Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0097/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0097/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar aktar repressjoni fil-konfront tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela: attakki fuq il-kandidata għall-presidenza María Corina Machado

7.2.2024 - (2024/2549(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0097/2024 (PPE)
B9‑0100/2024 (S&D)
B9‑0104/2024 (Verts/ALE)
B9‑0107/2024 (Renew)
B9‑0111/2024 (ECR)

Gabriel Mato, Michael Gahler, Cláudia Monteiro de Aguiar, Leopoldo López Gil, Francisco José Millán Mon, Javier Zarzalejos
f’isem il-Grupp PPE
Javi López, Pedro Marques, Maria‑Manuel Leitão‑Marques
f’isem il-Grupp S&D
Jordi Cañas, Dita Charanzová, José Ramón Bauzá Díaz, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Katalin Cseh, Olivier Chastel, Nicola Danti, Karin Karlsbro, Michael Kauch, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Urmas Paet, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Dragoş Tudorache, Malik Azmani, Javier Nart
f’isem il-Grupp Renew
Jordi Solé
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Hermann Tertsch, Joachim Stanisław Brudziński, Adam Bielan, Witold Jan Waszczykowski, Anna Zalewska, Elżbieta Kruk, Assita Kanko
f’isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo

Proċedura : 2024/2549(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0097/2024
Testi mressqa :
RC-B9-0097/2024
Dibattiti :
Testi adottati :

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar aktar repressjoni fil-konfront tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela: attakki fuq il-kandidata għall-presidenza María Corina Machado

(2024/2549(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem għar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-29 ta’ Jannar 2024,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tat-28 ta’ Jannar 2024 dwar l-avvenimenti reċenti fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Parzjali dwar il-Promozzjoni tad-Drittijiet Politiċi u l-Garanziji Elettorali għal Kulħadd, iffirmat mill-gvern ta’ Maduro u l-alleanza tal-oppożizzjoni Venezwelana, il-Pjattaforma Unitarja, f’Ottubru 2023 (il-Ftehim ta’ Barbados),

 wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Tiftix tal-Fatti tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, ippubblikat fis-16 ta’ Settembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

 wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-UE fil-Venezwela tat-22 ta’ Frar 2022 bit-titolu “Elezzjonijiet reġjonali u muniċipali 21 ta’ Novembru 2021” u d-dikjarazzjoni tal-President tad-Delegazzjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament Ewropew, Jordi Cañas, tat-23 ta’ Novembru 2021 dwar l-elezzjonijiet reġjonali u lokali fil-Venezwela fl-2021,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-elezzjonijiet tal-Venezwela tal-2024 jistgħu jirrappreżentaw punt ta’ bidla minn awtokrazija korrotta lejn ritorn għad-demokrazija, jekk jiġu rispettati l-punti kollha tal-Ftehim ta’ Barbados; billi d-drittijiet ċivili u politiċi għadhom qed jinkisru fil-Venezwela, u dan wassal għal snin ta’ instabbiltà u vjolenza; billi aktar minn madwar tmien miljun ruħ ġew imġiegħla jitilqu mill-pajjiż;

B. billi kien hemm restrizzjonijiet sistematiċi fuq l-informazzjoni pubblika, il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni u fuq id-dritt għal għaqda paċifika, b’mod partikolari għad-dissidenti tar-reġim, għat-trejdunjonisti, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà;

C. billi fis-17 ta’ Ottubru 2023 fil-Venezwela, ir-reġim ta’ Maduro u l-alleanza tal-oppożizzjoni, il-Pjattaforma Unitarja, iffirmaw żewġ ftehimiet, magħrufa bħala l-Ftehimiet ta’ Barbados, li koprew kwistjonijiet li jinkludu l-promozzjoni tad-drittijiet politiċi u l-garanziji elettorali għal kulħadd, u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi; billi dan il-Ftehim kopra suġġetti importanti bħall-fatt li osservaturi internazzjonali jitħallew jipparteċipaw fil-proċess elettorali; billi l-Ftehim ġie ffirmat biex iservi bħala l-ewwel pass biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-Venezwela;

D. billi fit-22 ta’ Ottubru 2023, María Corina Machado ntgħażlet bħala l-kandidata presidenzjali tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, billi rebħet 92,35 % tal-voti fl-elezzjonijiet primarji;

E. billi għal diversi xhur, María Corina Machado, membri tat-tim tal-kampanja tagħha – inklużi Juan Freites, Luis Camacaro u Guillermo López, li ġew detenuti illegalment u minn dakinhar ġew irrappurtati nieqsa – organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, avukati, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u atturi politiċi oħra fl-oppożizzjoni demokratika għar-reġim spiċċaw fil-mira ta’ tentattivi arbitrarji u politikament motivati biex jiskwalifikawhom milli jokkupaw kariga pubblika; billi fost dawk fil-mira hemm Henrique Capriles, li ħareġ għal president darbtejn fil-passat u li l-iskwalifika tiegħu ġiet ikkonfermata wkoll fl-istess dikjarazzjoni tas-26 ta’ Jannar 2024;

F. billi l-proċess biex titneħħa l-iskwalifika ta’ María Corina Machado kien nieqes minn elementi bażiċi, peress li la rċeviet kopja tal-allegazzjonijiet kontriha u lanqas ma ngħatat l-opportunità li twieġeb għall-allegazzjonijiet; billi l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-reġim ippubblikat sommarju tad-deċiżjoni tagħha, li ma għandu l-ebda bażi ġuridika, fuq il-paġna web tagħha; billi l-Kostituzzjoni Venezwelana tistipula li l-individwi ma jistax ikollhom id-drittijiet politiċi tagħhom ristretti minn deċiżjonijiet amministrattivi, u lanqas ma jistgħu jiġu pprojbiti milli jokkupaw kariga pubblika b’tali deċiżjonijiet; billi r-reġim tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja għalhekk ma setax jgħaddi sentenza kostituzzjonalment soda f’din il-kwistjoni;

G. billi fis-6 ta’ Diċembru 2023, Roberto Abdul, membru tal-kummissjoni li ppjanat l-elezzjonijiet primarji għall-oppożizzjoni tar-reġim, ġie arrestat għal allegat tradiment; billi fl-istess ħin, inħarġu mandati ta’ arrest għal Henry Alviarez, Claudia Macero u Pedro Urruchurtu, membri tal-Partit Vente Venezuela, għal allegati reati inklużi tradiment, komplott u ħasil tal-flus;

H. billi dawn id-deċiżjonijiet arbitrarji huma inkonsistenti mal-impenn tar-rappreżentanti ta’ Nicolás Maduro li jorganizzaw elezzjoni presidenzjali Venezwelana kompetittiva fl-2024 u jmorru kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE; billi l-iskwalifika arbitrarja kontinwa tal-kandidati elettorali tal-oppożizzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi tirrestrinġi b’mod sever id-dritt tal-Venezwelani li jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom;

I. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar l-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela[1], il-Parlament diġà kkundanna bil-qawwa l-iskwalifiki politiċi tal-kandidati mir-reġim Venezwelan; billi din ir-riżoluzzjoni kkundannat speċifikament l-iskwalifika arbitrarja u antikostituzzjonali ta’ 15-il sena ta’ María Corina Machado u ta’ persuni oħra prominenti fil-politika u ddeplorat il-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar MOE tal-UE kienu ġew kompletament injorati;

J. billi r-reġim ta’ Maduro ċaħħad lill-Osservatur Ewlieni tal-MOE tal-UE milli jidħol fil-Venezwela biex jippreżenta r-rapport finali għall-elezzjonijiet reġjonali u muniċipali li saru fl-2021, minħabba li l-MOE tal-UE kienet tkeċċiet mill-pajjiż;

K. billi fit-22 ta’ Jannar, ir-reġim, permezz tal-avukat ġenerali, ħareġ 14-il mandat ta’ arrest abbażi ta’ akkużi foloz kontra xi individwi, inkluż id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Tamara Sujú, il-ġurnalista Sebastiana Barráez, l-Eks Sindku ta’ Caracas Antonio Ledezma, il-mexxej politiku Leopoldo López, l-Eks President interim tal-Venezwela Juan Guaidó u l-Eks Sindku David Smolansky, għal tradiment, l-assassinju ta’ persuna politika prominenti u talli sempliċiment eżerċitaw il-libertà tagħhom li jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġim;

L. billi l-Parlament Venezwelan, li huwa kkontrollat mir-reġim ta’ Maduro, qed iħejji liġi ġdida dwar il-finanzjament u l-prestazzjoni tal-NGOs sabiex jillimita l-kapaċità tas-soċjetà ċivili li torganizza u tiddefendi d-drittijiet tagħha;

M. billi fil-31 ta’ Jannar, Maduro appoġġja appell mill-Assemblea Nazzjonali kkontrollata mir-reġim biex tiġi żviluppata proposta, mill-5 ta’ Frar u bi djalogu ma’ diversi setturi, għal skeda elettorali għall-elezzjonijiet presidenzjali, mistennija fit-tieni nofs tal-2024, iżda xorta waħda mingħajr data definita;

N. billi l-pjan direzzjonali elettorali inkluż fil-Ftehim ta’ Barbados jibqa’ opportunità sabiex jiġu riżolti l-kriżijiet politiċi, ekonomiċi u umanitarji li ilhom jeżistu fil-Venezwela u biex isiru elezzjonijiet kompetittivi, ħielsa u inklużivi fil-Venezwela; billi l-persekuzzjoni tal-kandidati tal-oppożizzjoni għar-reġim tikser serjament id-drittijiet politiċi u l-garanziji elettorali ffirmati fil-Ftehim ta’ Barbados;

O. billi r-reġim qed jagħmel ukoll bidliet fil-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) biex ifixkel il-proċess elettorali u jeqred kwalunkwe prospett ta’ ritorn għad-demokrazija; billi f’Ġunju 2023, irriżenjaw tliet retturi prinċipali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali, li wassal għar-riżenja ta’ żewġ retturi li kien għad fadal; billi l-Assemblea Nazzjonali tar-reġim ħatret kummissjoni speċjali magħmula minn rappreżentanti tar-reġim, inkluża l-mara ta’ Nicolás Maduro, biex teleġġi r-retturi l-ġodda minn fost individwi tar-reġim;

1. Jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi biex il-kandidata għall-presidenza tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, María Corina Machado, u oħrajn, bħal Henrique Capriles, jiġu skwalifikati milli jokkupaw kariga pubblika; ifakkar li l-proċess biex titneħħielha l-iskwalifika kien nieqes minn elementi bażiċi, peress li la rċeviet kopja tal-allegazzjonijiet kontriha u lanqas ma ngħatat l-opportunità li twieġeb għall-allegazzjonijiet;

2. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra membri tat-tim ta’ María Corina Machado u rappreżentanti oħra tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, kif ukoll difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, u l-allegati għajbien furzat u arresti tagħhom u l-mandati ta’ arrest maħruġa għalihom; jikkundanna bil-qawwa l-indħil tar-reġim ta’ Maduro fil-proċess elettorali;

3. Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-mexxejja politiċi u soċjali kollha arrestati b’mod arbitrarju, inkluż ta’ tliet membri tal-persunal involuti fil-kampanja tal-kandidata għall-presidenza María Corina Machado, jiġifieri Juan Freites, Luis Camacaro u Guillermo Lopez;

4. Itenni li l-azzjonijiet ta’ Nicolás Maduro u r-rappreżentanti tiegħu, inklużi l-persekuzzjoni ta’ membri tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim u tentattivi li jostakulaw lil kandidati milli jikkompetu fl-elezzjoni presidenzjali ta’ din is-sena, huma ksur ċar tal-ftehimiet iffirmati f’Barbados mir-rappreżentanti ta’ Nicolás Maduro u l-Pjattaforma Unitarja, bil-ħsieb li ssir elezzjoni presidenzjali kompetittiva fil-Venezwela fl-2024;

5. Jissottolinja li d-dikjarazzjoni tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-reġim hija antikostituzzjonali u illegali, peress li tirriżulta minn allegazzjonijiet arbitrarji u politikament motivati, u li l-proċedura li ġiet segwita ma kinitx konformi mal-liġi; iqis, għalhekk, li d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-reġim ma għandha l-ebda bażi legali u li María Corina Machado tibqa’ eliġibbli biex toħroġ għall-elezzjonijiet;

6. Jemmen li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu tentattiv ċar ta’ persekuzzjoni politika dittatorjali, li jikser id-drittijiet ċivili u politiċi tal-poplu Venezwelan, u li dawn l-azzjonijiet prevedibbli, b’mod partikolari meta wieħed iqis ir-rekord tar-reġim, għal darb’oħra jeqirdu kwalunkwe prospett ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

7. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-oppożizzjoni għar-reġim biex jiġu organizzati elezzjonijiet primarji bħala soluzzjoni demokratika għall-Venezwelani residenti fil-pajjiż u barra mill-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jipprovdu l-kundizzjonijiet biex jiżguraw elezzjonijiet ġusti, liberi, inklużivi u trasparenti;

8. Iħeġġeġ lir-reġim Venezwelan itemm minnufih il-persekuzzjoni fuq ir-rebbieħa ewlenija tal-oppożizzjoni għar-reġim u b’hekk il-kandidata kompletament leġittima, María Corina Machado, u politiċi oħra tal-oppożizzjoni, u jibda jimplimenta l-Ftehim ta’ Barbados, inkluż billi jirrispetta l-prinċipji tal-pjan direzzjonali elettorali u l-paragrafu wieħed tal-Ftehim, li jiddeskrivi li l-partiti huma marbuta li “jirrikonoxxu u jirrispettaw id-dritt ta’ kull attur politiku li jagħżel il-kandidat tiegħu għall-elezzjonijiet presidenzjali liberament”, li jfisser li jiġi żgurat li l-mexxejja tal-oppożizzjoni għar-reġim, María Corina Machado, tkun tista’ tipparteċipa liberament f’elezzjoni presidenzjali kompetittiva u verament demokratika fl-2024;

9. Ifakkar fil-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u umanitarji terribbli li ilhom prevalenti fil-Venezwela għal bosta snin, li l-Venezwelani ilhom jissaportu għal żmien twil wisq; jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, il-qtil, ir-repressjoni kostanti, it-tortura sistematika u l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, ċivili u politiċi tal-poplu Venezwelan u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lir-reġim Venezwelan jieqaf immedjatament jippersegwita, joħnoq u jikser id-drittijiet ċivili u politiċi tal-avversarji politiċi tiegħu u tal-poplu Venezwelan, kif ukoll jirrevoka l-mandati ta’ arrest għall-avversarji politiċi u jeħles lill-priġunieri politiċi;

10. Jinsab imħasseb dwar l-abbuż tal-qafas legali biex tiġi ristretta d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta’ assoċjazzjoni, u jinsab b’mod partikolari mħasseb dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-kontroll, ir-regolarizzazzjoni, l-operazzjonijiet u l-finanzjament ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi u organizzazzjonijiet relatati;

11. Jinnota l-importanza li l-Venezwelani kollha, kemm fil-Venezwela kif ukoll barra mill-pajjiż, jitħallew jipparteċipaw fl-elezzjonijiet billi jaġġornaw ir-reġistru elettorali permanenti u r-reġistru elettorali barra mill-pajjiż, kif previst fil-paragrafu 3(2)(e) tal-Ftehim ta’ Barbados;

12. Jikkundanna bil-qawwa l-indħil fil-ħatra tal-membri tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali u jappella għal proċedura ta’ nomina indipendenti għal ħatriet ġodda fi ħdan il-Kunsill;

13. Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Tiftix tal-Fatti tan-NU dwar ir-reati u l-atti ta’ repressjoni estensivi min-naħa tar-reġim Venezwelan u jappella lill-UE tappoġġja l-investigazzjonijiet li bħalissa qed jiġu kkunsidrati skont l-Istatut ta’ Ruma, dwar l-allegati reati kontra l-umanità, biex dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;

14. Jibqa’ impenjat bis-sħiħ li jappoġġja d-djalogu bejn il-partijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Venezwelan għal futur demokratiku; jappella lill-UE taħdem mal-komunità internazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati demokratiċi paċifiċi kollha fl-ispettru politiku kollu fil-Venezwela u tingrana l-mekkaniżmi kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tinkoraġġixxi ritorn għall-prinċipji fil-Ftehim ta’ Barbados;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu s-sanzjonijiet imposti fuq ir-reġim ta’ Maduro; jinsisti li s-sanzjonijiet għandhom jiżdiedu sakemm ikun hemm impenn ċar u permanenti, skont il-Ftehim ta’ Barbados, biex jiġu rispettati l-istandards demokratiċi bażiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jappella għal aktar sanzjonijiet immirati permezz tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) kontra l-imħallfin tal-Qorti Suprema tal-Venezwela li kienu involuti f’tentattivi biex María Corina Machado tiġi pprojbita milli tokkupa kariga pubblika u kontra l-membri tal-forzi tas-sigurtà Venezwelani involuti fl-abbużi sistematiċi mwettqa kontra l-avversarji tal-gvern;

16. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Venezwela, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż u jkollhom rwol aktar assertiv u viżibbli;

17. Jinsisti li l-UE ma tridx tikkunsidra li tibgħat kwalunkwe missjoni ta’ osservazzjoni elettorali fil-Venezwela sakemm ma jkunx hemm garanziji ċari u kredibbli li l-Ftehim ta’ Barbados u l-pjan direzzjonali elettorali qed jiġu rispettati fl-intier tagħhom, sakemm il-politiċi tal-oppożizzjoni li ġew skwalifikati milli jokkupaw kariga pubblika titneħħielhom tali skwalifika, sakemm María Corina Machado titħalla tipparteċipa fl-elezzjonijiet, u sakemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2021 jiġu implimentati kif xieraq;

18. Jisħaq li l-elezzjonijiet u r-riżultati tagħhom mhux se jiġu rikonoxxuti jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parteċipanti fis-Summit bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet tar-reġim Venezwelan.

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza