Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0526/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0526/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-tentattiv ta’ kolp ta’ stat fil-Gwatemala

13.12.2023 - (2023/3031(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0526/2023 (Verts/ALE)
B9‑0527/2023 (PPE)
B9‑0528/2023 (The Left)
B9‑0529/2023 (Renew)
B9‑0530/2023 (S&D)
B9‑0531/2023 (ECR)

Leopoldo López Gil
f’isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Javi López, Maria‑Manuel Leitão‑Marques, Alicia Homs Ginel
f’isem il-Grupp S&D
Jordi Cañas, Petras Auštrevičius, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Ilhan Kyuchyuk, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f’isem il-Grupp Renew
Tilly Metz
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Witold Jan Waszczykowski, Assita Kanko, Anna Zalewska, Elżbieta Kruk, Adam Bielan, Waldemar Tomaszewski, Joachim Stanisław Brudziński, Angel Dzhambazki
f’isem il-Grupp ECR
Miguel Urbán Crespo
f’isem il-Grupp The Left
Fabio Massimo Castaldo

Proċedura : 2023/3031(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0526/2023
Testi mressqa :
RC-B9-0526/2023
Dibattiti :
Testi adottati :

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tentattiv ta’ kolp ta’ stat fil-Gwatemala

(2023/3031(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2023 bit-titolu “il-Gwatemala: is-sitwazzjoni wara l-elezzjonijiet, l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja”[1],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Gwatemala tal-21 u t-28 ta’ Awwissu 2023, u d-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-aħħar żviluppi fil-Gwatemala tat-8 ta’ Diċembru 2023,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preliminari tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE tas-27 ta’ Ġunju u t-22 ta’ Awwissu 2023, u r-rapport finali tagħha ppreżentat fil-Belt tal-Gwatemala fit-13 ta’ Novembru 2023,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2023 attribwibbli għall-Kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-aħħar żviluppi fit-tranżizzjoni demokratika tal-Gwatemala,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta’ Diċembru 2023 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Volker Türk, li tiddeplora t-tentattivi persistenti kontra l-eżitu tal-elezzjonijiet,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tat-8 ta’ Diċembru 2023 li tikkundanna t-tentattiv ta’ kolp ta’ stat fil-Gwatemala,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2023 tal-Alleanza għall-Iżvilupp fid-Demokrazija li tiċċensura l-azzjonijiet li jfittxu li jannullaw l-elezzjonijiet ġenerali, jindaħlu fil-proċess elettorali demokratiku u jinjorawh,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2023 tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Finanzi tal-Gwatemala (Comité Coordinador de Cámaras Comerciales, Industriales y Financieras, CACIF) li tappoġġja d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-President elett, il-Viċi President elett u l-uffiċjali kollha eletti fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Ġunju 2023,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi fit-28 ta’ Awwissu 2023, it-Tribunal Elettorali Suprem ħabbar ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet paċifiċi u organizzati tajjeb u ddikjara lil Bernardo Arévalo u Karin Herrera mill-Movimiento Semilla bħala President u Viċi President eletti tal-Gwatemala wara l-elezzjonijiet presidenzjali finali tal-20 ta’ Awwissu 2023;

B. billi fit-2 ta’ Novembru, ir-reġistrazzjoni legali tal-Movimiento Semilla reġgħet ġiet sospiża mit-Tribunal Elettorali Suprem; billi l-Movimiento Semilla ġie soġġett għal azzjonijiet legali u proċedurali selettivi u arbitrarji mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku mindu Bernardo Arévalo ġie ċċertifikat bħala wieħed miż-żewġ kandidati presidenzjali bl-akbar għadd ta’ voti fl-ewwel rawnd ta’ elezzjonijiet presidenzjali, fil-25 ta’ Ġunju 2023; billi fl-24 ta’ Awwissu, il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ħadet miżuri ta’ prekawzjoni biex tipproteġi lil Bernardo Arévalo u Karin Herrera;

C. billi fit-8 ta’ Diċembru 2023, il-Prosekutur Pubbliku tal-Gwatemala, b’mod partikolari l-kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali kontra l-Impunità (FECI), José Rafael Curruchiche, u l-prosekutur Leonor Morales Lazo, iddikjaraw li kienu se jfittxu li jannullaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-25 ta’ Ġunju 2023, filwaqt li kkwotaw l-allegati irregolaritajiet fil-karti tat-talja tal-postijiet tal-votazzjoni (acta 4) tal-ħames tlielaq elettorali kollha u fis-sistema għat-trażmissjoni u t-tħabbir tar-riżultati preliminari tal-elezzjonijiet;

D. billi l-prosekuturi ħabbru li talbu li titneħħa l-immunità tal-President elett tal-Gwatemala Bernardo Arévalo; billi l-Qorti Suprema għad trid tiddeċiedi dwar dan u l-Qorti Kostituzzjonali għadha ma ddeċidietx dwar kawżi pendenti biex jiġi protett id-dritt tal-vot;

E. billi fil-15 ta’ Novembru 2023, il-Membri tal-Kungress ħatru Maġistrati tal-Qorti Suprema ġodda minn lista qasira ta’ kandidati li allegatament kienet il-prodott ta’ traffiku ta’ influwenza, skont investigazzjonijiet mill-prosekuturi tal-Gwatemala;

F. billi l-President elett Bernardo Arévalo ċaħad dawn l-allegazzjonijiet foloz u qishom bħala tentattiv mill-prosekuturi biex jinvalidaw ir-rebħa elettorali tiegħu;

G. billi Blanca Alfaro, il-President tat-Tribunal Elettorali Suprem, li r-rwol tagħha huwa li ssolvi sitwazzjonijiet bħal dawn, wieġbet minnufih lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku li r-riżultati tal-elezzjoni ma setgħux jiġu mibdula, li dawn huma “validi u ċċertifikati” u ddikjarat li “l-persuni (li rebħu t-tlielaq elettorali ) huma akkreditati kif suppost u jeħtieġ li jibdew il-mandat tagħhom fl-14 ta’ Jannar 2024”;

H. billi l-President tat-Tribunal Elettorali Suprem irrimarkat li kwalunkwe tentattiv biex uffiċjali eletti jinżammu milli jibdew il-mandat tagħhom “ikun ksur tal-ordni kostituzzjonali”;

I. billi fl-1 ta’ Diċembru 2023, erba’ maġistrati tat-Tribunal Elettorali Suprem telqu mill-pajjiż sigħat wara li l-Kungress ivvota biex ineħħilhom l-immunità tagħhom, f’tentattiv ċar mill-maġġoranza tal-Membri tal-Kungress biex ikomplu jinterferixxu mar-riżultati, filwaqt li injoraw kompletament ir-rieda tal-votanti kif espressa fl-elezzjonijiet;

J. billi l-prosekuturi qegħdin b’mod kontinwu jippruvaw jeskalaw din il-kriżi billi jieħdu azzjonijiet minn jeddhom, sikwit bi sfida għar-rieda tal-poplu tal-Gwatemala u għad-dikjarazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

K. billi l-Parlament, l-UE u sħab internazzjonali oħra ddenunzjaw il-projbizzjoni tal-kandidaturi, it-tentattivi li għaddejjin biex jiġi annullat l-eżitu tal-elezzjonijiet, il-passi kontinwi għall-kriminalizzazzjoni ta’ operaturi ġudizzjarji indipendenti u l-istrumentalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni;

L. billi f’Novembru, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ħabbar investigazzjoni dwar dimostrazzjoni li kienet saret fl-2022 u li b’mod ġenerali kienet paċifika, fl-Università ta’ San Carlos; billi l-prosekuturi talbu 27 mandat ta’ arrest għal attivisti, studenti, akkademiċi u membru ta’ Movimiento Semilla;

M. billi l-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE u missjonijiet ta’ osservazzjoni nazzjonali osservaw il-proċess elettorali kollu fuq stedina tal-awtoritajiet tal-Gwatemala u kkonkludew li l-elezzjonijiet kienu trasparenti u organizzati tajjeb, filwaqt li ma sabu l-ebda raġuni biex tiġi allegata frodi; billi l-VP/RGħ Josep Borrell u s-Segretarju Ġenerali tal-OAS iddeskrivew id-deċiżjonijiet reċenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku bħala “tentattiv ta’ kolp ta’ stat”;

N. billi t-tentattivi biex ir-riżultati tal-elezzjoni ma jitqisux wasslu għal protesti massivi; billi l-kandidati, l-atturi politiċi, l-istituzzjonijiet tal-istat u s-sistema ġudizzjarja kollha jeħtiġilhom jaċċettaw u jirrispettaw ir-rieda tal-votanti;

O. billi l-Prosekutur Ġenerali Consuelo Porras, il-Prosekutur Speċjali kontra l-Impunità José Rafael Curruchiche, l-imħallef Fredy Raúl Orellana Letona u l-prosekutur Cinthia Edelmira Monterroso Gómez jinsabu fil-lista tal-Istati Uniti ta’ Atturi mhux Demokratiċi u Korrotti;

P. billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali, li għad irid jidħol fis-seħħ, jinkludi r-“rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali” bħala “klawżola essenzjali”;

1. Jikkundanna t-tentattiv ta’ kolp ta’ stat u l-isforzi kontinwi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku li jannulla r-riżultati tal-elezzjonijiet ġenerali u presidenzjali fil-Gwatemala, abbażi ta’ allegazzjonijiet mhux sostanzjati ta’ frodi, u jitlob li dawn l-azzjonijiet jintemmu minnufih;

2. Jiċħad kull azzjoni b’motivazzjoni politika meħuda minn xi awtoritajiet, li tikser b’mod ċar il-Kostituzzjoni tal-Gwatemala, l-istat tad-dritt, l-integrità tal-proċess elettorali u l-prinċipji l-aktar bażiċi tad-demokrazija, inkluż il-prinċipju fundamentali tas-separazzjoni tas-setgħat;

3. Jappoġġja lill-President elett Bernardo Arévalo u jappella għal tranżizzjoni ordnata li twassal għall-inawgurazzjoni tiegħu bħala t-52 President tal-Gwatemala fl-14 ta’ Jannar 2024;

4. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari l-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, it-Tribunal Elettorali Suprem, il-Kungress u l-President Alejandro Giammattei, jieħdu azzjoni biex jippreżervaw l-ordni kostituzzjonali u l-istat tad-dritt, jiċħdu t-tentattivi inaċċettabbli ta’ annullament tar-riżultati elettorali, jiżguraw ir-rispett tar-rieda espressa miċ-ċittadini tal-Gwatemala permezz tal-voti tagħhom u jiggarantixxu d-drittijiet ċivili u politiċi, l-integrità u s-sikurezza tagħhom, inkluż id-dritt tal-uffiċjali eletti li jieħdu l-kariga tagħhom kif xieraq, f’konformità mal-istandards internazzjonali u mal-liġijiet tal-Gwatemala;

5. Jisħaq fuq kemm hu importanti li dawk li jostakolaw id-demokrazija jinżammu responsabbli; jistieden lill-Kunsill, f’dan ir-rigward, jadotta minnufih miżuri restrittivi mmirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, kontra (iżda mhux biss) il-Prosekutur Ġenerali María Consuelo Porras Argueta, il-kap tal-FECI José Rafael Curruchiche Cacul, l-imħallef Fredy Raúl Orellana Letona, il-Prosekutur tal-FECI Leonor Eugenia Morales Lazo u s-Segretarju Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Angel Arnoldo Pineda Avila, li qed idgħajfu l-proċess elettorali tal-2023 fil-Gwatemala u qed jistrumentalizzaw il-ġudikatura b’mod sistematiku sabiex idgħajfu l-istat tad-dritt u jikkriminalizzaw membri tal-oppożizzjoni;

6. Ifakkar li r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku u l-libertà tal-espressjoni għall-poplu kollu tal-Gwatemala huma drittijiet fundamentali u pilastri essenzjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; jinsab estremament imħasseb dwar id-deterjorament kontinwu tal-istat tad-dritt fil-Gwatemala;

7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-detenzjoni arbitrarja ta’ prosekuturi, imħallfin, ex-uffiċjali tal-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG) u ġurnalisti indipendenti, fost l-oħrajn José Rubén Zamora; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha detenuti b’mod arbitrarju, kif ukoll li titwaqqa’ kull akkuża kriminali bla bażi kontrihom; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Gwatemala, b’mod partikolari l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, li għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe tentattiv li jostakolaw il-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-operaturi ġudizzjarji u tal-ġurnalisti li investigaw u kixfu l-korruzzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi ta’ poter;

8. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri u lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Gwatemala jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż, inkluż id-deċiżjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, il-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti Suprema sakemm ikun hemm garanziji ċari u kredibbli li se tiġi rispettatata r-rieda tal-votanti, kif espressa fl-elezzjonijiet ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2023 u l-elezzjonijiet presidenzjali finali tal-20 ta’ Awwissu 2023; jestendi l-appoġġ tiegħu għall-ħidma li għaddejja mill-Missjoni Speċjali tal-OAS biex tassisti fit-tranżizzjoni presidenzjali, f’konformità mal-mandat tal-Kunsill Permanenti tal-OAS;

9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Gwatemala jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE, b’mod partikolari dawk li jindirizzaw in-nuqqasijiet ivvalutati fl-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet politiċi;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-OAS, lin-NU, lill-awtoritajiet tal-Gwatemala u lill-PARLACEN.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza