Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0171/2023/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0171/2023/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-attakki reċenti fit-Tuneżija kontra l-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni u kontra t-trade unions, b’mod partikolari l-każ tal-ġurnalist Noureddine Boutar

15.3.2023 - (2023/2588(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0171/2023 (The Left)
B9‑0173/2023 (Verts/ALE)
B9‑0179/2023 (Renew)
B9‑0182/2023 (PPE)
B9‑0183/2023 (S&D)
B9‑0185/2023 (ECR)

Željana Zovko, Michael Gahler, Isabel Wiseler‑Lima, David McAllister, Antonio López‑Istúriz White, Ivan Štefanec, Peter Pollák, Michaela Šojdrová, Vladimír Bilčík, Vangelis Meimarakis, Stelios Kympouropoulos, Krzysztof Hetman, Tomáš Zdechovský, David Lega, Eugen Tomac, Sandra Kalniete, Inese Vaidere
f'isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Matjaž Nemec, Agnes Jongerius, Thijs Reuten
f'isem il-Grupp S&D
Jan‑Christoph Oetjen, Petras Auštrevičius, Nicola Beer, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Vlad Gheorghe, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Karen Melchior, Javier Nart, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Mounir Satouri
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Karol Karski, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Elżbieta Kruk, Bogdan Rzońca, Adam Bielan, Joachim Stanisław Brudziński, Elżbieta Rafalska, Ryszard Czarnecki, Witold Jan Waszczykowski
f'isem il-Grupp ECR
Emmanuel Maurel
f'isem il-Grupp The Left
Fabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2023/2588(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0171/2023
Testi mressqa :
RC-B9-0171/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-attakki reċenti fit-Tuneżija kontra l-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni u kontra t-trade unions, b’mod partikolari l-każ tal-ġurnalist Noureddine Boutar

(2023/2588(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-President Saied ilu jmexxi waħdu lill-pajjiż mill-25 ta’ Lulju 2021, u keċċa l-gvern, u xolja l-Assemblea, il-Kostituzzjoni tal-2014, l-Awtorità Għolja Indipendenti għall-Elezzjonijiet, il-Kunsill Ġudizzjarju Għoli, il-kunsilli muniċipali kollha u 57 imħallef;

B. billi fit-13 ta’ Frar 2023 l-unitajiet kontra t-terroriżmu arrestaw lill-ġurnalist Noureddine Boutar, direttur tal-akbar stazzjon tar-radju indipendenti tat-Tuneżija, għal raġunijiet politikament motivati u fuq allegazzjonijiet bla bażi, flimkien ma’ xi tnax-il vuċi tal-oppożizzjoni, inklużi Chaima Issa, Issam Chebbi, Ghazi Chaouachi, Khayam Turki u Jaouhar Ben Mbarek; billi qorti militari kkundannat lill-ġurnalist Salah Attia għal tliet xhur ħabs u qorti kontra t-terroriżmu kkundannat lill-ġurnalist Khalifa Gasmi għal sena ħabs; billi fl-24 ta’ Frar, il-pulizija wettqet rejd fil-bini tal-gazzetta OneTN; billi l-ġurnalisti arrestati ġew akkużati li huma “terroristi” u “tradituri”;

C. billi għadd ta’ digrieti presidenzjali dgħajfu lill-istituzzjonijiet demokratiċi, lid-drittijiet u l-libertajiet, inkluż id-Digriet-Liġi dwar iċ-Ċiberkriminalità Nru 54, u imponew sentenzi ta’ ħames snin ħabs għat-tixrid ta’ aħbarijiet foloz;

D. billi l-migranti sub-Saħarjani ġew akkużati b’mod falz li fittxew li jissostitwixxu demografikament lit-Tuneżini, u sussegwentement ġew attakkati;

E. billi fil-31 ta’ Jannar ir-rappreżentant tat-trade unions Anis Kaabi ġie arrestat, billi aktar minn 36 trejdjunjonist ġew imħarrka talli strajkjaw, billi fit-23 ta’ Frar 2023 is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC Esther Lynch tkeċċiet mit-Tuneżija, u billi unions minn sitt pajjiżi tal-UE ma tħallewx jidħlu fil-pajjiż;

F. billi l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-NGOs allegatament jipprevedi li l-NGOs jeħtiġilhom jiksbu l-approvazzjoni minn qabel mill-gvern kif ukoll l-approvazzjoni tal-Bank Ċentrali għall-finanzjament barrani;

1. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tuneżini jeħilsu minnufih lil Noureddine Boutar u lill-oħrajn kollha li ġew detenuti arbitrarjament, inklużi ġurnalisti, imħallfin, avukati, attivisti politiċi u trejdjunjonisti bħal Anis Kaabi, u jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u d-drittijiet tal-ħaddiema, f’konformità mal-Kostituzzjoni tat-Tuneżija u t-trattati internazzjonali;

2. Jinsab ferm imħasseb dwar ix-xejra awtoritarja tal-President Saied u dwar l-istrumentalizzazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni soċjoekonomika terribbli tat-Tuneżija biex ireġġa’ lura t-tranżizzjoni demokratika storika tal-pajjiż; jappella, għalhekk, sabiex tintemm ir-ripressjoni li għaddejja kontra s-soċjetà ċivili;

3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex minnufih jintegraw mill-ġdid lill-imħallfin li tkeċċew b’mod arbitrarju, jirrevokaw il-miżuri kollha li jdgħajfu l-indipendenza ġudizzjarja, u jtemmu l-użu tal-qrati militari għall-prosekuzzjoni tal-persuni ċivili; jiddeplora r-rifjut tal-awtoritajiet li jikkonformaw mal-ordni tal-qorti amministrattiva li jintegraw mill-ġdid lil 49 imħallef;

4. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri biex pubblikament jiddenunzjaw id-deterjorament drastiku tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li programmi speċifiċi ta’ appoġġ tal-UE għall-Ministeri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni għandhom jiġu sospiżi; jistieden lid-Delegazzjoni u lill-Istati Membri tal-UE jimmonitorjaw il-proċessi politiċi u jassitu għalihom, kif ukoll jinvolvu ruħhom fi djalogu regolari mas-soċjetà ċivili;

5. Ifakkar li l-preservazzjoni tal-istituzzjonijiet rappreżentattivi hija fundamentali għall-iżvilupp tal-pajjiż; jesprimi tħassib serju dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-NGOs; jissottolinja l-importanza ta’ djalogu nazzjonali inklużiv u ta’ soċjetà ċivili ħielsa u b’saħħitha, inkluż il-Kwartett ta’ Djalogu Nazzjonali rebbieħ tal-Premju Nobel, b’mod partikolari l-UGTT;

6. Jikkundanna bil-qawwa d-diskors razzist tal-President Saied kontra l-migranti sub-Saħarjani u l-attakki sussegwenti; jistieden lill-awtoritajiet jikkonformaw mal-liġijiet internazzjonali u nazzjonali, b’mod partikolari l-liġi 50-2018 kontra d-diskriminazzjoni razzjali;

7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-partijiet rilevanti.

 

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Marzu 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza