1. Skont l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-
Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
(1), il-Parlament jista', fuq talba ta' kwart tal-Membri tiegħu, iwaqqaf kumitat ta' inkjesta biex jinvestiga allegazzjoni ta' ksur jew amministrazzjoni ħazina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li jkunu jidhru li jkunu atti ta' xi istituzzjoni jew korp tal-Komunitajiet Ewropej, ta' xi korp ta' amministrazzjoni pubblika ta' xi Stat Membru, jew ta' persuni li għandhom setgħa mogħtija mil-liġi tal-Unjoni sabiex jimplimentaw dik il-liġi.
Is-suġġett tal-inkjesta, kif definit minn kwart tal-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament, u l-perjodu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 11 m'għandhomx ikunu jistgħu jiġu emendati.
2. Id-deċiżjoni li jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta għandha tkun ippubblikata f'
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien xahar minn meta tittieħed.
3. Il-modus operandi ta' kumitat ta' inkjesta għandu jkun regolat mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura dwar il-kumitati, ħlief jekk ikun stipulat speċifikament mod ieħor f'dan l-Artikolu u fid-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA.
4. It-talba sabiex jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta trid tispeċifika b'mod preċiż is-suġġett tal-inkjesta u tinkludi stqarrija dettaljata tar-raġunijiet għala qed issir. Il-Parlament, fuq proposta mill-Konferenza tal-Presidenti, għandu jiddeċiedi jekk għandux jitwaqqaf kumitat u, jekk jiddeċiedi li dan għandu jitwaqqaf, għandu jiddeċiedi dwar is-saħħa numerika tiegħu.
5. Il-kumitati ta' inkjesta ma jistgħux jagħtu opinjonijiet lil kumitati oħra.
6. Fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti tiegħu, huma biss il-membri sħaħ jew, fl-assenza tagħhom, is-sostituti li jkollhom id-dritt jivvutaw f'kumitat ta' inkjesta.
7. Kumitat ta' inkjesta għandu jeleġġi l-president u l-viċi presidenti tiegħu u jaħtar rapporteur wieħed jew iżjed. Il-kumitat jista' wkoll jassenja responsabbiltajiet, dmirijiet u doveri speċifiċi lill-Membri tiegħu li mbagħad ikunu jridu jibdew jagħtu rapporti dettaljati lill-kumitat.
8. Fl-intervall bejn laqgħa u oħra, il-koordinaturi tal-kumitat għandhom, f'każi ta' urġenza jew ħtieġa, jeżerċitaw is-setgħat tal-kumitat, azzjoni li tkun suġġetta għar-ratifika tal-kumitat fil-laqgħa li jkun imiss tiegħu.
9. Fir-rigward tal-lingwi użati, kumitat ta' inkjesta għandu japplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 174. Madankollu, il-bureau tal-kumitat:
– jista' jillimita l-interpretazzjoni għal-lingwi uffiċjali tal-membri tal-kumitat li għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet, jekk iqis li dan huwa meħtieġ għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità,
– għandu jiddeċiedi dwar it-traduzzjoni ta' dokumenti li jkun irċieva, b'mod li jiżgura li l-kumitat ikun jista' jwettaq id-deliberazzjonijiet tiegħu b'mod effiċjenti u malajr, kif ukoll jiżgura li s-segretezza u l-kunfidenzjalità rikjesti jkunu rispettati.
10. Talbiet għal dokumenti u għal xhieda biex jixhdu, skont id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA għandhom isiru formalment mill-President fuq talba tal-kumitat ta’ inkjesta. L-Artikolu 127 għandu japplika fil-każ tar-rifjut mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti ta’talba għal dokumenti jew biex xhud jixhed .
Il-kumitati ta’ inkjesta jistgħu, skont id-Deċiżjoni 95/167/KE Euratom, KEFA u skont dawn ir-Regoli ta’ Proċedura:
– jorganizzaw missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni fl-Istati Membri;
– jitolbu dokumenti u rapporti tal-esperti;
– jistiednu x-xhieda;
– jisimgħu l-uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni jew tal-Istati Membri;
– jitolbu assistenza mill-awtoritajiet nazzjonali matul l-investigazzjonijiet tagħhom;
– jitolbu lill-parlamenti tal-Istat Membru kkonċernat biex jikkooperaw fl-investigazzjoni.
Il-President jista’ jistieden lix-xhieda biex jixhdu taħt ġurament. Ħadd ma għandu jkun obbligat li jixhed taħt ġurament, iżda għandha tittieħed nota formali meta xhud jirrifjuta li jixhed taħt ġurament.
11. Kumitat ta' inkjesta għandu jtemm xogħlu bil-preżentazzjoni lill-Parlament ta' rapport dwar ir-riżultati tax-xogħol tiegħu fi żmien ta' mhux aktar minn 12-il xahar mil-laqgħa kostitwenti tiegħu. Il-Parlament jista' jiddeċiedi, għal darbtejn, li jestendi dan il-perjodu bi tliet xhur kull darba. Jekk ikun xieraq, ir-rapport jista' jkun fih pożizzjonijiet tal-minoranza skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 56. Ir-rapport għandu jkun ippubblikat.
Fuq talba tal-kumitat ta' inkjesta l-Parlament għandu jagħmel dibattitu dwar ir-rapport fis-sessjoni parzjali li jkun imiss wara li jiġi ppreżentat.
12. Il-kumitat jista' wkoll jippreżenta lill-Parlament abbozz ta' rakkomandazzjoni indirizzat lil istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea jew lill-Istati Membri.
13. Il-President għandu jagħti struzzjonijiet lill-kumitat responsabbli skont l-Anness VI sabiex jissorvelja l-azzjonijiet li ttieħdu bħala riżultat tax-xogħol tal-kumitat ta' inkjesta u, jekk ikun il-każ, sabiex jirraporta dwar dan. Il-President għandu jieħu kwalunkwe pass ieħor li jidhirlu xieraq sabiex jiżgura li l-konklużjonijiet tal-inkjesta jitpoġġew fil-prattika.
Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1995/167/oj).