TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA U RESPONSABBILTÀ POLITIKA
KAPITOLU 3 : SEDUTI TA’ SMIGĦ TA’ SKRUTINJU SPEĊJALI U MISTOQSIJIET PARLAMENTARI
Artikolu 141 : Seduti ta’ smigħ ta’ skrutinju speċjali
1. Sabiex tistaqsi mistoqsijiet lil Kummissarju wieħed jew aktar dwar kwistjoni ta’ importanza politika kbira, il-Konferenza tal-Presidenti tista’, fuq proposta mill-President, minn kumitat jew mill-Membri jew grupp politiku jew gruppi politiċi li jilħqu tal-anqas il-limitu medju, tlaqqa’ fi żmien qasir seduta ta’ smigħ ta’ skrutinju speċjali.
2. Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tiddetermina n-numru ta’ Membri li għandhom jinħatru għal seduta ta’ smigħ ta’ skrutinju speċjali partikolari mill-gruppi politiċi u l-
Membri mhux affiljati. Meta rilevanti, il-gruppi politiċi għandhom jiżguraw li l-kumitati kkonċernati jkunu rappreżentati kif xieraq.
3. Seduta ta’ smigħ ta’ skrutinju speċjali għandha tkun ippreseduta mill-President jew, b’delegazzjoni, minn wieħed mill-Viċi Presidenti. Din għandha tkun kompletament pubblika sakemm il-Konferenza tal-Presidenti ma tiddeċidix mod ieħor.
4. Il-ħin għad-diskorsi allokat lil grupp politiku għandu jiġi ttrattat bħala blokka ta’ ħin. Kull grupp politiku għandu jqassam il-ħin li għandu allokat għad-diskorsi fil-blokka ta’ ħin tiegħu bejn dawk il-membri tal-grupp tiegħu li jkunu qed jipparteċipaw fis-seduta ta’ smigħ. Il-ħin għad-diskorsi allokat lill-
Membri mhux affiljati ma għandux jitqies bħala blokka ta’ ħin.
5. Wara l-konklużjoni tas-seduta ta’ smigħ ta’ skrutinju speċjali, il-President tagħha jista’ jippreżenta lill-Konferenza tal-Presidenti rakkomandazzjonijiet bil-miktub f’isem il-Membri li jkunu pparteċipaw fis-seduta ta’ smigħ.