MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-attakki reċenti f’lejlet il-Milied fl-Istat ta’ Plateau fin-Niġerja
7.2.2024 - (2024/2552(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0105/2024 (Verts/ALE)
B9‑0114/2024 (PPE)
B9‑0117/2024 (Renew)
B9‑0118/2024 (S&D)
B9‑0119/2024 (ECR)
Vladimír Bilčík, Andrius Kubilius, David McAllister, Tomáš Zdechovský, Janina Ochojska, Željana Zovko, Ivan Štefanec, Michaela Šojdrová, Andrzej Halicki, Jiří Pospíšil, Miriam Lexmann, Inese Vaidere, Ioan‑Rareş Bogdan
f’isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Karsten Lucke
f’isem il-Grupp S&D
Katalin Cseh, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Svenja Hahn, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f’isem il-Grupp Renew
Pierrette Herzberger‑Fofana
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Hermann Tertsch, Anna Fotyga, Karol Karski, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Assita Kanko, Adam Bielan, Witold Jan Waszczykowski, Anna Zalewska, Waldemar Tomaszewski, Bogdan Rzońca, Elżbieta Kruk, Joachim Stanisław Brudziński, Elżbieta Rafalska
f’isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-attakki reċenti f’lejlet il-Milied fl-Istat ta’ Plateau fin-Niġerja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fin-Niġerja ġiet aggravata minn eskalazzjoni ta’ kunflitti reliġjużi, etniċi u interkomunali, b’mod partikolari fil-Faxxa Ċentrali tal-pajjiż, fejn il-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja nomadiċi dwar ir-riżorsi tal-art u tal-ilma wassal għal għadd ta’ mwiet bla preċedent mill-Milied ’l hawn;
B. billi, bejn it-23 u l-25 ta’ Diċembru 2023, irġiel armati fetħu attakk fuq skala kbira fuq aktar minn 160 villaġġ fiż-żoni ta’ gvern lokali ta’ Bokkos, Barkin Ladi u Magu fl-Istat ta’ Plateau, attakk li kkaġuna l-mewt ta’ aktar minn 335 persuna, inklużi mill-anqas 200 membru tal-komunitajiet Insara;
C. billi ħafna mill-persuni spostati bħalissa qed jgħixu f’kampijiet temporanji b’aċċess limitat għall-ilma, għas-sanità, għall-ikel, għall-medikazzjoni u għall-kura tas-saħħa, inkluż għas-servizzi tas-saħħa mentali;
D. billi, skont organizzazzjonijiet mhux governattivi Niġerjani, 52 000 persuna Nisranija u 34 000 persuna Musulmana nqatlu sa mill-2009, filwaqt li nqerdu 18 000 knisja u 2 200 skola Nisranija;
E. billi l-vjolenza minn gruppi terroristiċi Iżlamiċi, bħall-Boko Haram u l-Istat Iżlamiku fil-Provinċja tal-Afrika tal-Punent, li għandhom fil-mira kemm l-Insara kif ukoll il-Musulmani fil-Grigal tan-Niġerja, diġà spostat ’il fuq minn żewġ miljun persuna;
F. billi l-fatturi li jalimentaw il-ġlied jikkoinċidu u fost l-għeruq tagħhom insibu tilwim territorjali, tensjonijiet etniċi, aċċess għal riżorsi skarsi u degradazzjoni ambjentali;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta’ vjolenza fi żmien il-Milied immirati kontra l-Insara u komunitajiet oħra, li wasslu għal għadd bla preċedent ta’ mwiet, korrimenti u spostamenti, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk affettwati;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jieħdu azzjoni kontra l-gruppi Iżlamisti militanti li jisfruttaw il-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja u jħeġġiġhom jindirizzaw il-kawżi fundamentali tiegħu; iwissi li l-kunflitt jaf jiġi strumentalizzat biex ixerred il-mibegħda bbażata fuq ir-reliġjon; jirrikonoxxi r-rwol tat-tibdil fil-klima, tal-kompetizzjoni għal riżorsi skarsi u tal-għajbien ta’ skemi ta’ medjazzjoni effettivi fid-deterjorament tal-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja, li qed iġiegħel lir-rgħajja jiċċaqalqu lejn in-Nofsinhar;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jwettqu investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti tal-attakki tal-Milied u jiżguraw li dawk responsabbli jintalbu kont ta’ għemilhom;
4. Iħeġġeġ lill-atturi umanitarji kollha jiżguraw li jiġu allokati biżżejjed riżorsi biex tiġi indirizzata l-kriżi;
5. Jilqa’ d-dibattitu tal-Parlament Niġerjan dwar il-kwistjoni u jħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan isaħħaħ is-sigurtà tal-komunitajiet, irawwem id-djalogu u l-medjazzjoni tal-kunflitti u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-irkupru soċjoekonomiku;
6. Jilqa’ s-sħubija b’saħħitha bejn l-UE u n-Niġerja u jappella biex din issir aktar profonda fl-oqsma tas-sigurtà, il-medjazzjoni, id-djalogu interreliġjuż u interkulturali u l-bini tal-paċi; iħeġġeġ lill-Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin barra mill-UE jżur in-Niġerja; jilqa’ t-tħabbira ta’ pakkett tal-Global Gateway ta’ EUR 900 miljun għan-Niġerja f’Ottubru 2023;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tan-Niġerja.