Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0575/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0575/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-trażżin mill-ġunta militari ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi fiċ-Chad

14.12.2022 - (2022/2993(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0575/2022 (Verts/ALE)
B9‑0576/2022 (Renew)
B9‑0577/2022 (S&D)
B9‑0579/2022 (ECR)

Pedro Marques, Hannes Heide
f'isem il-Grupp S&D
Javier Nart, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Pierrette Herzberger‑Fofana
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Angel Dzhambazki, Karol Karski, Assita Kanko, Joachim Stanisław Brudziński, Adam Bielan, Dominik Tarczyński, Valdemar Tomaševski, Witold Jan Waszczykowski, Carlo Fidanza, Bogdan Rzońca, Elżbieta Rafalska, Ryszard Czarnecki
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo

Proċedura : 2022/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0575/2022
Testi mressqa :
RC-B9-0575/2022
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trażżin mill-ġunta militari ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi fiċ-Chad

(2022/2993(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Chad[1] u tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' April 2021 dwar il-mewt tal-President Idriss Déby Itno,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2022 tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Chad,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' April 2021 dwar iċ-Chad,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fiċ-Chad tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, li saret mid-29 ta' April sas-6 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra t-Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) kontra l-Boko Haram, li ngħatat mandat mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u li hija appoġġata mill-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika tal-UE,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2359 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-iskjerament tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel (FC-G5S),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew mal-Istati Membri tal-G5 tas-Saħel tat-28 ta' April 2020 dwar is-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp tas-Saħel,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' April 2021 dwar l-istrateġija integrata tal-Unjoni Ewropea fis-Saħel, li affermaw mill-ġdid l-importanza ta' sħubija soda u fit-tul bejn l-UE u s-Saħel,

 wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020 għaċ-Chad,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taċ-Chad,

 wara li kkunsidra l-ftehim ta' sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[3] (il-Ftehim ta' Cotonou),

 wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986,

 wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, adottata fit-30 ta' Jannar 2007,

 wara li kkunsidra l-Karta ta' Tranżizzjoni riveduta taċ-Chad,

 wara li kkunsidra l-Indiċi tat-Terroriżmu Globali tal-2019,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, wara l-mewt tal-ex President Idriss Déby Itno f'April 2021, iċ-Chad tmexxa minn ibnu, Mahamat Idriss Déby Itno; billi l-Kunsill Militari ta' Tranżizzjoni (TMC) preċedentement kien issospenda l-kostituzzjoni u xolja l-gvern u l-assemblea nazzjonali;

B. billi t-TMC wiegħed li jorganizza elezzjonijiet demokratiċi fi żmien 18-il xahar minn meta jieħu l-poter; billi fl-1 ta' Ottubru 2022, ġew adottati formalment miżuri mid-djalogu nazzjonali, li ħabbar li l-elezzjonijiet kienu se jiġu posposti b'sentejn oħra; billi l-Unjoni Afrikana stabbiliet kundizzjonijiet, inkluż ir-rifjut ta' kwalunkwe proroga tal-kalendarju ta' tranżizzjoni oriġinali ta' 18-il xahar, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

C. billi d-djalogu nazzjonali ġie organizzat biex jiġi stabbilit l-proċess ta' tranżizzjoni; billi mhux il-gruppi tal-oppożizzjoni kollha ħadu sehem f'dan il-proċess; billi d-djalogu kkonkluda b'rakkomandazzjonijiet biex il-proċess ta' tranżizzjoni jiġi pospost u biex ħadd ma jiġi eskluż, b'mod partikolari l-president attwali, milli jikkontesta elezzjonijiet futuri;

D. billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taċ-Chad fasslu pjan tranżizzjonali biex il-kriżi tintemm; billi ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taċ-Chad irrakkomandaw li l-appoġġ internazzjonali għandu jieħu l-forma ta' mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni bl-għan li jerġa' jiddaħħal l-ordni kostituzzjonali u li jiġi appoġġat il-pjan ta' tranżizzjoni;

E. billi, bejn it-13 ta' Marzu u t-8 ta' Awwissu 2022, 53 moviment militari politiku, li minnhom 6 biss kienu ġenwini, issejħu għal laqgħa f'Doha mill-Gvern taċ-Chad biex jinnegozjaw ftehim ta' paċi;

F. billi t-TMC sejjaħ għal laqgħa fi N'Djamena lil iktar minn 1 300 delegat, li minnhom kważi kollha tqabbdu direttament mill-gvern biex jattendu l-hekk imsejjaħ Djalogu Nazzjonali Inklużiv u Sovran;

G. billi dawn iż-żewġ eventi kienu bbojkottjati mill-partiti politiċi l-aktar importanti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-gruppi politiċi militari veri;

H. billi fl-20 ta' Ottubru 2022, eluf ta' nies ipprotestaw fiċ-Chad kollu biex jitolbu ritorn immedjat għal tmexxija demokratika; billi, fid-19 ta' Ottubru, b'antiċipazzjoni ta' dan, il-ministru tas-sigurtà pubblika pprojbixxa d-dimostrazzjonijiet kollha fil-pajjiż; billi, b'reazzjoni għall-protesti, il-pulizija sparat munizzjon attiv u gass tad-dmugħ lejn id-dimostranti paċifiċi fi trażżin kontinwu u mifrux fil-pajjiż kollu;

I. billi l-awtoritajiet ħabbru wkoll is-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet ta' seba' gruppi politiċi; billi ddekretaw ukoll li l-attivitajiet ta' gruppi ewlenin tal-oppożizzjoni u tal-koalizzjoni tas-soċjetà ċivili "Wakit Tamma" kellhom jiġu pprojbiti fil-pajjiż kollu; billi diversi bliet u kwartieri ġarrbu restrizzjonijiet tal-internet;

J. billi fl-4 ta' Novembru 2022, fil-laqgħa tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura, ir-rapporteur Sébastien Touzé indika li bejn 50 u 150 ruħ mietu, bejn 150 u 184 ruħ sparixxew, 1 369 ruħ ġew arrestati, u bejn 600 u 1 100 ruħ ġew ittieħdu fil-ħabs ta' sigurtà għolja ta' Koro Toro fid-deżert, madwar 600 kilometru mill-kapitali, b'riżultat tal-protesti kontra l-gvern;

K. billi 400 minn dawk li ġew detenuti kollha kemm huma ingħataw sentenza f'erbat ijiem, fin-nuqqas ta' avukat difensur; billi fil-5 ta' Diċembru 2022, 262 dimostrant detenut ingħataw sentenza ta' massimu ta' tliet snin ħabs, 80 ingħataw sentenzi sospiżi u 59 inħelsu;

L. billi l-proċessi saru mingħajr ebda trasparenza jew informazzjoni pubblika disponibbli; billi d-dimostranti ġew imċaħħda mill-aċċess għall-ġustizzja; billi l-Assoċjazzjoni tal-Avukati taċ-Chad sejħet il-proċess "parodija tal-ġustizzja" u appellat kontra d-deċiżjoni tal-qorti, u billi l-avukati tagħha, għaldaqstant, ibbojkottjaw il-proċess;

M. billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura kkonkluda fl-osservazzjoni tiegħu li l-prevalenza ta' vjolenza fil-ħabs, inklużi atti vjolenti mwettqa minn persunal tal-ħabs kontra detenuti, kienet allarmanti u talab li l-awtoritajiet tal-istat iwettqu investigazzjonijiet dwar l-imwiet kollha f'kustodja u dwar l-allegazzjonijiet kollha relatati ma' atti ta' tortura u trattament ħażin minn persunal tal-ħabs;

N. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel iddeterjorat b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, u dan ħoloq theddida serja għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-qtil tal-massa huma mifruxa u ż-żieda fl-insigurtà tal-ikel, il-korruzzjoni, il-faqar estrem u l-għargħar komplew iżidu l-insigurtà; billi fl-2019 iż-żona tas-Saħel kellha l-aktar żieda rapida fl-attività estremista vjolenti ta' kwalunkwe reġjun;

O. billi, fl-istrateġija integrata tagħha fis-Saħel, adottata mill-Kunsill fis-16 ta' April 2021, l-UE impenjat ruħha li tappoġġa mumenti ewlenin għad-demokrazija fir-reġjun, li tagħti attenzjoni politika speċifika lill-isforzi fl-oqsma tal-governanza u l-istat tad-dritt u li tkompli tappella biex il-forzi tas-sigurtà interna jkollhom rwol aktar ċentrali fit-tisħiħ tal-fiduċja bejn il-poplu u l-istat;

P. billi skont in-NU, iċ-Chad laqa' aktar minn 577 000 rifuġjat minn, fost l-oħrajn, id-Darfur, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, in-Niġerja u l-Kamerun, minbarra li kellu 381 000 ruħ spostati internament; billi l-istabbiltà taċ-Chad hija kruċjali għas-Saħel u għall-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant;

Q. billi ċ-Chad jinsab f'reġjun strateġiku u qed iħabbat wiċċu ma' sfidi serji ta' sigurtà minħabba li l-pajjiż jinsab qrib fortizzi militanti reġjonali, b'mod partikolari madwar ir-reġjun tal-Lag Chad fejn joperaw l-Istat Iżlamiku tal-Provinċja tal-Afrika tal-Punent u Boko Haram, grupp militanti Iżlamiku bbażat fin-Niġerja; billi ċ-Chad għandu rwol ewlieni fl-isforzi reġjonali għaż-żamma tal-paċi bħala parti mill-forza konġunta tal-G5 tas-Saħel kif ukoll mill-MNJTF;

1. Jiddeplora l-vjolenza fatali u r-repressjoni mwettqa kontra d-dimostranti favur id-demokrazija fil-protesti ta' Ottubru 2022, u jiddispjaċih ħafna għat-telf ta' ħajjiet; itenni l-kundanna tiegħu għall-kolp ta' stat militari mwettaq fl-20 ta' April 2021 mit-TMC u għas-sospensjoni tal-Kostituzzjoni taċ-Chad u x-xoljiment sussegwenti tal-assemblea nazzjonali u tal-gvern;

2. Jikkundanna r-restrizzjoni tad-dritt fundamentali tal-protesta u l-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti u s-soċjetà ċivili fiċ-Chad; jiddispjaċih ħafna li dawn il-miżuri meħuda mill-gvern jirriskjaw li jimminaw il-proċess li għaddej bħalissa lejn il-kisba tad-demokrazija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji nazzjonali u internazzjonali tal-pajjiż, b'mod partikolari d-dritt għal-libertà tal-għaqda paċifika u għal-libertà tal-assoċjazzjoni, u d-dritt għall-integrità fiżika;

3. Jitlob il-ftuħ ta' investigazzjoni indipendenti u imparzjali min-NU u l-Unjoni Afrikana dwar il-vjolenza rrappurtata, inklużi rapporti ta' tortura fil-ħabsijiet taċ-Chad, sabiex l-awturi ta' vjolenza kontra individwi u s-soċjetà ċivili jiffaċċjaw il-ġustizzja; jitlob li dawk responsabbli għall-vjolenza u l-qtil jinżammu responsabbli u jħeġġeġ lill-awtoritajiet taċ-Chad jiżguraw li l-militar, il-ġendarmi u l-pulizija taċ-Chad ikunu mħarrġa fil-Kodiċi ta' Kondotta tan-NU għall-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi u l-Prinċipji Bażiċi dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi, u li jimxu miegħu;

4. Jikkundanna l-prosekuzzjoni ta' dimostranti favur id-demokrazija fi proċessi tal-massa li naqsu milli jaderixxu mal-istandards internazzjonali dwar it-trasparenza u l-aċċess għall-ġustizzja; jitlob li s-sentenzi jiġu annullati u li d-dimostranti jinħelsu;

5. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-gvern jiżgura li dawk kollha li ġew akkużati wara l-protesti tal-20 ta' Ottubru jkollhom aċċess sħiħ għall-protezzjoni legali; jissottolinja li l-UE se ssegwi mill-qrib ħafna l-kontinwazzjoni tal-proċedimenti legali u li l-eżitu se jkun ukoll fattur determinanti ewlieni tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u ċ-Chad;

6. Jiddispjaċih ħafna li r-reġim naqas li jirrispetta l-impenn tiegħu favur tranżizzjoni demokratika; itenni l-importanza li jkun hemm ritorn rapidu għall-ordni kostituzzjonali u tranżizzjoni marbuta biż-żmien immexxija minn persuni ċivili li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, filwaqt li jfakkar li l-impenn sinifikanti mal-atturi ċivili u politiċi kollha huwa essenzjali sabiex jiġu ggarantiti l-kredibbiltà u l-leġittimità tal-proċess li għaddej bħalissa;

7. Jitlob b'urġenza li jiġu organizzati elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali trasparenti, inklużivi u kredibbli ġodda malajr kemm jista' jkun, li jkunu jirrispettaw bis-sħiħ il-kostituzzjoni nazzjonali u l-istandards elettorali internazzjonali, inkluż billi jipprevedu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partiti tal-oppożizzjoni; jinnota l-importanza ta' kummissjoni elettorali nazzjonali indipendenti u trasparenti u tal-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali f'dan ir-rigward; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' rispett min-naħa tal-awtoritajiet fil-gvern għad-direttiva ċara tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana bbażata fuq il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza u għall-impenn pubbliku preċedenti tat-TMC li l-mexxejja tiegħu ma jkunux kandidati fl-elezzjonijiet li ġejjin;

8. Ifakkar li tranżizzjoni u riforma demokratiċi ġenwini għandhom jitmexxew minn persuni ċivili u jippermettu l-involviment sħiħ u attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-partiti tal-oppożizzjoni, in-nisa u ż-żgħażagħ, u l-istampa ħielsa, li jeħtiġilhom jkunu jistgħu joperaw mingħajr biża' ta' vjolenza, intimidazzjoni jew restrizzjonijiet;

9. Jiddeplora l-vjolenza kontinwa u l-attakki terroristiċi li għadhom qed iseħħu fiċ-Chad; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi mtawla fil-pajjiż u s-sitwazzjoni volatili tas-sigurtà fit-Tramuntana, u jikkundanna bil-qawwa l-ksur ripetut tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali u dak umanitarju;

10. Jistieden lill-gvern ifittex l-appoġġ tal-medjaturi nazzjonali u internazzjonali, tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Unjoni Afrikana, tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Saħel, tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, sabiex jegħleb l-istaġnar attwali u jmexxi 'l quddiem id-djalogu nazzjonali u l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika;

11. Jinsab imħasseb ferm dwar il-livelli għoljin kontinwi ta' korruzzjoni u ta' impunità fiċ-Chad; jinnota li n-nuqqas li tiġi indirizzata l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jikkontribwixxi biex dawn l-abbużi jkomplu u biex il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tal-istat tiddgħajjef;

12. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għal-media indipendenti attiva fiċ-Chad, inkluż permezz tal-finanzjament u l-appoġġ għal dawk li jeħtieġu protezzjoni;

13. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu dan it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet taċ-Chad, jipprovdu appoġġ tekniku liċ-Chad matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, u jikkunsidraw il-ftuħ ta' proċedura skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li tista' twassal, bħala l-aħħar alternattiva, għas-sospensjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE maċ-Chad sakemm jerġa' jiġi stabbilit l-ordni kostituzzjonali leġittimu;

14. Ifakkar li t-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, it-tkabbir tal-popolazzjoni, l-isfruttament tar-riżorsi naturali, il-faqar u n-nuqqas ta' opportunitajiet edukattivi u ekonomiċi huma l-kawżi ewlenin li jixprunaw l-instabbiltà, il-vjolenza u r-reklutaġġ tat-terroristi fis-Saħel kollu; jenfasizza li l-koordinazzjoni tas-sigurtà, l-iżvilupp, l-assistenza umanitarja u ta' appoġġ għad-demokrazija hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli dejjiemi fir-reġjun kollu;

15. Jinnota li l-kooperazzjoni u l-inizjattivi reġjonali inklużi l-Unjoni Afrikana u l-grupp G5 tas-Saħel huma kruċjali għall-appoġġ ta' strateġija mmexxija mill-Afrika biex jiġu indirizzati t-terroriżmu u l-instabbiltà fis-Saħel; jissottolinja l-appoġġ tiegħu għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-kooperazzjoni tagħha mal-MNJTF;

16. Jilqa' r-reġjonalizzazzjoni tal-preżenza tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni fir-reġjun tas-Saħel, li għandha l-għan li ssaħħaħ l-approċċ reġjonali tal-ħidma tal-UE fir-reġjun sabiex tappoġġa l-kooperazzjoni transfruntiera fis-Saħel u fost l-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali, u ssaħħaħ il-kapaċitajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw malajr il-proposta ta' inizjattiva ta' Tim Ewropa għaċ-Chad dwar il-governanza, id-demokratizzazzjoni, il-paċi u s-sigurtà;

17. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jirrispondu b'mod urġenti għas-sitwazzjoni umanitarja li tirriżulta mis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Chad u jipprovdu lill-pajjiż l-assistenza meħtieġa biex jindirizza malajr il-ħtiġijiet urġenti tiegħu għall-protezzjoni tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha, u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali taċ-Chad.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Diċembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza