Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0164/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0164/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-repressjoni ulterjuri fil-konfront tal-poplu Belarussu, b'mod partikolari l-każijiet ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski

13.3.2023 - (2023/2573(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0164/2023 (PPE)
B9‑0165/2023 (Renew)
B9‑0166/2023 (Verts/ALE)
B9‑0167/2023 (S&D)
B9‑0168/2023 (ECR)

Sandra Kalniete, Michael Gahler, Rasa Juknevičienė, Željana Zovko, David McAllister, Andrius Kubilius, Isabel Wiseler‑Lima, Vladimír Bilčík, Tomasz Frankowski, Andrzej Halicki, Arba Kokalari, Andrey Kovatchev, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Liudas Mažylis, Janina Ochojska, Radosław Sikorski, Milan Zver
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Tonino Picula, Thijs Reuten, Juozas Olekas
f'isem il-Grupp S&D
Petras Auštrevičius, Nicola Beer, Bernard Guetta, Karen Melchior, Karin Karlsbro, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Viola von Cramon‑Taubadel, Hannah Neumann
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Beata Mazurek, Angel Dzhambazki, Elżbieta Kruk, Tomasz Piotr Poręba, Dominik Tarczyński, Witold Jan Waszczykowski, Jadwiga Wiśniewska, Andżelika Anna Możdżanowska, Alexandr Vondra, Veronika Vrecionová, Assita Kanko, Jacek Saryusz‑Wolski, Beata Kempa, Joachim Stanisław Brudziński, Zbigniew Kuźmiuk, Charlie Weimers, Adam Bielan, Roberts Zīle, Zdzisław Krasnodębski, Eugen Jurzyca, Bogdan Rzońca, Elżbieta Rafalska, Ryszard Czarnecki, Waldemar Tomaszewski
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo, Nikolaj Villumsen, Silvia Modig


Proċedura : 2023/2573(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0164/2023
Testi mressqa :
RC-B9-0164/2023
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-repressjoni ulterjuri fil-konfront tal-poplu Belarussu, b'mod partikolari l-każijiet ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski

(2023/2573(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-konvenzionijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem l-oħrajn kollha li l-Belarussja hija parti għalihom,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21-22 ta' Ottubru 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċipresident tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-attakki mmirati lejn l-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja, tas-17 ta' Jannar 2023 dwar il-proċessi kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni u l-ġurnalisti, u tat-3 ta' Marzu 2023 dwar is-sentenzjar ta' Ales Bialiatski u ta' difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll id-dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tas-7 ta' Ottubru 2022 dwar is-sentenza tal-qorti kontra r-rappreżentanti tal-media indipendenti;

 wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Marzu 2022 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-kuntest tat-tħejjija għall-elezzjoni presidenzjali tal-2020 u warajha u d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2023 mill-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-proċessi fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra r-rapporti tal-4 ta Mejju 2022 u tal-20 ta' Lulju 2022 ta' Anaïs Marin, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, is-sejħa tal-10 ta' Ottubru 2022 mill-esperti tan-NU għall-ħelsien immedjat mill-ħabs tar-rebbieħ tal-Premju Nobel u ta' difensuri oħrajn tad-drittijiet fil-Belarussja, u l-kummenti tat-3 ta' Marzu 2023 ta' Ravina Shamdasani, il-kelliem tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sentenzjar tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belrussja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tal-4 ta' Novembru 2022 dwar il-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tat-3 ta' Marzu 2023 dwar il-kundanna ta' Bialiatski, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel, u ta' difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentanta dwar il-Libertà tal-Media tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), Teresa Ribeiro, tat-13 ta' Lulju 2022 dwar il-priġunerija persistenti tal-ġurnalisti u tal-ħaddiema tal-media fil-Belarussja, tal-15 ta' Settembru 2022 dwar it-tfigħ fil-ħabs kontinwu tal-ġurnalisti fil-Belarussja u tas-7 ta' Ottubru 2022 dwar il-persekuzzjoni kontinwa tal-professjonisti tal-media fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi minn mindu bdew il-protesti paċifiċi wara l-elezzjoni presidenzjali mbagħbsa ferm tad-9 ta' Awwissu 2020, ir-reġim ta' Lukashenko qed ikompli bl-atti ta' repressjoni tiegħu kontra l-poplu Belarussu, fejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-attivisti tal-oppożizzjoni u ħafna oħrajn qed jiġu ffastidjati, ippersegwitati, arrestati, ittorturati u kkundannati talli esprimew oppożizzjoni għar-reġim, għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u għall-appoġġ tar-reġim għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi l-prosekuzzjoni kriminali għadha waħda mill-aktar forom severi ta' repressjoni, u għadha mifruxa;

B. billi, sa Marzu 2023, kien hemm aktar minn 1 450 persuna fuq il-lista li ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Viasna iżomm ta' priġunieri politiċi Belarussi, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov u tal-Premju Nobel għall-Paċi Ales Bialiatski; billi Viasna hija konxja ta' mill-inqas 2 900 persuna li nstabu ħatja f'każijiet kriminali b'motivazzjoni politika; billi, fl-2022, ir-reġim ta' Lukashenko ħareġ mill-inqas 1 200 kundanna politika fuq akkużi kriminali u għalaq 215-il entità tal-media stampata, filwaqt li mill-2020 ġew illikwidati aktar minn 1 000 NGO;

C. billi Ales Bialiatski, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, fundatur u president taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna u rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, ġie arrestat fit-12 ta' Frar 2022 u nżamm f'detenzjoni ta' qabel il-proċess; billi huwa ntbagħat il-ħabs bejn l-2011 u l-2014 u reġa' ntbagħat il-ħabs fl-2021 wara d-dimostrazzjonijiet enormi favur id-demokrazija li seħħew wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020; billi fit-3 ta' Marzu 2023, Ales Bialiatski, Valiantsin Stefanovich, membru taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Zmitser Salauyou, u Uladzimir Labkovich, koordinatur tal-kampanja "Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem għal Elezzjonijiet Ħielsa", rispettivament ġew ikkundannati għal 10, 9, 8 u 7 snin priġunerija fi proċessi politikament motivati; billi, fit-3 ta' Novembru 2021, Leanid Sudalenka, avukat mill-fergħa ta' Homieĺ ta' Viasna, u Tatsiana Lasitsa, voluntiera ta' Viasna, ingħataw rispettivament is-sentenza ta' tliet snin u ta' sentejn u nofs ħabs;

D. billi Andrzej Poczobut, ġurnalist u membru tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja, ġie arrestat fit-18 ta' Marzu 2021 u aktar tard ġie kkundannat tliet snin ħabs fuq akkużi li "insulta pubblikament lill-President tal-Belarussja" u li "inċita l-mibegħda etnika"; billi fit-8 ta' Frar 2023, il-Qorti Reġjonali ta' Hrodna sabitu ħati li inkoraġġixxa azzjonijiet immirati biex jagħmlu ħsara lis-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika tal-Belarussja u li inċita l-ostilità etnika, u kkundannatu tmien snin ħabs;

E. billi l-ġurnalisti għadhom fost dawk l-aktar fil-mira tar-reġim; billi bħalissa hemm aktar minn 30 ġurnalista miżmuma l-ħabs fil-Belarussja; billi sa Ottubru 2022, mill-inqas 29 entità tal-media indipendenti ġew deżinjati bħala "estremisti" u ġew imblukkati mill-awtoritajiet; billi, skont l-Għaqda ta' Ġurnalisti Belarussi, id-diskors pubbliku huwa kważi kompletament maħnuq u l-media hija repressa severament; billi, b'riżultat tar-repressjoni totali fuq il-media indipendenti, il-libertà tal-kelma ma għadhiex teżisti fil-Belarussja, u r-reġim jeżerċita sorveljanza totali fuq l-internet;

F. billi l-akkużi kontra Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski huma meqjusa b'mod wiesa' bħala politikament motivati u mmirati biex isikktu l-vuċijiet indipendenti u jrażżnu l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni;

G. billi l-forzi politiċi demokratiċi tal-Belarussja għadhom qed jiġu ppersegwitati; billi nbdew proċedimenti in absentia mir-reġim ta' Lukashenko kontra mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Belarussja u ħafna mexxejja u rappreżentanti tal-partiti tal-oppożizzjoni demokratika għadhom qed jinżammu l-ħabs f'kundizzjonijiet inumani; billi fis-6 ta' Marzu 2023 il-Qorti tal-Belt ta' Minsk ikkundannat lill-mexxej tal-oppożizzjoni demokratika Belarussa u lill-Kap tal-Kabinett Tranżizzjonali Magħqud, Sviatlana Tsikhanouskaya, għal 15-il sena ħabs in absentia; billi l-qorti kkundannat ukoll lil membri oħrajn tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, jiġifieri lil Pavel Latushka għal 18-il sena ħabs, u lil Maryia Maroz, Volha Kavalkova u Siarhei Dyleuski għal 12-il sena ħabs kull wieħed; billi s-sentenzi ngħataw jiem wara li qorti Belarussa estendiet b'18-il xahar is-sentenza ta' 18-il sena ħabs tar-raġel ta' Tsikhanouskaya, id-dissident u l-attivist favur id-demokrazija Siarhei Tsikhanouski; billi bosta minn dawk ikkundannati huma rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb;

H. billi fis-17 ta' Ottubru 2022 f'sentenza ħarxa bla preċedent f'każ politikament motivat fil-Belarussja, il-priġunier politiku Mikalai Autukhovich ngħata sentenza ta' 25 sena f'kolonja penali ta' sigurtà għolja, filwaqt li 11-il persuna oħra ġew ikkundannati għal sentenzi ta' ħabs b'termini sa 20 sena;

I. billi l-awtoritajiet fil-Belarussja kisru ripetutament id-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-pajjiż, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea paċifika, u tal-assoċjazzjoni; billi r-ripressjoni għadha taffettwa s-setturi kollha tas-soċjetà; billi l-persekuzzjoni tal-individwi qed tkompli bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-estremiżmu u t-terroriżmu; billi l-emendi għall-Kodiċi Kriminali tal-Belarussja daħlu fis-seħħ f'Jannar 2022, u reġgħu introduċew ir-responsabbiltà kriminali għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux reġistrati; billi, f'Mejju 2022 l-awtoritajiet wessgħu l-applikazzjoni tal-piena kapitali għat-tentattivi ta' atti ta' terroriżmu, akkuża li qabel kienet tintuża fil-proċessi tal-attivisti politiċi; billi r-reġim Belarussu qed ikompli jirrestrinġi severament il-libertà tal-assoċjazzjoni; billi, f'Diċembru 2022, il-Gvern Belarussu ppreżenta abbozz ta' liġi lill-parlament biex jemenda l-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, li fl-aħħar mill-aħħar jista' jwassal għall-projbizzjoni de facto ta' kwalunkwe partit politiku li jopponi lir-reġim;

J. billi, f'Ottubru 2022, Lukashenko ffirma l-liġi għall-irtirar tal-Belarussja mill-Ewwel Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod li jiġi bblokkjat il-mandat tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jirċievi u jirrieżamina l-ilmenti relatati mad-drittijiet tal-bniedem minn individwi fil-Belarussja, li kien wieħed mill-aħħar mezzi ta' rimedju għall-Belarussi ppersegwitati;

K. billi l-persekuzzjoni amministrattiva hija waħda mill-istrumenti li r-reġim ta' Lukashenko juża biex isikket lill-oppożizzjoni u kwalunkwe vuċi li tqajjem dubji dwar ir-reġim; billi f'Jannar 2023, iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna rrapporta mill-inqas 350 arrest u 141 każ ta' persekuzzjoni amministrattiva b'motivazzjoni politika;

L. billi l-persekuzzjoni tat-trade unions indipendenti għadha għaddejja; billi l-awtoritajiet Belarussi emendaw il-leġiżlazzjoni biex iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tal-organizzazzjonijiet li għandhom jiġu kategorizzati bħala "estremisti"; billi f'Lulju 2022, il-Qorti Suprema tal-Belarussja għalqet erba' trade unions indipendenti ewlenin u l-Kungress Belarussu tat-Trade Unions Demokratiċi; billi f'Jannar 2023, il-mexxejja ta' trade unions indipendenti Henadz Fiadynich u Vasil Berasneu ġew ikkundannati għal disa' snin ħabs, filwaqt li Vatslau Areshka ġie kkundannat għal tmien snin ħabs; billi fi Frar 2023, il-membri tal-grupp Rabochy Rukh (Moviment tal-Ħaddiema) Siarhei Sheest, Uladzimir Zhurauka, Andrei Paheryla, Hanna Ablab, Aliaksandr Hashnikau, Siarhei Dziuba, Ihar Mints, Valiantsin Tseranevich, Siarhei Shametska u Aliaksandr Kapshul ġew akkużati bi tradiment kontra l-pajjiż u li ħolqu u pparteċipaw f'organizzazzjoni estremista, u kollha kemm huma ġew ikkundannati għal sentenzi ta' bejn 11 u 15-il sena ħabs; billi l-Ministeru tal-Intern tal-Belarussja qed ikompli jżid l-attivisti u l-mexxejja tal-moviment tat-trade unions demokratiċi mal-listi ta' estremisti u terroristi;

M. billi r-reġim kompla bl-atti ta' repressjoni tiegħu kontra l-avukati b'ritaljazzjoni għall-fatt li jesprimu fehmiet dwar kwistjonijiet ta' drittijiet, jirrappreżentaw klijenti f'każijiet b'motivazzjoni politika, jew jitkellmu kontra l-gwerra fl-Ukrajna; billi minn Awwissu 2020, mill-inqas 70 avukat tilfu l-liċenzji tagħhom wara deċiżjonijiet arbitrarji mill-Ministeru tal-Ġustizzja jew b'segwitu għal proċeduri ta' tneħħija mill-elenku tal-avukati b'motivazzjoni politika; billi fl-2022, seba' avukati ffaċċjaw akkużi kriminali b'motivazzjoni politika u komplew jiffaċċjaw akkużi amministrattivi, detenzjonijiet, tfittxijiet u fastidju; billi Vital Brahinets ġie kkundannat għal tmien snin ħabs talli ddefenda lil diversi priġunieri politiċi, inkluż Ales Bialiatski;

N. billi r-reġim ta' Lukashenko ħa miżuri dejjem aktar repressivi kontra l-minoranzi nazzjonali fil-Belarussja, b'mod partikolari l-minoranzi Pollakki u Litwani, inkluż l-għeluq ta' skejjel li jgħallmu bil-lingwi ta' minoranzi nazzjonali, kif ukoll miżuri kontra l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawn il-minoranzi, bħall-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja; billi d-diskriminazzjoni sistematika kontra l-Pollakki u minoranzi nazzjonali oħra ilha għaddejja għal ħafna snin, u l-aktar każijiet prominenti ta' repressjoni jkunu dawk kontra Andżelika Borys u Andrzej Poczobut;

O. billi r-reġim ta' Lukashenko qed ikompli l-politika tiegħu ta' Russifikazzjoni tal-Belarussja, bl-għan strateġiku li jimmarġinalizza u jeqred l-espressjonijiet tal-identità nazzjonali Belarussa, inkluż il-lingwa u l-kultura tagħha; billi din il-politika tinvolvi wkoll il-projbizzjoni ta' simboli nazzjonali u storiċi tal-Belarussja bħall-bandiera bajda, ħamra u bajda u l-Pahonia, u l-għeluq ta' djar tal-pubblikazzjoni, skejjel privati u korsijiet tal-lingwa Belarussa;

P. billi r-reġim illeġittimu ta' Lukashenko qed ikompli jrażżan il-libertà tar-reliġjon u t-twemmin; billi skont il-Kunsill ta' Koordinazzjoni, diversi saċerdoti Kattoliċi Rumani, Kattoliċi Griegi u Ortodossi kif ukoll pastors Protestanti ffaċċjaw diversi forom ta' pressjoni, minn multi għal termini twal ta' priġunerija, inkluż Siarhei Rezanovich, li ġie kkundannat għal 16-il sena ħabs;

Q. billi l-priġunieri politiċi huma soġġetti għal repressjoni u kundizzjonijiet inumani addizzjonali; billi dan jieħu l-forma li l-priġunieri politiċi jinżammu f'kundizzjonijiet li huma pprojbiti skont l-obbligi internazzjonali tal-Belarussja, li jkunu soġġetti għal penali dixxiplinari għal raġunijiet fittizji u li jitqiegħdu f'ċelluli ta' kastig; billi l-priġunieri politiċi għadhom qed jirrapportaw deterjorament fir-rigward ta' saħħithom, umiljazzjoni u trattament ħażin; billi f'xi każijiet il-livell ta' sigurtà tad-detenzjoni tagħhom qed jiżdied u t-terminu ta' priġunerija qed jiġi estiż b'mod arbitrarju, id-dritt għall-korrispondenza qed jinkiser u l-priġunieri politiċi qed jiġu mċaħħda miż-żjarat tal-familja, kif muri mill-każ ta' Palina Sharenda-Panasiuk;

R. billi eluf ta' Belarussi ġew imġiegħla jew saritilhom pressjoni biex jitilqu minn pajjiżhom u jsibu rifuġju barra l-pajjiż; billi l-awtoritajiet Belarussi qed ikomplu jadottaw miżuri li jirrestrinġu d-drittijiet tal-Belarussi li jgħixu barra mill-pajjiż; billi l-programm "It-Triq lejn id-Dar", mibdi mir-reġim ta' Lukashenko, jikkonsisti fi "stedina" lill-Belarussi li kienu telqu mill-pajjiż f'dawn l-aħħar snin biex jirritornaw lejn il-Belarussja, bil-wegħda li ma jiġux ippersegwitati dment li jagħmlu ammissjoni ta' ħtija uffiċjali; billi ħafna Belarussi li ġew lura f'pajjiżhom ġew arrestati, ippersegwitati u xi drabi kkundannati għal priġunerija minħabba li ħadu sehem fi protesti, ippubblikaw kummenti fuq il-media soċjali li jikkritikaw ir-reġim ta' Lukashenko jew taw donazzjonijiet lill-vittmi tar-repressjoni fil-Belarussja; billi f'Jannar 2023, ir-reġim Belarussu għadda liġi li se tneħħi ċ-ċittadinanza tal-persuni eżiljati, li qed jakkużahom bl-hekk imsejħa reati relatati mal-estremiżmu. Il-lista ta' dawn il-persuni issa tinkludi aktar minn 2 000 individwu;

S. billi, aktar minn sentejn wara, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-awtoritajiet Belarussi qed jinvestigaw l-eluf ta' rapporti ta' brutalità mill-pulizija li ilhom jitressqu mill-protesti f'Awwissu 2020 jew il-qtil ta' dimostanti; billi l-impunità mifruxa għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tipperpetwa s-sitwazzjoni ddisprata tal-poplu Belarussu; billi l-assenza tal-istat tad-dritt timpedixxi d-dritt tal-vittmi li jkollhom proċess ġust; billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena tal-mewt;

T. billi l-awtoritajiet Belarussi spiss jirrikorru għas-sorveljanza, iċ-ċensura online u d-diżinformazzjoni, u jużaw teknoloġiji biex jikkontrollaw il-popolazzjoni; billi tali prattiki repressivi jirrappreżentaw pass ieħor lejn l-awtoritarjaniżmu diġitali u t-trażżin tad-drittijiet diġitali tal-poplu fil-Belarussja, li jwassal għal intimidazzjoni akbar taċ-ċittadini u t-tiċkin tal-ispazju ċiviku; billi r-reġim ta' Lukashenko juża wkoll ir-repressjoni transnazzjonali kontra ċittadini Belarussi li jgħixu barra mill-pajjiż;

U. billi l-UE imponiet sanzjonijiet fuq individwi u entitajiet responsabbli għar-repressjoni fil-Belarussja, u pprovdiet appoġġ lis-soċjetà ċivili u lill-media indipendenti fil-pajjiż;

V. billi l-awtoritajiet tal-Belarussja qegħdin ikomplu jappoġġjaw il-gwerra ta' agressjoni mhux ġustifikata Russa kontra l-Ukrajna billi jippermettu lir-Russja tuża t-territorju Belarussu għal attakki militari kontra l-Ukrajna; billi għexieren ta' ċittadini Belarussi ġew soġġetti għal prosekuzzjoni talli esprimew appoġġ favur l-Ukrajna, filwaqt li kkritikaw il-gvern talli appoġġja l-gwerra ta' aggressjoni Russa jew irrappurtaw dwar il-movimenti tat-truppi Russi u t-tagħmir militari tagħhom fil-Belarussja;

W. billi fis-7 ta' Settembru 2022, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa stieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa biex iwaqqaf Grupp ta' Kuntatt dwar il-Belarussja f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi tal-Belarussja u s-soċjetà ċivili; billi fl-1 ta' Marzu 2023, infetħet il-Missjoni tal-Belarussja Demokratika uffiċjali fi Brussell, f'ċerimonja li għaliha attendiet Sviatlana Tsikhanouskaya;

1. Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Belarussja li qed ikomplu jimpenjaw ruħhom għal Belarussja sovrana, ħielsa u demokratika, filwaqt li jissugraw ħajjithom u l-libertà tagħhom; ikompli jitlob li tintemm immedjatament ir-repressjoni mill-awtoritajiet tal-istat kontra l-poplu tal-Belarussja, il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u tal-persuni kollha detenuti, arrestati jew ikkundannati b'mod arbitrarju għal raġunijiet politiċi, u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom, kif ukoll ir-riabilitazzjoni sħiħa tagħhom u kumpens finanzjarju għad-danni li ġarrbu minħabba d-detenzjoni illeġittima tagħhom;

2. Ikompli jikkundanna bl-aktar mod qawwi r-repressjoni li għaddejja fil-Belarussja, inkluż dik permezz ta' proċessi finta b'motivazzjoni politika; jikkundanna r-repressjoni sistematika tar-reġim ta' Lukashenko kontra l-popolazzjoni ċivili, li mill-elezzjoni presidenzjali misruqa tad-9 ta' Awwissu 2020 ġiegħlet lil eluf ta' Belarussi jaħarbu mill-pajjiż. itenni li l-kampanja ta' repressjoni sistematika li għaddejja bħalissa tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

3. Ifakkar lill-awtoritajiet Belarussi fl-obbligi tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini kollha tal-Belarussja, inklużi d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, l-għaqda paċifika u l-assoċjazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenti li tiffunzjona fil-Belarussja; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex b'mod immedjat jibdlu s-sentenzi kollha tal-mewt u jistabbilixxu moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni sħiħa u permanenti tagħha; jikkundanna l-liġi l-ġdida li tippermetti l-użu tal-piena tal-mewt kontra uffiċjali u persunal tal-armata li nstabu ħatja ta' tradiment kontra l-pajjiż; jitlob li tintemm id-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa u gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni li jappartjenu għal minoranzi, persuni b'diżabilità u persuni LGBTQI;

4. Itenni li t-talbiet leġittimi tal-poplu tal-Belarussja għal demokrazija bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-prosperità, is-sovranità u s-sigurtà jridu jiġu ssodisfati; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti ġodda li għandhom jiġu organizzati taħt osservazzjoni internazzjonali mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha ma rrikonoxxewx ir-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali tal-2020 u ma jirrikonoxxux lil Aliaksandr Lukashenko bħala l-president leġittimu tal-Belarussja;

5. Jiddenunzja d-detenzjoni u l-kundanna ta' Andrzej Poczobut u l-kundanna ta' Ales Bialiatski, Valiantsin Stefanovich, Zmitser Salauyou u Uladzimir Labkovich, peress li jenfasizzaw l-isforzi tar-reġim biex irażżan l-impenn ċiviku kollu għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħidma ġurnalistika indipendenti kollha fil-pajjiż; jikkundanna l-ksur numeruż tad-dritt tagħhom għal proċess ġust u jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom, kif ukoll ir-riabilitazzjoni u l-kumpens sħiħ tagħhom;

6. Jikkundanna s-sentenza in absentia ta' Sviatlana Tsikhanouskaya, mexxej tal-oppożizzjoni demokratika Belarussa u Kap tal-Kabinett Tranżitorju Magħqud, u figuri oħra tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, jiġifieri Pavel Latushka, Maryia Maroz, Volha Kavalkova u Siarhei Dyleuski; jiċħad il-verdett tal-qorti, li skontu l-eżerċitar tad-dritt demokratiku għall-kandidatura jikkostitwixxi "reat ta' assoċjazzjoni biex jinħataf il-poter"; jitlob li r-reġim ta' Lukashenko jirrevoka s-sentenzi u jwaqqa' l-akkużi kollha miġjuba kontra l-erba' attivisti; jinsisti li l-ebda attivist ikkundannat minħabba l-appoġġ tagħha jew tiegħu għall-oppożizzjoni prodemokratika jew il-parteċipazzjoni attiva fl-istess oppożizzjoni prodemokratika m'għandu jiġi pprojbit mill-kandidatura għal kariga eletta fil-Belarussja; jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jospitaw dawn il-membri prominenti tal-forzi demokratiċi tal-Belarussja, jiżguraw is-sikurezza u l-protezzjoni tagħhom kontra r-reġim ta' Lukashenko;

7. Jikkundanna l-fastidju u l-persekuzzjoni intensi tat-trade unions; jiddenunzja s-sentenzi b'motivazzjoni politika kontra mexxejja indipendenti tat-trade unions bħal Henadz Fiadynich, Vasil Berasneu u Vatslau Areshka, u l-membri tal-grupp ta' Rabochy Rukh (il-Moviment tal-Ħaddiema), li juru nuqqas totali ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u ksur ċar tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol;

8. Jikkundanna l-persekuzzjoni tal-gruppi minoritarji Pollakki, Litwani u nazzjonali oħra fil-Belarussja u r-rappreżentanti tagħhom, inklużi d-deċiżjonijiet li għandhom l-għan li jagħlqu l-iskejjel Pollakki u Litwani u jeliminaw l-edukazzjoni f'dawn il-lingwi, kif ukoll il-qerda taċ-ċimiterji u l-wirt Pollakki; jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jwaqqfu l-miżuri kollha meħuda kontra l-minoranzi nazzjonali u jirrispettaw id-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni bil-lingwi minoritarji;

9. Jikkundanna l-fatt li l-proċessi b'motivazzjoni politika jinżammu wara bibien magħluqa u mingħajr proċess dovut tal-liġi, u b'hekk jiksru l-obbligi u l-impenji internazzjonali tal-pajjiż, li jirriżultaw f'sentenzi ħorox u mhux ġustifikati mogħtija lill-mexxejja tal-oppożizzjoni; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Belarussja u l-ambaxxati tal-Istati Membri fil-Belarussja biex tkompli tosserva u timmonitorja l-proċessi tal-priġunieri politiċi kollha; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jidentifikaw toroq ġodda biex jaħdmu favur il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha; jistieden lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u organizzazzjonijiet oħra biex iżuru priġunieri politiċi, speċjalment dawk fejn hemm kwistjonijiet serji ta' saħħa;

10. Jikkundanna l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, iffirmata minn Aliaksandr Lukashenko, li tiftaħ il-possibbiltà li l-Belarussi li jgħixu barra mill-pajjiż jiġu mċaħħda miċ-ċittadinanza tagħhom; jissottolinja li l-awtoritajiet Belarussi qed jiksru l-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Belarussja hija parti minnha, li jissalvagwardja d-dritt li wieħed ikollu nazzjonalità u jipprojbixxi l-privazzjoni arbitrarja tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jwaqqfu l-programm "The Way Home";

11. Jissottolinja l-ħtieġa ta' investigazzjoni komprensiva tar-reati mwettqa mir-reġim ta' Lukashenko kontra l-poplu tal-Belarussja; jistieden lill-Istati Membri japplikaw b'mod attiv il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali u jħejju kawżi fil-qorti kontra uffiċjali tal-Belarussja, inkluż Aliaksandr Lukashenko, li huma responsabbli għal vjolenza u repressjoni sistematika u reati kontra l-umanità jew kompliċi tagħhom;

12. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-involviment tal-Belarussja fil-gwerra ta' aggressjoni mhux ġustifikata u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna; jikkundanna r-retorika belliġeranti tar-reġim ta' Lukashenko kontra l-Ukrajna u t-tixrid massiv ta' propaganda u diżinformazzjoni dwar il-gwerra ta' aggressjoni; itenni li Lukashenko u uffiċjali Belarussi oħra jikkondividu r-responsabbiltà għal din il-gwerra ta' aggressjoni u għal delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna u għandhom jinżammu responsabbli fi tribunal speċjali għad-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u qrati internazzjonali xierqa oħra, u jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-isforzi f'dan ir-rigward; jesprimi l-appoġġ tiegħu lill-voluntiera u l-partiġjani Belarussi li qed jiġġieldu għall-indipendenza tal-Belarussja u li qed jgħinu lill-Ukrajna tiddefendi lilha nfisha kontra l-gwerra ta' aggressjoni Russa; jirrikonoxxi li r-reġim ta' Lukashenko huwa kompliċi fl-isponsorizzazzjoni statali tat-terroriżmu u kompliċi ta' stat li juża l-mezzi tat-terroriżmu;

13. Jinnota bi tħassib l-hekk imsejħa integrazzjoni kontinwa tar-Russja u tal-Belarussja f'diversi oqsma, li tammonta għal okkupazzjoni de facto, u b'mod partikolari l-militarizzazzjoni progressiva tal-Belarussja u tar-reġjun, inkluż permezz tal-preżenza ta' truppi Russi fil-Belarussja, li tirrappreżenta sfida għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew, u li tmur kontra r-rieda tal-poplu Belarussu; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Belarussja li tirrinunzja għall-istatus mhux nukleari tagħha;

14. Jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha jwessgħu u jsaħħu s-sanzjonijiet tal-UE kontra individwi u entitajiet responsabbli għar-repressjoni tal-Belarussja u jinkludu lill-individwi kollha kompliċi fir-repressjoni tar-reġim kontra l-oppożizzjoni demokratika u d-dimostranti politiċi, inklużi mħallfin, prosekuturi u uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, tal-ħabsijiet u tal-kolonji penali, u jiżguraw l-infurzar xieraq tas-sanzjonijiet; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Belarussja ma kinitx inkluża fl-10 pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja u dawk li jappoġġjawha; jappella għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet kredibbli kontra l-individwi u l-entitajiet Belarussi li jappoġġjaw il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għall-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja permezz tal-Belarussja u biex jiġu riflessi l-miżuri restrittivi imposti fuq ir-Russja fuq ir-reġim ta' Lukashenko fil-Belarussja; jappella biex il-putassa, is-sors ewlieni ta' introjtu tar-reġim, tiġi inkluża fuq il-lista ta' sanzjonijiet;

15. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jqajmu s-suġġett tas-sitwazzjoni fil-Belarussja fl-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali rilevanti kollha, b'mod partikolari n-NU u l-korpi speċjalizzati tagħha, l-OSKE u kif ukoll fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, bil-għan li jtejbu l-iskrutinju internazzjonali tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, isaħħu l-azzjoni internazzjonali b'reazzjoni għas-sitwazzjoni fil-Belarussja u jegħlbu l-imblukkar tar-Russja u ta' pajjiżi oħra għal tali azzjoni;

16. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw ma' sħab internazzjonali, bħall-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fuq il-post, biex jiżguraw il-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u r-rappurtar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sussegwentement jiġi stabbilit l-obbligu ta' rendikont u tingħata ġustizzja lill-vittmi; ifaħħar, f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Pjattaforma Internazzjonali għall-Obbligu ta' Rendikont għall-Belarussja u jappella lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu bl-appoġġ tagħhom; iħeġġeġ lill-Qorti Kriminali Internazzjonali tinvestiga u tniedi proċedimenti ta' qabel il-proċess kontra r-reġim Belarussu f'każijiet ta' reati kontra l-umanità;

17. Jistieden lill-komunità internazzjonali kollha tirrifjuta l-kandidatura Belarussa għal-siġġu mhux permanenti mill-Grupp tal-Ewropa tal-Lvant fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-2024–2025;

18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu biex isaħħu l-mandat u l-uffiċċju tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus u l-investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tal-Belarussja sabiex jirċievu u jipproċessaw b'mod effettiv ilmenti individwali miċ-ċittadini tal-Belarus jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-appell tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali u Belarussi fit-13 ta' Frar 2023 biex il-membri u l-Istati osservaturi tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxu mekkaniżmu investigattiv indipendenti biex jikkomplementa u jwettaq segwitu tal-ħidma tal-eżami eżistenti tal-OHCHR, u jappella biex din il-ħidma tal-mekkaniżmu jkollha biżżejjed riżorsi u finanzjament;

19. Jenfasizza r-rwol kritiku li għandhom il-media indipendenti, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-affermazzjoni tal-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu, kemm fil-Belarussja kif ukoll fl-eżilju; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex isaħħu l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità lis-soċjetà ċivili tal-Belarus, lill-media ħielsa, lit-trade unions indipendenti u lill-attivisti favur id-demokrazija kemm fil-Belarus kif ukoll fl-eżilju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarussja, lill-media indipendenti u lill-gruppi u strutturi politiċi demokratiċi, inklużi l-Kunsill ta' Koordinazzjoni u l-Kabinett Tranżitorju Magħqud; jistieden lill-forzi demokratiċi Belarussi jżommu u jippromwovu l-għaqda bbażata fuq l-objettiv ta' Belarussja ħielsa, demokratika u indipendenti;

20. Jappella lill-Istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ u protezzjoni lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lis-soċjetà ċivili fil-Belarussja, li qed jiffaċċjaw repressjoni severa, inkluż billi joħorġu viżi ta' emerġenza għal tluq mill-Belarussja jekk ikun meħtieġ; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jappoġġjaw l-isforzi tal-Istati Membri biex jipproteġu u jilqgħu lill-Belarussi mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ lil dawk il-Belarussi residenti fl-UE li d-dokumenti tal-identità tagħhom qed jiskadu u li ma għandhom l-ebda mezz biex iġedduhom peress li ma jistgħux jirritornaw lejn il-Belarussja;

21. Jikkundanna l-isforzi tar-reġim ta' Lukashenko biex jeqred il-kultura Belarussa u jsegwi politika tar-Russifikazzjoni tal-poplu Belarussu; jappella lill-UE tappoġġja l-kultura Belarussa u l-organizzazzjonijiet kulturali Belarussi; jikkundanna r-rifjut li l-proċess ta' Ales Bialiatski jsir bil-lingwa Belarussa minflok bil-lingwa Russa u ċ-ċaħda tar-rikjesta ta' Ales Bialiatski għal interpretu, li jixhed il-politika anti-Belarussa tar-reġim ta' Lukashenko; jappoġġja ċ-ċelebrazzjoni tal-poplu Belarussu tal-25 ta' Marzu, il-jum meta l-indipendenza tal-Belarussja ġiet ipproklamata fl-1918;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw li n-negozji li joperaw fil-Belarussja, kemm barranin kif ukoll lokali, jeżerċitaw diliġenza partikolari u jżommu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem kemm fl-operazzjonijiet kollha tagħhom kif ukoll fil-ktajjen tal-provvista tagħhom, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU; jistieden lill-kumpaniji kollha bbażati fl-UE jtemmu r-relazzjonijiet tagħhom ma' kwalunkwe fornitur Belarussu li jappoġġja b'mod miftuħ ir-reġim vjolenti ta' Lukashenko, jew inkella jikser l-Prinċipji Gwida tan-NU; jistieden lill-Kunsill jimponi sanzjonijiet fuq kwalunkwe kumpanija Belarussa jew internazzjonali mhux konformi; iħeġġeġ lir-reġim ta' Lukashenko jtemm il-prattika tiegħu li jimponi xogħol furzat f'kolonji penali;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi task force li tiftaħ djalogu ta' politika mar-rappreżentanti tal-Belarussja demokratika sabiex taħdem fuq ftehim transsettorjali komprensiv li jkun il-pedament tal-kooperazzjoni mal-Belarussja demokratika ladarba r-reġim attwali ma jibqax fil-poter; itenni li dan għandu jkun akkumpanjat flimkien ma' pjan ta' riżorsi finanzjarji u amministrattivi, li għandu jiġi implimentat sabiex jitwettqu u jiġu ffinanzjati r-riformi meħtieġa fil-pajjiż ladarba dan ikun possibbli; jilqa' l-istabbiliment tal-Missjoni għall-Belarussja Demokratika fi Brussell u jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw il-Missjoni u l-Ambaxxati tal-Poplu tal-Belarussja;

24. Itenni l-importanza li tiġi formalizzata r-relazzjoni bejn il-forzi demokratiċi Belarussi u l-Parlament sabiex tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-Belarussja fix-xena internazzjonali; jappella, għalhekk, għal rappreżentanza demokratika tal-Belarussja mġedda u rikonoxxuta uffiċjalment fl-Assemblea Parlamentari Euronest u fid-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarussja;

25. Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ l-unità tal-UE fir-rigward tal-Belarussja, inkluż fir-rigward tal-iżolament diplomatiku tar-reġim attwali; jikkundanna kwalunkwe azzjoni, inklużi żjarat ta' livell għoli lill-awtoritajiet de facto f'Minsk, li jistgħu jitfgħu dubju fuq in-nuqqas ta' rikonoxximent inekwivoku tal-Unjoni tar-reġim ta' Lukashenko; f'dan il-kuntest, jiddeplora ż-żjara tat-13 ta' Frar 2023 f'Minsk mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ungeriż Péter Szijjártó, li tikkontradixxi l-politika tal-UE dwar il-Belarussja u dwar il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u ma japprovax il-ħruġ kontinwu minn xi Stati Membri ta' viżi ta' Schengen lil individwi qrib Aliaksandr Lukashenko;

26. Itenni l-kundanna tiegħu tad-deċiżjoni reċenti tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) li jippermetti lill-atleti Belarussi jikkompetu fil-kwalifiki għall-Olimpjadi ta' Pariġi tal-2024 taħt bandiera newtrali, li jmur kontra l-iżolament multidimensjonali tal-Belarussja u li se jintuża mir-reġim għal finijiet ta' propaganda; jistieden lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jeżerċitaw pressjoni fuq il-KOI biex ireġġa' lura din id-deċiżjoni u biex jadottaw pożizzjoni simili fuq kwalunkwe avveniment sportiv, kulturali jew xjentifiku ieħor;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi tal-Belarussja u lill-awtoritajiet de facto tar-Repubblika tal-Belarussja.

 

 

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza