Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0147/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0147/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-qtil ta’ Alexei Navalny u l-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE b’appoġġ għall-priġunieri politiċi u għas-soċjetà ċivili oppressa fir-Russja

28.2.2024 - (2024/2579(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0147/2024 (Verts/ALE)
B9‑0150/2024 (Renew)
B9‑0152/2024 (PPE)
B9‑0154/2024 (S&D)
B9‑0155/2024 (ECR)

Michael Gahler, Andrius Kubilius, Rasa Juknevičienė, Željana Zovko, Sandra Kalniete, Inese Vaidere
f’isem il-Grupp PPE
Pedro Marques, Tonino Picula, Włodzimierz Cimoszewicz, Thijs Reuten
f’isem il-Grupp S&D
Bernard Guetta, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, José Ramón Bauzá Díaz, Fabio Massimo Castaldo, Vlad Gheorghe, Michael Kauch, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Jozef Mihál, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Dragoş Pîslaru, María Soraya Rodríguez Ramos, Frédérique Ries, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Guy Verhofstadt
f’isem il-Grupp Renew
Sergey Lagodinsky
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Angel Dzhambazki, Ryszard Czarnecki, Jacek Saryusz‑Wolski, Bogdan Rzońca, Joachim Stanisław Brudziński, Elżbieta Rafalska, Assita Kanko, Beata Mazurek, Adam Bielan, Roberts Zīle, Hermann Tertsch, Anna Zalewska
f’isem il-Grupp ECR
Malin Björk, Nikolaj Villumsen, Silvia Modig


Proċedura : 2024/2579(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0147/2024
Testi mressqa :
RC-B9-0147/2024
Dibattiti :
Testi adottati :

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil ta’ Alexei Navalny u l-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE b’appoġġ għall-priġunieri politiċi u għas-soċjetà ċivili oppressa fir-Russja

(2024/2579(RSP))

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw lil Alexei Navalny u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tal-21 ta’ Frar 2024,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà f’isem l-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Frar 2024 dwar il-mewt ta’ Alexei Navalny,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-16 ta’ Frar 2024 dwar il-mewt ta’ Alexei Navalny,

 wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja impenjat ruħha għalihom,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, tal-15 ta’ Settembru 2023 intitolat “Situation of human rights in the Russian Federation” (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa tat-22 ta’ Frar 2024,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-11 ta’ Lulju 2023 intitolat “Protecting Human Rights Defenders at Risk: EU entry, stay and support” (Il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f’riskju: dħul u soġġorn fl-UE u appoġġ mill-UE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi Alexei Navalny, figura politika prominenti Russa u r-rebbieħ tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2021, miet f’kolonja penali Siberjana fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku waqt li kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs infondata u motivata politikament; billi l-qtil ta’ Alexei Navalny huwa sinjal ieħor tar-repressjoni dejjem akbar u sistematika fir-Russja; billi r-responsabbiltà sħiħa għal mewtu hija tal-Istat Russu, b’mod partikolari tal-President tiegħu, Vladimir Putin, li għandu jinżamm responsabbli;

B. billi l-awtoritajiet Russi għadhom ma pprovdewx informazzjoni dwar il-kawżi u ċ-ċirkostanzi preċiżi ta’ mewtu, u l-familja tiegħu tħalliet biss tirkupra l-ġisem tiegħu għal investigazzjoni medika u funeral fl-24 ta’ Frar 2024; billi ma saret l-ebda awtopsja jew investigazzjoni indipendenti dwar il-kawża tal-mewt;

C. billi Alexei Navalny kien ilu f’detenzjoni mis-17 ta’ Jannar 2021, id-data li fiha rritorna r-Russja insegwitu ta’ riabilitazzjoni medika wara attentat ta’ assassinju sponsorjat mill-Istat bl-użu tal-aġent nervin Novichok ipprojbit internazzjonalment; billi qabel kien ġie detenut u arrestat ħafna drabi u kien ġie kkundannat, għal raġunijiet iffabbrikati u motivati politikament, għal sentenzi twal ta’ ħabs f’tentattivi evidenti biex jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi tiegħu u l-kampanji tiegħu kontra l-korruzzjoni; billi kien soġġett għal pressjoni psikoloġika, kastigi arbitrarji, trattament ħażin sever u tortura matul il-priġunerija tiegħu f’diversi ħabsijiet u kolonji penali infami; billi saħħet Alexei Navalny kienet marret għall-agħar minħabba trattament ħażin u nuqqas ta’ kura medika xierqa;

D. billi Alexei Navalny kien xempju tal-ġlieda għal-libertà u d-demokrazija, bil-ħolma tiegħu ta’ “Russja sabiħa tal-futur”; billi l-evoluzzjoni kontinwa tal-fehmiet tiegħu dwar il-politika Russa u r-rwol tar-Russja fid-dinja ġiet innotata b’rispett; billi permezz tal-ħidma tiegħu, Navalny kixef l-illegalitajiet u l-korruzzjoni fil-qalba tas-sistema tal-gvern Russu; billi bla heda u b’kuraġġ Navalny kompla l-ġlieda tiegħu mill-ħabs, u dan juri l-impenn tiegħu favur il-prinċipji tad-demokrazija u l-ġustizzja; billi l-avukati ta’ Navalny qed jiġu ffastidjati u tlieta minnhom ilhom taħt arrest preventiv minn Ottubru 2023;

E. billi hemm rapporti ta’ ċittadini Russi li qed jagħtu ġieħ lil Alexei Navalny fil-bliet u l-irħula madwar ir-Russja, li minnhom ħafna qed jiġu detenuti għal dawn l-azzjonijiet paċifiċi u xi wħud qed jiġu soġġetti għal avviżi mmirati ta’ lieva militari; billi l-Ambaxxatur tal-UE għar-Russja, Roland Galharague, u ħafna mill-kontropartijiet tiegħu mill-Istati Membri, mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti kienu fost dawk li onoraw il-memorja ta’ Alexei Navalny quddiem is-Solovetsky Stone f’Moska;

F. billi s-sistema politika tar-Russja hija kkontrollata minn reġim awtoritarju konsolidat li jinvolvi ruħu f’korruzzjoni sfrenata; billi dan juża elezzjonijiet imbagħbsa biex joffri illużjoni ta’ demokrazija u jikkonċentra l-poter kollu f’idejn Vladimir Putin; billi l-gvern irażżan kwalunkwe dissens bl-appoġġ ta’ forzi tas-sigurtà fidili lejh, ġudikatura sottomessa, ambjent tal-media kkontrollat u leġiżlatura li tikkonsisti minn partit fil-gvern u partiti tal-oppożizzjoni manipulabbli;

G. billi l-mewt ta’ Alexei Navalny mhijiex inċident iżolat, iżda l-qofol tax-xejra ta’ vjolenza, ta’ trażżin tad-dissens u ta’intimidazzjoni kontra l-avversarji politiċi u l-attivisti tas-soċjetà ċivili min-naħa tar-reġim tal-Kremlin;  billi ħafna drittijiet demokratiċi u libertajiet ċiviċi garantiti mill-kostituzzjoni Russa huma ineżistenti fil-prattika; billi l-Federazzjoni Russa tikser kontinwament id-dritt u l-impenji internazzjonali;

H. billi r-repressjoni fil-konfront tas-soċjetà ċivili indipendenti fir-Russja, immirata lejn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati, l-istoriċi, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+, l-attivisti ambjentali u l-attivisti għall-minoranzi etniċi u kulturali, kellha effett devastanti fuq il-ħajja u l-libertajiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi, il-persuni LGBTIQ+, in-nisa u dawk kollha li ma jikkonformawx man-normi prevalenti jew li jikkritikaw ir-reġim Russu u l-politiki tiegħu; billi soċjetà ċivili attiva u media ħielsa huma kruċjali biex jiġu żgurati soċjetajiet demokratiċi u miftuħa u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem;

I. billi r-reġim ta’ Putin qered ġenerazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem Russi, inklużi Memorial u l-Grupp Moska Helsinki; billi l-UE tospita varjetà ta’ dissidenti Russi u rappreżentanti tal-media u tas-soċjetà ċivili li ġew imġiegħla jitilqu mir-Russja peress li l-kritika tagħhom fil-konfront tal-gvern qegħdithom f’riskju kbir ta’ ritaljazzjoni mill-awtoritajiet;

J. billi ħafna atturi tal-oppożizzjoni għadhom ir-Russja u qed ikomplu jiġġieldu għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem minn ġewwa r-Russja, b’riskju personali kbir; billi r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni huma sistematikament soġġetti għal attakki verbali, kampanji ad hominem u diżumanizzazzjoni mill-gvern jew mill-media favur il-gvern; billi l-grupp tad-drittijiet tal-bniedem Memorial identifika aktar minn 600 persuna bħala priġunieri politiċi fir-Russja;

K. billi mill-bidu tal-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-awtoritajiet Russi żiedu r-repressjoni tagħhom fil-konfront tal-oppożizzjoni politika, tal-media u tas-soċjetà ċivili, u komplew jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet individwali biex joħonqu d-dissens intern, inkluż billi kkriminalizzaw kwalunkwe espressjoni ta’ sentiment kontra l-gwerra; billi l-kandidati kontra l-gwerra ma tħallewx joħorġu għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2024 li jmiss fir-Russja;

L. billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, ma fadal l-ebda spazju sikur għal azzjoni ċivika jew oppożizzjoni politika fir-Russja;

M. billi r-restrizzjonijiet ħorox tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim Russu jiksru biċ-ċar il-kostituzzjoni u l-qafas legali tan-nazzjon stess, kif ukoll imorru kontra l-obbligi internazzjonali tar-Russja;

N. billi proċess ta’ kompetizzjoni politika trasparenti, demokratiku, ħieles u ġust mhuwiex kompatibbli mar-repressjonijiet politiċi li twettqu fil-Federazzjoni Russa għal ħafna snin, li laħqu l-qofol tagħhom bil-qtil ta’ mexxej ewlieni tal-oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta’ Alexei Navalny; jesprimi minn qalbu l-kondoljanzi tiegħu lill-familja, lill-assoċjati u lill-kollegi tiegħu, u lill-għadd kbir ta’ sostenituri tiegħu madwar ir-Russja; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu lil Yulia Navalnaya fid-determinazzjoni tagħha li tkompli l-ħidma li beda Alexei Navalny bl-appoġġ tagħha, kif ukoll lill-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni mwaqqfa minn Navalny, li qed tkompli l-ħidma tagħha fiċ-ċirkostanzi l-ġodda;

2. Jonora lil Alexei Navalny bħala mexxej politiku u politiku prominenti kontra l-korruzzjoni li, bis-saħħa tal-qlubija u l-kariżma tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jimmobilizza lin-nies, kiseb dak li oħrajn pruvaw iżda ftit irnexxielhom jiksbu, jiġifieri li jagħti s-setgħa lin-nies billi jġegħelhom jemmnu fil-kapaċità tagħhom li jtejbu ħajjithom, ibiddlu s-soċjetà u jinfluwenzaw il-politika;

3. Ifakkar fil-kontributi tiegħu għall-iżvilupp ta’ kuxjenza ċivika permezz ta’ dibattiti pubbliċi ġenwini, kampanji politiċi, protesti fit-toroq u komunikazzjoni innovattiva, li wassluh biex jitqies minn ħafna bħala dak li jirrappreżenta viżjoni ta’ Russja oħra fejn il-poter ma jkunx priġunier ta’ reġim kleptokratiku protett minn aġenti tal-infurzar tal-liġi sottomessi, iżda jkun f’idejn in-nies u jaqdi lilhom;

4. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jippermettu li l-ġisem ta’ Alexei Navalny jiġi midfun skont ix-xewqat tal-familja tiegħu u ma jxekklux l-isforzi tal-familja tiegħu li jorganizzaw ċerimonja tal-funeral dinjituża; jesiġi investigazzjoni internazzjonali indipendenti u trasparenti dwar iċ-ċirkostanzi preċiżi tal-mewt ta’ Alexei Navalny u dwar dawk responsabbli, sabiex tinkixef il-verità, tintrefa’ r-responsabbiltà u ssir ġustizzja; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jassumu rwol ewlieni fis-sejħa għal din l-investigazzjoni u fl-appoġġ tagħha;

5. Jiddeplora u jikkundanna l-kampanji ta’ diżinformazzjoni orkestrati mill-media kkontrollata mill-Kremlin li ppruvaw iċappsu l-wirt u d-dinjità ta’ Alexei Navalny kemm qabel kif ukoll wara mewtu, kif ukoll dawk ta’ martu, familtu u l-kollaboraturi mill-qrib tiegħu;

6. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Istati Membri jżommu lill-mexxejja politiċi u lill-awtoritajiet Russi responsabbli, f’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab tal-UE; jistieden lill-Kunsill juża b’mod effettiv ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem u jimplimenta sanzjonijiet immirati kontra dawk involuti fil-proċessi motivati politikament kontra Alexei Navalny u fil-kundanna, il-priġunerija u d-detenzjoni tiegħu u dawk responsabbli għal dan kollu, inklużi l-prosekuturi u l-imħallfin, il-persunal tal-ħabs u dawk responsabbli għall-mewt prematura tiegħu; jilqa’ l-adozzjoni reċenti ta’ sanzjonijiet mill-Istati Uniti wara l-mewt ta’ Navalny u jistieden lill-UE tikkoordina s-sanzjonijiet tagħha mas-sħab internazzjonali;

7. Jissottolinja li l-Gvern Russu u Vladimir Putin iġorru personalment responsabbiltà kriminali u politika għall-mewt tal-aktar avversarju prominenti tagħhom, Alexei Navalny, u li fit-tali ċirkostanzi huwa ġustifikabbli li titqajjem il-kwistjoni tal-leġittimità ta’ Vladimir Putin fid-diskors pubbliku u internazzjonali;

8. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk kollha fir-Russja u lil hinn li, minkejja r-repressjoni intenzjonalment brutali u l-konsegwenzi personali ħorox li jiffaċċjaw, xorta jsibu l-kuraġġ li jgħidu l-verità, jiddefendu l-valuri umani u jiġġieldu għal ġejjieni demokratiku u paċifiku għar-Russja; iqis li l-poplu tar-Russja ma jistax jiġi konfuż mar-reġim bellikuż, awtokratiku u kleptokratiku tal-Kremlin;

9. Jiddenunzja l-eskalazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim Russu u jikkundanna r-repressjoni li għaddejja bħalissa fil-konfront tal-kritiċi tal-gvern, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti kontra l-gwerra u favur l-ambjent u l-ġurnalisti indipendenti, kif ukoll iż-żieda fir-repressjoni tal-komunitajiet LGBTIQ+; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jwettaq investigazzjoni immedjata dwar l-atti ta’ priġunerija inumana, tortura u qtil ta’ avversarji politiċi; jissottolinja li l-qtil ta’ Alexei Navalny iservi bħala tfakkira ċara tal-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-politiki repressivi tar-reġim Russu u li tittieħed pożizzjoni deċiżiva kontra tali azzjonijiet;

10. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jwaqqgħu l-akkużi arbitrarji kollha u jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi kollha u lill-persuni kollha detenuti b’mod arbitrarju, inklużi imma mhux biss Vladimir Kara-Murza, Yuri Dmitriev, Ilya Yashin, Alexei Gorinov, Lilia Chanysheva, Ksenia Fadeeva, Vadim Ostanin, Daniel Kholodny, Vadim Kobzev, Igor Sergunin, Alexei Lipster, Viktoria Petrova, Maria Ponomarenko, Alexandra Skochilenko, Svetlana Petriychuk, Evgenia Berkovich, Dmitry Ivanov, Ioann Kurmoyarov, Igor Baryshnikov, Dmitry Talantov, Alexei Moskalev, Oleg Orlov u Ivan Safronov;

11. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jtemmu minnufih l-użu tat-tortura, trattament ħażin ieħor u miżuri dixxiplinari arbitrarji kontra d-detenuti kollha u jirriformaw b’mod urġenti l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-priġunieri sabiex dawn jikkonformaw mal-obbligi tar-Russja skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tal-priġunieri għat-tobba tal-għażla tagħhom, għal trattament mediku xieraq, għall-avukati u għall-komunikazzjoni mal-familji tagħhom;

12. Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex isibu modi fattibbli kif jinħelsu l-aktar priġunieri politiċi affettwati ħażin, b’mod partikolari l-priġunieri politiċi li huma morda jew li sfaw ittorturati, inkluża l-possibbiltà ta’ skambji ta’ individwi li jinsabu l-ħabs; jistieden lill-Kunsill joħloq rwol speċjali ta’ mibgħut għall-priġunieri politiċi u l-ostaġġi fir-Russja sabiex jikkoordina tali sforzi, f’kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, u jservi bħala punt ta’ kuntatt għall-familji u l-assoċjati affettwati;

13. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu minnufih il-mijiet ta’ persuni li ġew detenuti f’dawn l-aħħar ġimgħat talli taw ġieħ b’mod paċifiku lill-memorja ta’ Alexei Navalny; jikkundanna l-prattika krudili tal-awtoritajiet Russi li jqiegħdu fil-mira lid-dimostranti politiċi billi jiġbruhom għal-lieva biex iservu fil-gwerra;

14. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrevokaw il-leġiżlazzjoni oppressiva tagħhom li tmur kontra l-kostituzzjoni Russa u l-impenji internazzjonali tal-pajjiż, bħal-liġijiet dwar iċ-ċensura ta’ informazzjoni veritiera dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u dwar “aġenti barranin” u “organizzazzjonijiet mhux mixtieqa”;

15. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri restrittivi estensivi tal-UE fil-konfront tal-individwi involuti fil-persekuzzjoni politika u l-fabbrikazzjoni ta’ kawżi kontra l-attivisti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Russi, u jikkunsidraw li jżidu aktar persuni identifikati mill-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta’ Alexei Navalny mal-lista tas-sanzjonijiet bħala faċilitaturi tar-reġim li jikkontribwixxu għat-twettiq u l-finanzjament tal-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u għat-twettiq ta’ repressjoni interna b’appoġġ għas-sopravivenza tar-reġim; jinsisti fuq trasparenza akbar fil-proċess ta’ applikazzjoni u tneħħija tal-miżuri restrittivi tal-UE;

16. Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-missjonijiet tal-Istati Membri fir-Russja jkomplu jimmonitorjaw u jattendu l-proċessi tal-individwi li qed jiffaċċjaw prosekuzzjoni motivata politikament;

17. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu juru s-solidarjetà bla heda tagħhom u jappoġġjaw b’mod attiv lis-soċjetà ċivili Russa indipendenti u lill-oppożizzjoni demokratika, li qed jaħdmu biex jittrasformaw lir-Russja f’soċjetà miftuħa fejn id-drittijiet politiċi, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati, u b’hekk jonoraw il-wirt dejjiemi ta’ Alexei Navalny; jistieden lill-UE tappoġġja l-ħolqien ta’ network ta’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bil-għan li jimmonitorja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jirrapporta dwaru;

18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jespandu u jiffaċilitaw aktar il-programm għal viżi umanitarji għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti favur id-demokrazija u l-ġurnalisti indipendenti Russi li jinsabu f’riskju ta’ persekuzzjoni politika;

19. Itenni l-appell tiegħu biex ikun hemm skema ta’ viża għal dħul multiplu fl-UE kollha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-individwi ppersegwitati politikament, biex tintuża l-flessibbiltà legali eżistenti u biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-leġiżlazzjoni, kif propost mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fir-rapport tagħha tal-2023 intitolat “Protecting Human Rights Defenders at Risk: EU entry, stay and support” (Il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f’riskju: dħul u soġġorn fl-UE u appoġġ mill-UE); jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jħejju miżuri li jkopru l-eventwalità li r-Russja tieqaf toħroġ passaporti fil-konsulati tagħha, inkluż ir-rikonoxximent tal-apolidija de facto, u toħroġ dokumenti tal-ivvjaġġar sabiex l-oppożizzjoni demokratika, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-persuni l-oħra ppersegwitati politikament jkunu jistgħu jmorru jgħixu fl-Istati Membri tal-UE u, fejn ikun rilevanti, ikomplu l-ħidma tagħhom waqt li jkunu fl-eżilju;

20. Jistieden lill-Istati Membri jevitaw li japplikaw b’mod mhux ġustifikat u sproporzjonat miżuri restrittivi fil-konfront ta’ individwi li jfittxu rifuġju mill-Gvern Russu attwali u li jiġġieldu kontrih;

21. Jappella għas-simplifikazzjoni tal-proċessi biex id-dissidenti Russi fl-UE jirreġistraw organizzazzjonijiet u entitajiet, jiftħu kontijiet bankarji u jwettqu kompiti amministrattivi oħra sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom fl-eżilju;

22. Jiddeplora l-politiki imperjalisti tar-reġim Russu u jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, il-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna; itenni li l-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tal-istess fehma madwar id-dinja jeħtiġilhom ikomplu l-appoġġ politiku, ekonomiku, finanzjarju u militari tagħhom għall-Ukrajna, inkluż appoġġ għas-soċjetà ċivili u appoġġ fit-tul għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, peress li dan huwa l-aħjar rispons għall-prattiki oppressivi mwettqa fil-preżent mir-reġim tal-Kremlin;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-pjattaformi multilaterali li r-Russja hija membru tagħhom biex tkompli tikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u d-delitt ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, tkompli tappoġġja d-dokumentazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, u tagħti l-appoġġ tagħha biex l-eżami li jwettaq l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-konfront tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa jinbidel f’mekkaniżmu investigattiv kompletament indipendenti;

24. Jesprimi appoġġ għall-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, Mariana Katzarova, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jerġa’ jestendi l-mandat tagħha fl-2024;

25. Jistieden lill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiżviluppaw politika strateġika proattiva u fit-tul fir-rigward tar-Russja li tirrispondi b’mod effettiv għar-realtà tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja llum, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-ħtieġa li jiġu appoġġjati r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni Russi fl-eżilju;

26. Jimpenja ruħu li jindirizza kontinwament il-ksur tar-reġim Russu fil-konfront tal-kostituzzjoni tiegħu u tad-dritt internazzjonali, inklużi l-elezzjonijiet tas-17 ta’ Marzu 2024, peress li dawn l-elezzjonijiet huma mistennija jsiru fit-territorji okkupati tal-Ukrajna, f’kuntest ta’ żieda fis-soppressjoni tal-pluraliżmu politiku u tal-media;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-awtoritajiet Russi u biex tiżgura li tkun disponibbli bil-lingwa Russa.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Frar 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza