal-fatt li ġie mċaħħad minn aċċess għall-kura medika Abdulhadi Al-Khawaja jbati minn għadd ta' problemi tas-saħħa kroniċi u deġenerattivi, inklużi uġigħ estrem f'dahru u vista batuta, u jeħtieġ attenzjoni medika urġenti; billi l-istrajks tal-ġuħ multipli li Al-Khawaja wettaq biex jipprotesta kontra t-trattament ħażin tiegħu aggravaw l-istat tas-saħħa tiegħu; billi l-awtoritajiet tal-ħabs ilhom iċaħħduh minn trattament mediku adegwat;

F. billi dawn l-akkużi l-ġodda seħħew wara promozzjoni estensiva dwar il-każ ta' Abdulhadi Al-Khawaja kemm fil-livell tan-NU kif ukoll f'dak tal-UE, inkluża l-enfasi dwar il-każ f'Settembru 2022 fir-rapport annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-rappreżalji, f'Ottubru 2022 fid-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Bahrain u f'Novembru 2022 fl-Eżami Perjodiku Universali tan-NU tal-Bahrain; billi għal aktar minn għaxar snin il-gvern Daniż iddependa fuq id-diplomazija privata mal-gvern Bahraini biex jiżgura l-ħelsien ta' Al-Khawaja mingħajr ma ġiet issodisfata d-domanda tiegħu;

G. billi l-gvern tal-Bahrain qed ikompli jrażżan b'mod qawwi d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, il-ġurnalisti u l-attivisti politiċi jiġu pproċessati b'mod sever u jisfaw vittmi ta' arrest, theddid ta' priġunerija jew tortura, intimidazzjoni, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u revoka taċ-ċittadinanza; billi l-awtoritajiet Bahraini arrestaw, żammew f'detenzjoni, interrogaw u pproċessaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-attivisti politiċi;

H. billi Abdulhadi Al-Khawaja huwa wieħed minn diversi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qed jesperjenzaw priġunerija arbitrarja fit-tul fil-Bahrain; billi priġunieri politiċi oħra li bħalissa jinsabu l-ħabs fil-Bahrain jinkludu mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni ta' profil għoli, attivisti, bloggers u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikkundannati għal għomorhom il-ħabs għar-rwoli tagħhom fil-protesti tal-2011 favur id-demokrazija; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Naji Fateel ġie arrestat f'Mejju 2013 u ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs f'Mejju 2014; billi Naji Fateel ġie ttorturat, inżamm f'detenzjoni f'iżolament, ġie pprojbit milli jirċievi telefonati u żjarat mill-familja u mill-avukat tiegħu u nżamm f'reklużjoni; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Dr Abduljalil Al-Singace ġie arrestat f'Awwissu 2010, inħeles għal żmien qasir ta' 21 ġurnata bejn Frar u Marzu tal-2011, reġa' ġie arrestat fis-17 ta' Marzu 2011 u ngħata sentenza ta' għomor il-ħabs f'Ġunju 2011; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Bahraini u l-membri tal-familji tagħhom jiffaċċjaw fastidju, intimidazzjoni u prosekuzzjoni; billi xi wħud spiċċaw f'eżilju u ħafna minnhom tneħħitilhom iċ-ċittadinanza b'mod arbitrarju; billi Nabeel Rajab, wieħed mill-aktar difensuri Bahraini prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, inħeles mill-ħabs fid-9 ta' Ġunju 2020 biex jiskonta l-bqija tas-sentenza ta' ħames snin tiegħu skont il-liġi dwar is-sanzjonijiet alternattivi;

I. billi skont rapporti, l-awtoritajiet Bahraini żiedu r-repressjoni kontra l-attività online u tal-midja soċjali u pproċessaw lill-kritiċi għal espressjoni paċifika; billi r-rapporti jiddikjaraw li l-pandemija tal-COVID-19 intużat bħala pretest biex tiġi limitata aktar il-libertà tal-espressjoni fir-Renju;

J. billi 26 persuna bħalissa jinsabu kkundannati għall-mewt fil-Bahrain u kollha qed jiffaċċjaw eżekuzzjoni imminenti, wara li eżawrew ir-rimedji legali kollha;

K. billi, skont il-gazzetta The Guardian u Amnesty International, is-sorveljanza diġitali fil-Bahrain żdiedet b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, bl-interċettazzjoni ta' messaġġi testwali, spezzjonijiet approfonditi tal-pakketti u sorveljanza tal-midja soċjali u tat-telefonati bis-software Pegasus tal-NSO; billi hemm kumpaniji Ewropej fost dawk li fornew lill-awtoritajiet Bahraini b'teknoloġiji ta' interċettazzjoni; billi l-Bahrain juża t-teknoloġija ta' sorveljanza biex jinterċetta l-komunikazzjonijiet tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u dan jirriżulta fl-arrest tagħhom;

L. billi l-kontrolli tal-esportazzjoni fuq it-teknoloġija ta' sorveljanza ġew adottati fir-reviżjoni tal-2011 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009; billi r-riformulazzjoni tal-2021 ta' dan ir-Regolament ġiet adottata biex issaħħaħ aktar dawn il-miżuri;

M. billi l-Unjoni Ewropea u l-Bahrain organizzaw is-sitt Djalogu tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Manama fis-27 ta' Ottubru 2022; billi d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ikopri firxa wiesgħa ta' suġġetti, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, l-istat tad-dritt, inklużi d-dritt għal proċess ġust u l-piena tal-mewt, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tax-xogħol u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin;

1. Iħeġġeġ lill-Bahrain jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Abdulhadi Al-Khawaja; jenfasizza li għandhom jinħelsu l-priġunieri minħabba twemmin kollha tiegħu, inklużi Dr Abduljalil Al-Singace, Naji Fateel, Abdulwahab Hussain, Ali Hajee, Sheikh Ali Salman u Hassan Mshaima, li ġew detenuti u kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni; jitlob li jaqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jilqa' r-rilaxx ta' Nabeel Rajab fl-2020 skont il-liġi dwar is-sanzjonijiet alternattivi, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet Bahraini jirrevokaw il-projbizzjoni tiegħu li jivvjaġġa;

2. Jesprimi l-konsternazzjoni tiegħu għat-trattament ta' Abdulhadi Al-Khawaja u ta' detenuti politiċi oħra; itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-fastidju ġudizzjarju, l-intimidazzjoni, it-tortura u n-nuqqas ta' proċess dovut li hu u detenuti politiċi oħra, kif ukoll il-familji tagħhom, għadhom jiffaċċjaw; jesiġi li l-awtoritajiet Bahraini jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u jtemmu l-użu tat-tortura u trattament ħażin ieħor, kif ukoll li, fi kwalunkwe każ fil-qorti, ma tintuża l-ebda dikjarazzjoni magħmula taħt tortura bħala evidenza; jistieden lill-awtoritajiet Bahraini jindirizzaw il-kultura ta' impunità billi jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura, iżommu lill-awturi ta' reat responsabbli u jiżguraw mekkaniżmi effettivi għall-vittmi biex jirċievu l-ġustizzja u r-restituzzjoni, inkluż fil-każ ta' Al-Khawaja;

3. Jistieden lill-awtoritajiet Bahraini jiggarantixxu proċess ġust u dovut u jitlob li d-drittijiet tad-detenuti jiġu rispettati, inklużi dawk ta' Abdulhadi Al-Khawaja; jistieden lill-Bahrain jiżgura li l-prinċipji bażiċi dwar it-trattament tal-priġunieri jiġu implimentati bis-sħiħ; jissottolinja li d-drittijiet tal-priġunieri jeħtieġ li jiġu ggarantiti f'kull mument, inkluża l-kapaċità tagħhom li jirċievu kura medika adegwata u aċċess sħiħ għall-familji tagħhom u għall-avukati tal-għażla tagħhom stess; jistieden lill-Bahrain jirrevedi l-indipendenza u l-effettività tal-korpi interni li jimmonitorjaw l-abbużi mill-persunal tas-sigurtà u tal-ħabsijiet, inklużi l-Ombudsman tiegħu, l-Unità tal-Investigazzjonijiet Speċjali u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Priġunieri u d-Detenuti;

4. Jistieden lill-Bahrain jirrestawra ċ-ċittadinanza Bahraini lill-kważi 300 individwu li tneħħitilhom;

5. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu li l-awtoritajiet Bahraini qed ikomplu jiksru u jillimitaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-popolazzjoni, b'mod partikolari d-dritt tal-individwi għal protesti paċifiċi, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà diġitali kemm online kif ukoll offline; jistieden lill-awtoritajiet Bahraini jiggarantixxu spazju sikur għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti u jiżguraw li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni jkun jista' jiġi eżerċitat; jikkundanna l-użu ripetut tal-liġijiet kontra t-terroriżmu min-naħa tal-Bahrain biex irażżan il-libertà tal-kelma;

6. Jiddeplora t-tneħħija fl-2017 tal-moratorju de facto ta' seba' snin fuq l-eżekuzzjonijiet; jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-piena tal-mewt; itenni l-appell tiegħu lill-Majestà Tiegħu Sheikh Hamad bin Isa Al Khalifa biex jerġa' jintroduċi moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li titneħħa l-piena tal-mewt u biex jeħles minnufih lil Mohamed Ramadan, Husain Ali Moosa, Maher Abbas al-Khabbaz, Salman Isa Ali Salman, Hussein Abdullah Khalil Ebrahim, Mohammad Radhi Abdulla Hassan, Sayed Ahmed Fuad Abbas Isa Ahmed Al-Abar, Hussein Ali Mahdi Jasim Mohamed, Hussein Ebrahim Ali Hussein Marzooq, Moosa Abdallah Moosa Jafaar, Hussain Abdullah Marhoon Rashid u lil Zuhair Ebrahim Jasim Abdullah;

7. Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jikkoopera bis-sħiħ mal-korpi tan-NU u jestendi stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jikkoopera magħhom b'mod proattiv; jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jippermetti lill-uffiċjali tal-UE, lill-osservaturi indipendenti u lill-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem iżuru l-ħabsijiet Bahraini;

8. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-uffiċjali kollha tal-UE jżuru l-Bahrain, kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari l-Gvern tad-Danimarka, ikomplu jqajmu l-każ ta' Abdulhadi Al-Khawaja u tad-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kemm pubblikament kif ukoll privatament u jitolbu l-ħelsien tagħhom mingħajr kundizzjonijiet;

9. Iħeġġeġ lill-uffiċjali kollha tal-UE u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE li jkunu qed iżuru l-Bahrain biex iżuru l-ħabsijiet u jiltaqgħu mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jitolbu b'mod espliċitu li jżuru lil Abdulhadi Al-Khawaja, Naji Fateel u Dr Abduljalil Al-Singace; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-familja ta' Al-Khawaja ngħatat il-permess li żżuru darba waħda biss f'dawn l-aħħar sentejn; iħeġġeġ lill-Bahrain, għalhekk, jirrispetta d-drittijiet għall-aċċess għall-familji kollha tal-priġunieri;

10. Jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqajmu b'mod sistematiku tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain u jqajmu każijiet b'mod bilaterali u fil-fora internazzjonali kollha, inkluż il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kif ukoll fil-kuntest tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bahrain;

11. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Riyadh u l-missjonijiet diplomatiċi kollha tal-Istati Membri li jkopru l-Bahrain jattendu seduti ta' smigħ futuri dwar Abdulhadi Al-Khawaja u jimmonitorjaw l-iżviluppi f'dawn is-seduti ta' smigħ;

12. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri jżidu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri minħabba twemmin f'Bahrain, inkluż permezz ta' għotjiet ta' emerġenza;

13. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-teknoloġija ta' sorveljanza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Bahraini; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinfurzaw b'mod strett ir-Regolament aġġornat dwar l-Użu Doppju li jinkludi b'mod komprensiv it-teknoloġija użata għas-sorveljanza, u jipprevjenu lill-kumpaniji milli jesportaw, ibigħu, jaġġornaw jew iżommu teknoloġija ta' sorveljanza li tista' tintuża biex trażżan l-ilħna paċifiċi tal-oppożizzjoni fil-Bahrain; jiddeplora l-fatt li kumpaniji Ewropej instabu li kisru d-drittijiet tal-bniedem billi biegħu teknoloġija b'użu doppju;

14. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu d-djalogu mal-Bahrain dwar id-drittijiet tal-bniedem; jemmen li l-ħelsien ta' Abdulhadi Al-Khawaja u tad-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem ikun pass importanti biex jittejbu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bahrain;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

 

 

 

[1] ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1.
[2] ĠU L 326, 8.12.2011, p. 26.
Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Diċembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza