Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0124/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0124/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar Russiagate: allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea

7.2.2024 - (2024/2548(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0124/2024 (Verts/ALE)
B9‑0125/2024 (S&D)
B9‑0127/2024 (Renew)
B9‑0128/2024 (ECR)
B9‑0130/2024 (PPE)

Michael Gahler, Sandra Kalniete, Javier Zarzalejos, Željana Zovko, Vladimír Bilčík, Rasa Juknevičienė, Andrius Kubilius, Dolors Montserrat, Dace Melbārde
f’isem il-Grupp PPE
Andreas Schieder
f'isem il-Grupp S&D
Nathalie Loiseau, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, José Ramón Bauzá Díaz, Jordi Cañas, Claudia Gamon, Vlad Gheorghe, Ivars Ijabs, Ilhan Kyuchyuk, Karin Karlsbro, Karen Melchior, Maite Pagazaurtundúa, María Soraya Rodríguez Ramos, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Adrián Vázquez Lázara
f'isem il-Grupp Renew
Sergey Lagodinsky
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Beata Szydło, Ryszard Czarnecki, Anna Fotyga, Roberts Zīle, Joachim Stanisław Brudziński, Patryk Jaki, Adam Bielan, Witold Jan Waszczykowski, Eugen Jurzyca, Jacek Saryusz‑Wolski, Beata Mazurek, Anna Zalewska, Elżbieta Kruk
f’isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2024/2548(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0124/2024
Testi mressqa :
RC-B9-0124/2024
Dibattiti :
Testi adottati :

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Russiagate allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea

(2024/2548(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament bl-għan li jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikolari dik tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2024 dwar kuxjenza storika Ewropea[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna[8],

 wara li kkunsidra r-rapport tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-23 ta’ Jannar 2024 intitolat “It-Tieni Rapport tas-SEAE dwar Theddid ta’ Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Ndħil minn Barranin – Qafas għad-Difiża f’Network),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar id-Difiża tad-Demokrazija (COM(2023)0630),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza ta’ rappreżentanza tal-interessi mwettqa f’isem pajjiżi terzi u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2023)0637),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-demokrazija (COM(2020)0790),

 wara li kkunsidra l-prinċipju ġuridiku tal-preżunzjoni ta’ innoċenza,

 wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE[9],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-indħil barrani, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni jikkostitwixxu ksur serju tal-valuri u l-prinċipji universali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi l-fiduċja fl-integrità tal-Parlament u fl-istat tad-dritt hija tal-akbar importanza għall-funzjonament tad-demokrazija Ewropea;

B. billi hemm evidenza ta’ ndħil u manipulazzjoni Russi f’ħafna demokraziji, kif ukoll ta’ appoġġ prattiku għal forzi estremisti u entitajiet b’mentalità radikali sabiex tiġi promossa d-destabbilizzazzjoni tal-Unjoni;

C. billi l-Kumitat Speċjali tal-Parlament dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-UE, inkluża d-diżinformazzjoni kixef fid-dettall l-isforzi u l-operazzjonijiet immexxija mir-Russja biex hija tinfiltra u tindaħal fid-demokraziji Ewropej u fl-istituzzjonijiet Ewropej, u tinfluwenzahom; billi r-rispons tal-Parlament Ewropew għall-indħil barrani sar aktar viġilanti; billi, madankollu, għad iridu jittieħdu miżuri aktar robusti u jridu jiġu adottati riformi interni biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva minn influwenza esterna indebita;

D. billi r-Russja qed tuża firxa wiesgħa ta’ tattiki tal-gwerra ibridi biex tilħaq l-għanijiet tagħha, bħala parti minn strateġija akbar biex timmina l-funzjonament xieraq tal-proċessi demokratiċi Ewropej; billi l-użu tal-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, bħala mezz biex jiġu diviżi s-soċjetajiet demokratiċi, kien il-prekursur tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna u żdied minn dak iż-żmien ’l hawn; billi t-tixrid tad-diżinformazzjoni mir-Russja kemm permezz tal-istrumenti tal-media tradizzjonali kif ukoll permezz tal-pjattaformi tal-istrumenti tal-media soċjali, il-kontroll ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-hacking tagħha tal-kandidati elettorali u l-attakki ċibernetiċi żdiedu għal livell bla preċedent;

E. billi l-falsifikazzjoni sistematika tal-istorja ilha parti mill-gwerra tal-informazzjoni min-naħa tar-Russja għal għexieren ta’ snin;

F. billi l-Kremlin ilu jopera network estensiv ta’ aġenti ta’ influwenza madwar l-UE li affettwaw il-proċessi elettorali u l-politiki dwar kwistjonijiet strateġiċi ewlenin bħall-infrastruttura tal-enerġija; billi dawn l-aġenti ta’ influwenza b’mod attiv jimmiraw fuq l-oqsma kollha tal-ħajja pubblika, b’mod partikolari l-kultura, it-tifkira storika, il-komunitajiet tal-media u dawk reliġjużi, kif ukoll il-politiċi u lill-familji tagħhom; billi għexieren ta’ investigazzjonijiet taw prova ta’ rabtiet bejn atturi politiċi u pubbliċi Ewropej attivi jew irtirati prominenti u l-Kremlin;

G. billi l-finanzjament minn barra l-UE ta’ attivitajiet politiċi u ta’ personalitajiet politiċi fl-Unjoni Ewropea qabel u wara l-24 ta’ Frar 2022, b’mod partikolari mir-Russja, għadu qed jiġi żvelat; billi dan il-finanzjament joħloq riskju għall-integrità tal-proċessi demokratiċi fl-Istati Membri tal-UE u jirrikjedi investigazzjoni bir-reqqa biex dawk il-persuni kompliċi jinżammu responsabbli; billi l-Kremlin sponsorja u appoġġja wkoll għadd ta’ partiti tal-lemin estrem fl-Ewropa u, fost affarijiet oħra, ippermetta lill-partit ta’ Marine Le Pen jirċievi self ta’ EUR 9,4 miljun minn bank Russu fl-2013; billi minn dak iż-żmien ’l hawn Le Pen u l-membri tal-partit tagħha f’diversi okkażjonijiet esprimew pożizzjoni favur il-Kremlin;

H. billi r-Russja stabbiliet kuntatti ma’ partiti, personalitajiet u movimenti sabiex toqgħod fuq atturi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu leġittimizzati l-pożizzjonijiet Russi, jiġu appoġġjati l-movimenti għall-indipendenza u l-gvernijiet bi prokura u biex tinħoloq pressjoni sabiex jiħfiefu s-sanzjonijiet u jittaffew il-konsegwenzi tal-iżolament internazzjonali; billi Membri tal-PE minn ċerti gruppi politiċi, kif ukoll uħud mill-Membri tal-Parlament mhux affiljati, kienu qed ixerrdu propaganda sfaċċata favur il-Kremlin fil-Parlament;

I. billi rapporti minn strumenti tal-media indipendenti fid-29 ta’ Jannar 2024 ippreżentaw evidenza konkreta li tiddikjara li l-Membru tal-PE Tatjana Ždanoka setgħet aġixxiet bħala informatur għall-Ħames Servizz tas-Servizz tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa (FSB) tal-inqas mill-2004 sal-2017;

J. billi l-azzjonijiet tagħha ġew deskritti bħala li jinkludu l-promozzjoni tal-politika f’isem il-Federazzjoni Russa, permezz tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, kif ukoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-ħidmiet interni tal-Parlament; billi r-rapport investigattiv jissuġġerixxi li l-Membru tal-PE kkonċernata talbet ħlas tal-anqas darba mingħand il-kontropartijiet tagħha biex tkopri l-ispejjeż tas-servizzi mogħtija;

K. billi dawn l-allegazzjonijiet jiddependu, fost affarijiet oħra, fuq dawk li huma deskritti bħala konverżazzjonijiet bl-email żvelati bejn il-Membru tal-PE kkonċernata u żewġ persuni li jittrattaw il-każijiet fil-Ħames Servizz tal-FSB, li jmorru lura sa mit-3 ta’ Ottubru 2005 ’l quddiem;

L. billi l-Membru tal-PE kkonċernata kienet magħrufa sew għall-pożizzjoni tagħha favur ir-Russja u t-tixrid konsistenti ta’ narrattivi kontra l-Latvja u kontra l-UE matul iż-żmien tagħha bħala Membru tal-PE, inkluża l-oppożizzjoni tagħha għall-eżistenza tal-Latvja bħala pajjiż sovran u r-rifjut tagħha li tikkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja; billi l-Membru tal-PE hija magħrufa wkoll li involviet ruħha f’imġiba politika problematika ħafna, fost affarijiet oħra, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fi żjara ta’ osservazzjoni ta’ referendum fil-Krimea okkupata mir-Russja fl-2014, żjara lid-dittatur Sirjan Bashar al-Assad fl-2016 u l-parteċipazzjoni tagħha fi trażmissjonijiet ta’ propaganda favur il-Kremlin fuq it-televiżjoni f’Moska; billi l-Membru tal-PE deliberatament tat l-impressjoni li dawn il-vjaġġi saru f’isem il-Parlament Ewropew jew l-UE; billi l-Membru tal-PE kkonċernata organizzat u ppromwoviet avvenimenti fil-Parlament Ewropew ma’ rappreżentanti favur il-Kremlin mir-reġjuni ta’ Donetska u Luhanska qabel l-annessjoni illegali tagħhom; billi l-attivitajiet tagħha allegatament ġew sponsorjati spiss minn gruppi paraventu ffinanzjati mill-Kremlin, bħall-Fondazzjoni Russkiy Mir; billi l-Membru tal-PE kkonċernata, flimkien ma’ Membri oħra tal-PE, organizzat avvenimenti pubbliċi u vvjaġġat lejn il-Litwanja biex turi b’appoġġ għal Algirdas Paleckis, ċittadin Litwan u eks diplomatiku u politiku li nstab ħati ta’ spjunaġġ għar-Russja;

M. billi rapporti tal-gazzetti għal żmien twil enfasizzaw il-kuntatti u r-relazzjonijiet personali mill-qrib bejn is-seċessjonisti fil-Katalonja, inklużi l-awtoritajiet tal-gvern tal-komunità awtonoma tal-Katalonja, u l-Kremlin; billi permezz tal-bini tagħha ta’ kuntatti u relazzjonijiet, ir-Russja għandha l-għan li tibni influwenza politika u ekonomika biex tiddestabbilizza d-demokrazija fl-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti ta’ Istruzzjoni Nru 1 f’Barċellona, li hija responsabbli mill-investigazzjoni tal-każ Voloh, li torbot, fost oħrajn, l-eks President tal-Katalonja u lill-entourage tiegħu mar-Russja, reċentement estendiet l-investigazzjoni għal sitt xhur;

N. billi l-Membru tal-PE kkonċernata ġiet eskluża mill-grupp politiku tagħha u issa fil-Parlament hija membru mhux affiljat; billi l-Membru kkonċernata ġabret appoġġ minn xi Membri oħra tal-PE li l-pożizzjonijiet pubbliċi tagħhom dwar kwistjonijiet internazzjonali huma simili għal tagħha;

O. billi fid-dawl tar-rivelazzjonijiet, il-President tal-Parlament Ewropew ħabbret minnufih it-tnedija ta’ investigazzjoni interna, inkluż riferiment lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri; billi l-investigazzjoni tinsab għaddejja bħalissa; billi l-penali possibbli skont ir-Regoli ta’ Proċedura jinkludu t-telf tad-dritt għall-indennizz tas-sussistenza ta’ kuljum, is-sospensjoni temporanja mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kollha tal-Parlament jew f’uħud minnhom u l-limitazzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata; billi s-servizz tas-sigurtà Latvjan ħabbar li se jinvestiga l-allegazzjonijiet;

P. billi l-Membru tal-PE kkonċernata mhijiex l-uniku Membru tal-Parlament Ewropew li involva ruħu f’attivitajiet, inkluża l-parteċipazzjoni f’missjonijiet foloz ta’ osservazzjoni elettorali f’territorji okkupati mir-Russja li jistgħu jiġu mfixkla ma’ missjonijiet uffiċjali tal-Parlament Ewropew; billi diversi Membri tal-PE ġew sanzjonati għal dan il-ksur skont il-proċedura tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet; billi dawn iż-żjarat seħħew sistematikament fir-Russja u f’territorji okkupati mir-Russja;

Q. billi kien hemm każijiet irrapportati ta’ Membri tal-PE li użaw ir-riżorsi tal-Parlament biex jappoġġjaw u jippromwovu attivitajiet li huma marbuta direttament jew indirettament mal-każijiet ta’ ndħil barrani, pereżempju f’Diċembru 2022 meta l-kanal STV ta’ propaganda statali tal-Belarussja kiseb aċċess għall-bini tal-Parlament u għall-faċilità tal-video recording VoxBox fil-Parlament u, b’riżultat ta’ dan, il-bini tal-Parlament intuża minn diversi Membri tal-PE biex jinħoloq kontenut ta’ diżinformazzjoni favur il-Kremlin u kontra l-UE;

R. billi fl-2016, il-partit fil-Gvern tar-Russja, Jedinaja Rossija (Russja Magħquda), iffirma ftehim ta’ kooperazzjoni mal-partit Awstrijak tal-lemin estrem (FPÖ), fejn appella għal kooperazzjoni akbar bejn iż-żewġ partiti u rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar b’saħħithom bejn Vjenna u Moska; billi dan il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza ta’ Membru tal-PE mill-FPÖ, li, minn dak iż-żmien ’l hawn appella ripetutament biex jiħfiefu s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u xerred diżinformazzjoni favur il-Kremlin;

S. billi l-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin kixef kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira, allegatament orkestrata mir-Russja, fuq il-pjattaforma X, li kienet magħrufa bħala Twitter, bl-għan li timmanipula l-opinjoni pubblika; billi strumenti rispettabbli tal-media Ġermaniża esponew il-fatt li impjegat ta’ membru tal-Bundestag Ġermaniż li jagħmel parti mill-partit Alternative für Deutschland (AfD) ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għall-FSB;

T. billi għal għadd ta’ snin, xi Membri tal-PE rreklutaw u impjegaw ċittadini Russi li jappoġġjaw ir-reġim ta’ Putin bħala trainees, assistenti parlamentari akkreditati u konsulenti ta’ gruppi u ma waqfux jagħmlu dan anke wara l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi fl-2018 u fl-2019, Elizaveta Peskova, bint Dmitry Peskov, il-portavuċi ta’ Vladimir Putin, kienet qed taħdem bħala trainee ma’ Membru tal-PE;

U. billi wara r-rivelazzjonijiet tal-Qatargate, f’Settembru 2023, il-Parlament aġġorna u saħħaħ b’mod sinifikanti l-qafas ta’ integrità interna tiegħu, fost affarijiet oħra, permezz ta’ reviżjoni fil-fond tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE u d-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Bureau;

V. billi l-2024 hija sena elettorali kruċjali u għandhom isiru diversi elezzjonijiet presidenzjali, nazzjonali, lokali u reġjonali fl-Istati Membri, minbarra l-elezzjonijiet Ewropej ippjanati bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju; billi l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 x’aktarx li se jkunu mira speċjali għall-kampanji ta’ diżinformazzjoni fil-livell lokali, reġjonali u tal-UE;

1. Jesprimi r-rabja sħiħa u t-tħassib serju tiegħu dwar l-isforzi kontinwi mir-Russja biex tikkomprometti d-demokrazija Ewropea; jinsab ixxukkjat bir-rapporti kredibbli li jixħtu dawl fuq l-isforzi tar-Russja biex ixxewwex il-firda bejn iċ-ċittadini Ewropej billi tirrekluta lill-Membri tal-PE bħala aġenti ta’ influwenza, kif ukoll bl-isforzi tagħha biex sistematikament toħloq sistema ta’ dipendenzi permezz tal-partiti politiċi Ewropej li mbagħad jaġixxu bħala amplifikaturi tal-propaganda tal-Kremlin u jaqdu l-interessi tiegħu; ifakkar li, billi ssegwi strateġija fit-tul ta’ ndħil barrani, ir-Russja qed tipprova tikkomprometti u fl-aħħar mill-aħħar teqred id-demokrazija fl-Ewropa; jindika l-isforzi ta’ Putin biex iżarma kompletament kwalunkwe forma ta’ demokrazija fir-Russja u jissottolinja li dan irid ikun sinjal ta’ twissija biex ħadd ma jkun indifferenti għall-għanijiet fit-tul ta’ Putin u għaldaqstant dawn it-tentattivi ta’ ndħil Russu jridu jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ gravità estrema; jisħaq li għal dan it-tip ta’ tattiki jrid ikun hemm il-konsegwenzi; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw u jirfinaw il-pakketti ta’ sanzjonijiet adottati kontra l-Federazzjoni Russa u biex jagħlqu l-lakuni fl-infurzar tal-miżuri restrittivi attwalment fis-seħħ;

2. Jikkundanna b’mod inekwivoku l-isforzi kontinwi tar-Russja biex tabbuża u tiffalsifika t-tifkira storika tal-perjodi l-aktar traġiċi tal-Ewropa, bħat-terrur tar-reġim tan-Nazi, sabiex tipprova tiġġustifika l-aggressjoni brutali, illegali u inumana attwali tagħha u l-politika espansjonista tagħha;

3. Jesprimi tħassib serju dwar rapporti li l-Membru tal-PE Tatiana Ždanoka setgħet aġixxiet bħala informatur għall-Ħames Servizz tal-FSB filwaqt li kienet ukoll qed taqdi l-mandat tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew; jisħaq li informatur tal-FSB li jkollu aċċess għall-benefiċċji u għall-informazzjoni bħala Membru tal-Parlament Ewropew ikun theddida serja għas-sigurtà u d-demokrazija tal-Unjoni tagħna; jisħaq li huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew, kif ukoll l-awtoritajiet Latvjani, jinvestigaw din il-kwistjoni bir-reqqa sabiex jiddeterminaw, mingħajr dewmien, is-sanzjonijiet u l-proċedimenti kriminali xierqa;

4. Jisħaq li l-Membru tal-PE kkonċernata ġiet eskluża mill-grupp politiku tagħha għal raġunijiet relatati mal-pożizzjonijiet tagħha dwar ir-Russja u l-Ukrajna u issa mhijiex affiljata; jissottolinja li l-maġġoranza l-kbira tal-Membri tal-PE mhumiex tal-istess fehma tagħha u kkundannaw bl-akbar qawwa l-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja, l-użu tagħha ta’ tattiki ta’ gwerra ibrida kontra d-demokrazija Ewropea u għażliet ta’ politika aggressivi u antidemokratiċi oħra f’dawn l-aħħar snin; jinnota, madankollu, li għadd żgħir ta’ Membri tal-PE pparteċipaw f’azzjonijiet b’mod konġunt mal-Membru tal-PE kkonċernata, filwaqt li esprimew fehmiet simili u appoġġjaw b’mod ċar lir-Russja;

5. Jimpenja ruħu li jipprovdi l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-awtoritajiet Latvjani kif ukoll jikkoopera magħhom fl-investigazzjoni tagħhom dwar l-imġiba tal-Membru tal-PE kkonċernata; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw jekk il-Membru tal-PE kkonċernata hijiex soġġetta għall-prosekuzzjoni skont il-liġi kriminali nazzjonali u jibqa’ lest biex jipprovdi l-appoġġ u l-kooperazzjoni sħaħ tiegħu għal dan;

6. Jilqa’ r-riferiment tal-Membru tal-PE kkonċernata lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri; jimpenja ruħu li jinforza bis-sħiħ il-qafas ta’ sanzjonijiet interni applikabbli tiegħu; jinnota li l-fatti allegati ġraw qabel l-adozzjoni reċenti tar-riforma tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament; iqis li r-regoli waħedhom ma kinux se jipprevjenu l-allegata mġiba kundannabbli tal-Membru tal-PE; jibqa’ lest, madankollu, li jevalwa u jirfina aktar il-funzjonament u s-sanzjonar tal-qafas ta’ integrità tal-Parlament, li ssaħħaħ wara l-Qatargate;

7. Jappoġġja l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati l-proċess ġust, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; itenni li l-għażliet politiċi ma jistgħux jiġu kriminalizzati u li l-Membri tal-PE ma għandhomx jiffaċċjaw aktar restrizzjonijiet fuq l-espressjoni tal-opinjonijiet tagħhom meta jeżerċitaw il-mandat leġittimu tagħhom;

8. Jindika każijiet oħra ta’ Membri tal-PE li konxjament jaqdu l-interessi tar-Russja; jissottolinja li l-attivitajiet ta’ dawn il-Membri tal-PE qed jikkompromettu s-sigurtà, il-kredibbiltà u r-reżiljenza demokratika tal-UE; jesprimi tħassib serju dwar ir-rabtiet li l-Membru tal-PE kkonċernata seta’ kellha ma’ Membri oħra tal-PE u jiddenunzja bil-qawwa kwalunkwe tentattiv intern ikkoordinat biex tiġi avvanzata l-aġenda politika tal-Kremlin fil-Parlament; iqis li huwa essenzjali li titwettaq minnufih investigazzjoni interna bir-reqqa sabiex jiġu vvalutati l-każijiet kollha possibbli ta’ ndħil barrani mir-Russja u ta’ tipi oħra ta’ ndħil malizzjuż fil-ħidma tal-Parlament Ewropew;

9. Jesprimi tħassib partikolari dwar rapporti reċenti li l-awtoritajiet Russi qed jipprovdu narrattivi speċifiċi lil partiti politiċi u atturi tal-lemin estrem f’pajjiżi differenti tal-UE, b’mod partikolari fil-Ġermanja u fi Franza, bl-għan li jimminaw l-appoġġ pubbliku għall-Ukrajna, wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fl-2022; jisħaq fuq is-serjetà tal-konnessjonijiet tar-Russja ma’ partiti u politiċi fl-Unjoni u l-indħil estensiv tagħha fil-movimenti seċessjonisti fit-territorji Ewropej;

10. Itenni r-rabja tiegħu dwar ir-rivelazzjonijiet regolari ta’ finanzjament Russu fuq skala kbira ta’ partiti politiċi, politiċi, uffiċjali u movimenti f’diversi pajjiżi demokratiċi bħala tentattiv ta’ ndħil u biex tinkiseb l-influwenza fil-proċessi domestiċi tagħhom; jirrikonoxxi li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri jipprojbixxu, b’mod sħiħ jew parzjali, id-donazzjonijiet barranin lill-partiti politiċi u lill-kandidati; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konnessjonijiet tar-Russja ma’ diversi partiti politiċi u ma’ politiċi fl-UE; ifakkar li anke f’każijiet fejn il-liġi tillimita s-sorsi ta’ finanzjament politiku, l-atturi Russi sabu modi kif jaħarbu minnha u offrew appoġġ lill-alleati tagħhom billi ħadu self mingħand banek barranin (bħal fil-każ tal-partit National Front fl-2016), fejn ipprovdew ftehimiet ta’ xiri u kummerċjali (bħal fl-allegazzjonijiet irrapportati minn Der Spiegel u Süddeutsche Zeitung fis-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-partit FPÖ u minn Buzzfeed u L’Espresso fl-10 ta’ Lulju 2019 dwar il-Lega per Salvini Premier), u ffaċilitaw attivitajiet finanzjarji (kif irrapportat mill-istampa Brittanika dwar il-kampanja Leave.eu);

11. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-relazzjonijiet allegati bejn is-seċessjonisti Katalani u l-amministrazzjoni Russa; jinnota li l-indħil Russu fil-Katalonja, jekk jiġi kkonfermat, ikun parti minn strateġija usa’ tar-Russja biex tippromwovi d-destabbilizzazzjoni interna u n-nuqqas ta’ għaqda fl-UE; jesprimi tħassib serju dwar il-kampanji ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira li r-Russja segwiet fil-Katalonja, kif ukoll il-kuntatti intensi u l-għadd ta’ laqgħat allegati bejn l-aġenti responsabbli għall-indħil Russu mal-moviment favur l-indipendenza; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jinvestigaw b’mod effettiv il-konnessjonijiet tal-Membri tal-PE allegatament assoċjati mal-Kremlin u t-tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni u ndħil tar-Russja fl-UE u fl-Istati Membri tagħha; jiddeplora l-attakki kollha fuq l-imħallfin li qed jinvestigaw kwalunkwe attività ta’ ndħil;

12. Jikkundanna bil-qawwa l-inċident reċenti fis-Slovakkja, fejn is-Servizz tal-Intelligence Barranija Russu, f’mossa provokattiva, ħareġ bi stqarrija matul il-moratorju ta’ qabel l-elezzjoni fejn xeħet dubju fuq l-integrità tal-proċess elettorali tar-Repubblika Slovakka; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rwol viżibbli u dirett tad-diplomazija Russa fil-ħajja pubblika u politika Slovakka sa mill-elezzjonijiet parlamentari f’Settembru 2023;

13. Jikkundanna bil-qawwa l-kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira esposta mill-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, allegatament orkestrata mir-Russja fuq il-pjattaforma X, bl-intenzjoni li timmanipula l-opinjoni pubblika fil-Ġermanja;

14. Jinnota bi tħassib li X waqfet issegwi l-Kodiċi ta’ Prattika volontarju dwar id-Diżinformazzjoni; jinsab imħasseb dwar il-firxa tad-diżinformazzjoni u tal-kontenut illegali fuq il-pjattaforma;

15. Itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li n-natura eċċezzjonali tal-indħil barrani Russu teżiġi sforzi speċjali mill-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, biex dan it-theddid speċifiku jiġi identifikat, indirizzat u jingħeleb;

16. Jikkundanna bil-qawwa r-rivelazzjoni allarmanti żvelata minn strumenti rispettabbli tal-media Ġermaniża li tesponi l-fatt li impjegat affiljat mal-partit tal-AfD u assoċjat ma’ membru tal-Bundestag Ġermaniż ġie identifikat bħala persuna ta’ kuntatt għall-FSB, liema rivelazzjoni qajmet tħassib serju dwar l-influwenza barranija potenzjali fi ħdan ix-xenarju tal-politika Ġermaniża;

17. Ifakkar li l-indħil barrani huwa theddida sistemika li trid tiġi miġġielda b’mod vigoruż; jenfasizza li l-gwerra ibrida u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin mhumiex biss kwistjonijiet ta’ politika barranija, iżda fil-fatt jheddu l-bażi nfisha tad-demokraziji tagħna; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ trażversali permanenti għall-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin b’mod aktar effettiv; iqis li l-indħil elettorali fi Stat Membru wieħed jaffettwa lill-UE kollha kemm hi, peress li jista’ jkollu impatt fuq il-kompożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jindirizzaw dan it-theddid billi jaħdmu b’mod iżolat, u lanqas l-awtoregolamentazzjoni tas-settur privat ma tista’ ssolvi dan kollu; jilqa’ l-ħidma li saret mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fit-tieni Rapport tiegħu dwar Theddid ta’ Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Ndħil minn Barranin li ġie ppubblikat fit-23 ta’ Jannar 2024; jibqa’ determinat li jsegwi l-isforzi tiegħu biex jiġġieled l-indħil barrani fl-UE fis-snin li ġejjin, fost affarijiet oħra, permezz ta’ korp parlamentari ddedikat;

18. Jibqa’ sod fl-appoġġ tiegħu għall-isforzi biex jittejbu u jiġu infurzati r-regoli li jipproteġu l-integrità ta’ din l-istituzzjoni bħala pilastru tad-demokrazija Ewropea; iqis li l-allegazzjonijiet rigward il-Membru tal-PE kkonċernata jissottolinjaw il-ħtieġa ta’ kultura ta’ sigurtà msaħħa fi ħdan il-Parlament Ewropew; jappella li jingħata l-ogħla livell ta’ attenzjoni politika u amministrattiva lir-rakkomandazzjonijiet għar-riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni adottati fit-13 ta’ Lulju 2023 u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri proposti, inkluż taħriġ obbligatorju u regolari dwar is-sigurtà u l-integrità għall-Membri tal-PE u l-persunal, awtorizzazzjoni ta’ sigurtà xierqa u skrinjar imsaħħaħ tal-persunal, b’mod partikolari dawk li jattendu laqgħat bil-magħluq; jappella għal skrutinju aktar strett tal-organizzazzjoni tal-eventi, kif ukoll meta mistednin esterni jiġu mistiedna l-Parlament u fir-rigward tal-aċċess għall-pjattaformi ta’ komunikazzjoni tal-Parlament; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jsegwu l-proċeduri u perjodu ta’ żmien komuni kull meta jintalbu jagħtu awtorizzazzjoni ta’ sigurtà lill-Membri tal-PE u lill-persunal tal-Parlament, kif ukoll għal kwalunkwe skrinjar ta’ sigurtà relatat mal-istituzzjonijiet tal-UE; huwa tal-opinjoni soda li r-riżorsi tal-Parlament, bħall-isponsorjar ta’ eventi u vjaġġi, l-għoti ta’ aċċess għal video recording studios u pjattaformi oħra ta’ komunikazzjoni u l-finanzjament ta’ proġetti ta’ komunikazzjoni tal-gruppi politiċi jew tal-Membri tal-PE, ma jridux jintużaw biex jikkompromettu l-valuri tal-UE jew għall-finijiet tat-tixrid ta’ informazzjoni ostili minn reġimi awtoritarji;

19. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-istabbiliment ta’ korp tal-etika indipendenti mill-aktar fis possibbli, f’konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jżidu l-ambizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-istabbiliment ta’ dan il-korp;

20. Jistieden lis-Segretarjat tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE jipprojbixxi lil kwalunkwe entità b’relazzjonijiet diretti jew indiretti mal-Gvern tar-Russja, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2022 dwar miżuri restrittivi[10];

21. Jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jimplimentaw il-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija sabiex jieħdu azzjoni b’mod urġenti u jagħlqu l-ħafna lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-finanzjament tal-partiti, isibu skema regolatorja obbligatorja għall-pjattaformi l-kbar u jżidu d-difiża ċibernetika tal-UE kontra attakki possibbli fuq is-sistema elettorali tagħna; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħmlu investimenti sinifikanti u dejjiema fit-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika tagħna u tal-istat tad-dritt, inkluż permezz ta’ miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ counter-intelligence tal-UE;

22. Jikkundanna t-tipi kollha ta’ elite capture u t-teknika ta’ koopzjoni ta’ impjegati taċ-ċivil tal-ogħla livell u eks politiċi tal-UE, fost oħrajn, billi jiġu pprovduti b’impjiegi li jħallu qligħ tajjeb f’kumpaniji marbuta ma’ gvernijiet involuti b’mod attiv f’azzjonijiet ta’ ndħil kontra l-UE;

23. Jinnota li l-liġijiet huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-imġiba kriminali iżda ma jistgħux, waħedhom, jipprevjenu azzjonijiet kriminali u mhux etiċi minn Membri individwali tal-PE; jissottolinja li l-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew iġorru ċerta responsabbiltà li jimmonitorjaw l-azzjonijiet tal-Membri tagħhom, u għalhekk ifakkar lill-gruppi kollha jaġixxu f’każ li jsiru konxji ta’ kwalunkwe mġiba li tqajjem dubji dwar l-integrità ta’ kwalunkwe membru mill-Membri tagħhom; jistieden lill-Membri kollha tal-PE u lill-gruppi kollha jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE rilevanti f’dan il-kuntest;

24. Jemmen li elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma fil-qalba tal-proċess demokratiku u jħeġġeġ għalhekk lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva biex jiżguraw li r-rieda tan-nies biss isservi bħala l-bażi tal-awtorità ta’ gvern, mingħajr indħil barrani minn atturi malinni, b’enfasi partikolari fuq it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024; jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw strateġiji ta’ reżiljenza għall-elezzjonijiet u jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi ta’ monitoraġġ permanenti u tissaħħaħ l-implimentazzjoni tagħhom ferm qabel l-elezzjonijiet, ir-referenda u proċessi politiċi importanti oħra madwar l-Ewropa;

25. Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-ġurnaliżmu investigattiv fl-iżvelar tat-tentattivi ta’ ndħil barrani u attivitajiet li jsiru bil-moħbi; itenni l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw finanzjament suffiċjenti u sostenibbli għall-ġurnaliżmu investigattiv;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

 

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza