Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0559/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0559/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar id-90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju

13.12.2022 - (2022/3001(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0559/2022 (Renew)
B9‑0560/2022 (S&D)
B9‑0561/2022 (Verts/ALE)
B9‑0564/2022 (PPE)
B9‑0566/2022 (ECR)

Radosław Sikorski, Michael Gahler, Rasa Juknevičienė, Andrius Kubilius, David McAllister, Isabel Wiseler‑Lima, Vangelis Meimarakis, Jerzy Buzek, Vladimír Bilčík, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Aušra Maldeikienė, Liudas Mažylis, Janina Ochojska, Michaela Šojdrová, Inese Vaidere, Alexander Alexandrov Yordanov, Dace Melbārde
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Tonino Picula, Włodzimierz Cimoszewicz
f'isem il-Grupp S&D
Petras Auštrevičius, Nicola Beer, Katalin Cseh, Vlad Gheorghe, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache
f'isem il-Grupp Renew
Viola von Cramon‑Taubadel
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Angel Dzhambazki, Charlie Weimers, Joachim Stanisław Brudziński, Jacek Saryusz‑Wolski, Witold Jan Waszczykowski, Roberts Zīle, Adam Bielan, Ladislav Ilčić, Alexandr Vondra, Valdemar Tomaševski, Veronika Vrecionová, Zbigniew Kuźmiuk, Eugen Jurzyca, Bogdan Rzońca, Elżbieta Rafalska, Ryszard Czarnecki, Carlo Fidanza, Assita Kanko, Beata Mazurek
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo

Proċedura : 2022/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0559/2022
Testi mressqa :
RC-B9-0559/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju

(2022/3001(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-kommemorazzjoni tal-Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-Ukrajna (1932-1933)[1],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti dwar l-anniversarji tal-Holodomor adottati fis-sessjonijiet plenarji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tal-2003 li tiddikjara l-karestija intenzjonata bħala att ta' ġenoċidju, il-Liġi Ukrena tat-28 ta' Novembru 2006 dwar il- "Holodomor fl-Ukrajna tal-1932 u l-1933" u l-appell mill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna fis-16 ta' Novembru 2022 lill-parlamenti tad-dinja dwar ir-rikonoxximent tal-Holodomor tal-1932 u l-1933 bħala ġenoċidju tal-poplu Ukren,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Konvenzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tikkriminalizza numru ta' atti mwettqa bil-ħsieb li jinqered, b'mod sħiħ jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż: il-qtil ta' membri tal-grupp, il-kawża ta' ħsara fiżika jew mentali serja lill-membri tal-grupp, l-impożizzjoni b'mod intenzjonali ta' kundizzjonijiet tal-ħajja maħsuba li jġibu magħhom qerda fiżika sħiħa jew parzjali, l-impożizzjoni ta' miżuri maħsuba biex jimpedixxu t-twelid fi ħdan il-grupp, u t-trasferiment furzat tat-tfal tal-grupp lejn grupp ieħor;

B. billi l-karestija tal-Holodomor tal-1932 u l-1933, li kkawżat il-mewt ta' miljuni ta' Ukreni, kienet ippjanata b'mod ċiniku u implimentata b'mod krudili mir-reġim Sovjetiku sabiex idaħħal bil-forza l-politika ta' kollettivizzazzjoni tal-agrikoltura tal-Unjoni Sovjetika u sabiex irażżan l-poplu Ukren u l-identità nazzjonali tiegħu; billi metodi krudili simili ntużaw mir-reġim Sovjetiku f'partijiet oħra tal-Unjoni Sovjetika, b'mod partikolari fil-Każakistan, il-Belarussja, il-Kawkasu tat-Tramuntana u bnadi oħra; billi s-soppressjoni tal-identità Ukrena twettqet ukoll permezz tar-renju ta' terrur kontra dawk li għandhom l-identità kulturali Ukrena;

C. billi l-evidenza turi li r-reġim Sovjetiku kkonfiska b'mod intenzjonat il-ħsad taċ-ċereali u għalaq il-fruntieri biex jipprevjeni lill-Ukreni milli jaħarbu mill-karestija; billi fl-1932 u l-1933 l-Unjoni Sovjetika esportat ċereali mit-territorju tal-Ukrajna waqt li n-nies kienu qed imutu bil-ġuħ; billi l-qtil ta' Ukreni fil-biċċa l-kbira tagħhom rurali spiss kien ikun akkumpanjat minn propaganda li titfa t-tort fuq ir-raħħala u tpenġihom bħala ħatja għall-karestija;

D. billi l-gwerra Russa ta' aggressjoni li għaddejja kontra l-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura tal-enerġija u agrikola tagħha, l-imblukkar tal-esportazzjoni taċ-ċereali Ukreni u s-serq ta' miljuni ta' tunnellati ta' ċereali mir-Russja ikkawżaw mill-ġdid biża' ta' karestija artifiċjali fuq skala kbira, speċjalment fin-Nofsinhar Globali, li jiddependi fuq iċ-ċereali affordabbli tal-Ukrajna;

E. billi d-delitti Sovjetiċi ma rċevewx evalwazzjoni legali u morali ċara mill-komunità internazzjonali; billi l-ħabi ta' fatti inkriminanti u l-glorifikazzjoni tar-reġim totalitarju Sovjetiku u l-qawmien mill-ġdid tal-kult tal-personalità ta' Stalin fir-Russja, laħqu l-qofol tagħhom billi r-Russja tal-lum hija sponsor statali tat-terroriżmu u stat li juża mezzi terroristiċi, u f'ripetizzjoni ta' delitti orribbli kontra l-poplu Ukren fi żminijietna, bħall-"Kholodomor" li għaddej bħalissa, it-tentattiv tar-Russja li tħalli l-poplu Ukren imut ffriżat permezz tal-qerda mmirata tal-infrastruttura tal-enerġija ċivili tal-Ukrajna matul ix-xitwa;

F. billi sa Diċembru 2022 il-parlamenti jew istituzzjonijiet rappreżentattivi oħra fil-livell tal-istat ta' aktar minn 20 pajjiż kienu rrikonoxxew lill-Holodomor bħala ġenoċidju jew bħala reat kontra l-poplu Ukren u kontra l-umanità;

G. billi l-2022 u l-2023 jimmarkaw d-90 anniversarju tal-Holodomor;

1. Jirrikonoxxi l-Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna, ikkawżat minn politika intenzjonata tar-reġim Sovjetiku, bħala ġenoċidju hekk kif ġie kommess bil-ħsieb li jeqred grupp ta' nies billi ġegħilhom jgħixu f'kundizzjonijiet ta' ħajja kkalkulati biex jikkawżaw il-qerda fiżika tiegħu;

2. Ifakkar lill-vittmi kollha tal-Holodomor u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ukren li sofra f'din it-traġedja, b'mod partikolari s-superstiti li baqa' tal-Holodomor u l-familji tagħhom; jonora lil dawk li mietu bħala konsegwenza ta' dawn id-delitti mwettqa minn reġim totalitarju Sovjetiku;

3. Jikkundanna bil-qawwa dawn l-atti ġenoċidali tar-reġim totalitarju Sovjetiku, li rriżultaw fil-mewt ta' miljuni ta' Ukreni u għamlu ħsara sinifikanti lill-pedamenti tas-soċjetà Ukrena;

4. Jistieden lill-pajjiżi kollha, b'mod partikolari lill-Federazzjoni Russa u l-pajjiżi l-oħra li nħolqu wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika, biex jiftħu l-arkivji tagħhom dwar il-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna;

5. Jistieden lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li għadhom ma rrikonoxxewx lill-Holodomor bħala ġenoċidju biex jagħmlu dan mingħajr dewmien; jistieden lill-Federazzjoni Russa, bħala s-suċċessur primarju tal-Unjoni Sovjetika, tirrikonoxxi uffiċjalment lill-Holodomor u tiskuża ruħha għal dawk id-delitti;

6. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi terzi jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar dawn l-avvenimenti u reati oħra mwettqa mir-reġim Sovjetiku billi jinkorporaw l-għarfien storiku dwarhom fil-programmi edukattivi u ta' riċerka sabiex jippruvaw jipprevjenu traġedji simili fil-futur;

7. Jiddeplora l-fatt li d-90 anniversarju tal-Holodomor qed iseħħ filwaqt li r-Russja qed tkompli bil-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, qed tikser is-sovranità u l-integrità territorjali ta' dak il-pajjiż u qed tfittex li teqred l-Ukrajna bħala Stat nazzjon u l-identità u l-kultura tal-poplu tagħha; jikkundanna, barra minn hekk, il-fatt li l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqot kriżi globali tal-ikel, fejn ir-Russja qerdet u serqet mill-ħażniet taċ-ċereali tal-Ukrajna u kompliet tagħmilha diffiċli għall-Ukrajna biex tesporta ċ-ċereali lejn il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn;

8. Jikkundanna l-manipulazzjoni tar-reġim Russu attwali tal-memorja storika għall-fini tas-sopravivenza tar-reġim; itenni, f'dan ir-rigward, il-kundanna tiegħu għall-għeluq furzat mill-awtoritajiet Russi tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili - l-International Memorial Society u taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial" - att li enfasizza l-ideoloġija reviżjonista tar-reġim Russu attwali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lill-istituzzjonijiet pubbliċi u privati, u lis-soċjetà ċivili kollha jiddenunzjaw attivament u jiċħdu t-tentattivi kollha maħsuba biex jgħawġu l-fatti storiċi jew jimmanipulaw l-opinjoni pubblika fl-Ewropa permezz ta' narrattivi storiċi foloz li jiġu vvintati u mxerrda biex jappoġġaw l-ideoloġija u s-sopravivenza tar-reġimi kriminali; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-akkademja u lis-soċjetà ċivili fid-dokumentazzjoni, fir-riċerka u fl-edukazzjoni dwar ir-ripressjoni politika u d-delitti totalitarji fl-Unjoni Sovjetika;

9. Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi, il-forom kollha ta' totalitarjaniżmu; jiddispjaċih li r-reati mwettqa mir-reġim totalitarju Sovjetiku għadhom ma ġewx evalwati mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, li l-awturi ta' dawn id-delitti ma tressqux quddiem il-ġustizzja u li dawn id-delitti qatt ma ġew ikkundannati b'mod ċar mill-komunità internazzjonali; jitlob valutazzjoni komprensiva, storika u legali tar-reġim Sovjetiku u dibattitu pubbliku trasparenti dwar ir-reati tiegħu, li huwa ta' importanza kbira għall-bini ta' storja u tifkira Ewropej komuni u b'hekk tissaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna għat-theddid modern għad-demokrazija; itenni li valutazzjoni tar-reġim Sovjetiku u ta' dibattitu pubbliku trasparenti dwar ir-reati tiegħu huwa l-aktar importanti għar-Russja nnifisha, bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika, tinbena r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u n-narrattivi storiċi mgħawġa u tipprevjeni li reati simili jiġu ripetuti;

10. Jagħti istruzzjonijiet lis-servizzi responsabbli tal-Parlament Ewropew biex minnufih jittraduċu din ir-riżoluzzjoni għar-Russu u għall-Ukren;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Verkhovna Rada, lill-President u lill-Gvern tal-Ukrajna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Diċembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza