Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
L-għaxar leġiżlatura - Lulju 2024
EPUB 158kPDF 922k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU I : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 4 : GRUPPI POLITIĊI

Artikolu 33 : Stabbiliment u xoljiment ta' gruppi politiċi

1.   Il-Membri jistgħu jingħaqdu fi gruppi skont l-affinitajiet politiċi tagħhom.

Il-Parlament normalment m'għandux għalfejn jevalwa l-affinità politika tal-membri ta' grupp. Meta jiffurmaw grupp flimkien skont dan l-Artikolu, il-Membri kkonċernati jaċċettaw bħala definizzjoni li huma għandhom affinità politika. Huwa biss meta din tiġi miċħuda mill-Membri kkonċernati li jkun meħtieġ li l-Parlament jevalwa jekk dan il-grupp ġiex imwaqqaf skont ir-Regoli ta' Proċedura.

2.   Grupp politiku għandu jikkonsisti minn Membri eletti minn mhux anqas minn kwart tal-Istati Membri. In-numru minimu ta' Membri rikjest biex jiġi iffurmat grupp politiku għandu jkun ta' 25.

3.   Jekk l-għadd ta' membri ta' grupp jinżel taħt wieħed mil-limiti rikjesti, il-President, bi qbil tal-Konferenza tal-Presidenti, jista' jippermetti li l-grupp ikompli jeżisti sas-seduta kostituttiva tal-Parlament li jkun imiss, sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

–   il-membri jkomplu jirrappreżentaw mhux anqas minn wieħed minn kull ħames Stati Membri;

–   il-grupp ikun ilu jeżisti għal perjodu ta' aktar minn sena.

Il-President m'għandux japplika din id-deroga fejn ikun hemm biżżejjed evidenza li wieħed jissuspetta li tkun qed tiġi abbużata.

4.   Membru ma jistax ikun f'aktar minn grupp wieħed.

5.   Il-President għandu jkun mgħarraf permezz ta' stqarrija meta jitwaqqaf grupp politiku. Dik l-istqarrija għandha tispeċifika:

–   l-isem tal-grupp,

–   dikjarazzjoni politika, li tiddeskrivi l-għan tal-grupp, u

L-istqarrija politika ta’ grupp għandha tistabbilixxi l-valuri li jirrappreżentaw lil dak il-grupp u l-għanijiet politiċi prinċipali li l-membri tiegħu għandhom l-intenzjoni li flimkien isegwu fil-qafas tal-eżerċizzju tal-mandat tagħhom. L-istqarrija għandha tiddeskrivi l-orjentazzjoni politika komuni tal-grupp b’mod sustanzjali, distintiv u ġenwin.

–   l-ismijiet tal-membri tiegħu u tal-membri tal-Bureau tiegħu.

Il-membri kollha tal-grupp għandhom jiddikjaraw bil-miktub f'anness mal-istqarrija li jikkondividu l-istess affinità politika.

6.   L-istqarrija għandha tiġi annessa mal-minuti tas-sessjoni parzjali li waqtha jkun sar it-tħabbir tal-istabbiliment tal-grupp politiku.

7.   Il-President għandu jħabbar l-istabbiliment ta' gruppi politiċi fil-Parlament. Tali tħabbir għandu jkollu effett legali retroattiv mill-mument meta l-grupp ikun innotifika l-istabbiliment tiegħu lill-President skont dan l-Artikolu.

Il-President għandu wkoll iħabbar ix-xoljiment ta' gruppi politiċi fil-Parlament. Tali tħabbir ikollu effett legali fil-jum ta' wara dak li fih l-grupp politiku ma baqax jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżistenza.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza