MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar iż-żieda fl-għadd ta’ eżekuzzjonijiet fl-Iran, b’mod partikolari l-każ ta’ Mohammad Ghobadlou
7.2.2024 - (2024/2551(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0102/2024 (The Left)
B9‑0109/2024 (Verts/ALE)
B9‑0113/2024 (PPE)
B9‑0120/2024 (Renew)
B9‑0122/2024 (S&D)
B9‑0122/2024 (ECR)
Janina Ochojska, Željana Zovko, David McAllister, Antonio López‑Istúriz White, Miriam Lexmann, Andrius Kubilius, Andrzej Halicki, Tomáš Zdechovský, Vladimír Bilčík, Michaela Šojdrová, Jiří Pospíšil, Ivan Štefanec, Inese Vaidere
f’isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Evin Incir, Thijs Reuten, Pina Picierno
f’isem il-Grupp S&D
Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Michael Kauch, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache
f’isem il-Grupp Renew
Jakop G. Dalunde, Hannah Neumann
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Karol Karski, Ryszard Czarnecki, Charlie Weimers, Andżelika Anna Możdżanowska, Alexandr Vondra, Elżbieta Kruk, Joachim Stanisław Brudziński, Assita Kanko, Waldemar Tomaszewski, Witold Jan Waszczykowski, Anna Zalewska, Veronika Vrecionová, Bogdan Rzońca, Elżbieta Rafalska, Eugen Jurzyca, Adam Bielan, Hermann Tertsch
f’isem il-Grupp ECR
Cornelia Ernst
f’isem il-Grupp The Left
Fabio Massimo Castaldo
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fl-għadd ta’ eżekuzzjonijiet fl-Iran, b’mod partikolari l-każ ta’ Mohammad Ghobadlou
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi aktar minn 800 individwu ġew iġġustizzjati fl-Iran fl-2023, l-ogħla ċifra mill-2015, u aktar minn 500 dimostrant inqatlu bħala parti mit-trażżin kontinwu tal-moviment “il-Mara, il-Ħajja, il-Libertà”; billi l-minoranzi huma affettwati b’mod sproporzjonat;
B. billi fit-23 ta’ Jannar 2024 ġie miċħud l-appell ta’ Mohammad Ghobadlou, raġel ta’ 23 sena b’diżabilità intellettwali, kontra s-sentenza tal-mewt tiegħu u ġie ġġustizzjat; billi l-proċess inġust tiegħu ġie vizzjat minn allegazzjonijiet ta’ tortura u minn segretezza;
C. billi l-UNHRC irrapporta li mill-inqas 54 persuna ġew iġġustizzjati f’Jannar 2024; billi, skont il-Human Rights Watch, mill-inqas 11-il priġunier, inklużi Anwar Khezri, Kamran Sheikheh u Khosrow Basharat, bħalissa jinsabu f’riskju ta’ eżekuzzjoni imminenti;
D. billi l-Iran juża b’mod sistematiku d-diplomazija tal-ostaġġi bħala għodda ta’ politika barranija;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjonijiet ta’ dimostranti paċifiċi fl-Iran, inkluża dik ta’ Mohammad Ghobadlou; iħeġġeġ lill-Iran jibdel is-sentenzi tal-mewt kollha f’sentenzi ta’ ħabs u jabolixxi kompletament il-piena tal-mewt; itenni l-oppożizzjoni soda tiegħu għall-piena tal-mewt f’kull mument u f’kull ċirkostanza; jappoġġja bis-sħiħ il-kampanja ta’ abolizzjoni mnedija mir-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, Narges Mohammadi, li attwalment qiegħda il-ħabs; itenni l-appoġġ sod tiegħu għall-Moviment “Il-Mara, il-Ħajja u l-Libertà” fl-Iran;
2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ kull persuna miżmuma b’mod arbitrarju f’ċella fl-istennija tal-eżekuzzjoni tal-kundanna tal-mewt tagħha u tal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari Ahmadreza Djalali u Johan Floderus;
3. Jappella għal strateġija ġdida u kuraġġuża tal-UE fil-konfront tal-Iran, intiża anki biex tiġġieled d-diplomazija tal-ostaġġi tiegħu;
4. Itenni l-appell sod tiegħu lill-Kunsill biex isejjaħ lill-IRGC organizzazzjoni terroristika u jimponi aktar sanzjonijiet tal-UE fuq uffiċjali u entitajiet involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Mexxej Suprem, il-President u l-Prosekutur Ġenerali;
5. Itenni l-kundanna tiegħu tar-repressjoni brutali mill-Iran fil-konfront tad-dimostranti paċifiċi, b’mod partikolari n-nisa u l-minoranzi; jitlob investigazzjoni imparzjali, indipendenti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tad-dimostranti;
6. Jistieden lill-Iran jirrispetta l-proċess ġust; jikkundanna l-kundizzjonijiet terribbli ta’ detenzjoni, l-użu mifrux tat-tortura, inkluża l-vjolenza sesswali, u n-nuqqas ta’ aċċess għat-trattament mediku u r-rappreżentanza legali;
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-proċessi u jorganizzaw żjarat fil-ħabsijiet fejn jinżammu priġunieri ta’ kuxjenza, inklużi ċittadini tal-UE, f’konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;
8. Jistieden lill-Istati Membri jibdew investigazzjonijiet kriminali fil-konfront ta’ uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, anki taħt il-ġurisdizzjoni universali;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tekniku u baġitarju għal soċjetà ċivili Iranjana b’saħħitha u indipendenti; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-viżi, l-ażil u l-għotjiet ta’ emerġenza għal dawk li jeħtieġu jaħarbu mill-Iran;
10. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tiġdid tal-mandati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Iran u tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-awtoritajiet Iranjani.