1. Membri tal-kumitati, tal-kumitati speċjali u tal-kumitati ta' inkjesta għandhom jinħatru mill-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati.
Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tistabbilixxi skadenza li fiha l-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati għandhom jikkomunikaw il-ħatriet tagħhom lill-President, li mbagħad għandu jħabbarhom lill-Parlament.
2. Il-kompożizzjoni tal-kumitati għandha tirrifletti, sa fejn ikun possibbli, il-kompożizzjoni tal-Parlament. It-tqassim tas-siġġijiet tal-kumitati fost il-gruppi politiċi għandu jkun l-eqreb numru sħiħ 'il fuq jew l-eqreb numru sħiħ 'l isfel mill-kalkolu proporzjonali.
Fil-proċess tad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni ta’ kull kumitat, il-gruppi politiċi għandhom jistinkaw għal rappreżentanza ġusta tal-ġeneri.
Meta ma jkun hemm l-ebda qbil fost il-gruppi politiċi dwar il-piż proporzjonali jew ir-rappreżentazzjoni tal-ġeneru tagħhom fi ħdan kumitat speċifiku wieħed jew aktar, hija l-Konferenza tal-Presidenti li għandha tiddeċiedi.
3. Jekk grupp politiku jiddeċiedi li ma jokkupax siġġijiet f'kumitat, jew jonqos milli jaħtar il-membri tiegħu fl-iskadenza stabbilita mill-Konferenza tal-Presidenti, dawn is-siġġijiet għandhom jibqgħu battala. L-iskambju ta' siġġijiet bejn il-gruppi politiċi mhuwiex permess.
4. Meta l-fatt li Membru jibdel il-grupp politiku tiegħu jkollu l-effett li jħarbat id-distribuzzjoni proporzjonali tas-siġġijiet tal-kumitat kif definita fil-paragrafu 2, u ma jkun hemm l-ebda ftehim fost il-gruppi politiċi biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fih, il-Konferenza tal-Presidenti għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
5. Kwalunkwe modifika li tiġi deċiża għall-ħatriet mill-gruppi politiċi u mill-Membri mhux affiljati għandha tiġi kkomunikata lill-President, li għandu jħabbarha lill-Parlament sa mhux aktar tard mill-bidu tas-seduta li jkun imiss. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ mill-jum tat-tħabbira.
6. Il-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati jistgħu jaħtru numru ta' sostituti għal kull kumitat li m'għandux jaqbeż in-numru ta' membri sħaħ li l-grupp politiku jew il-Membri mhux affiljati jkollhom il-jedd li jaħtru fil-kumitat. Il-President għandu jkun infurmat b'dan. Dawn is-sostituti għandu jkollhom il-jedd li jattendu u li jitkellmu fil-laqgħat tal-kumitat u, jekk il-membru sħiħ ikun assenti, li jieħdu sehem fil-votazzjonijiet.
7. F'każ ta' assenza tal-membru sħiħ u meta ma jkunux inħatru sostituti jew dawn tal-aħħar ikunu assenti, il-membru sħiħ jista' jagħmel arranġamenti sabiex ikun rappreżentat fil-laqgħat minn membru ieħor tal-istess grupp politiku, jew, meta l-membru jkun Membru mhux affiljat, minn Membru mhux affiljat ieħor, li għandu jkollu l-jedd li jivvota. Il-president tal-kumitat għandu jiġi notifikat sa mhux aktar tard mill-bidu tas-sessjoni tal-votazzjoni.
In-notifika bil-quddiem imsemmija fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 7 għandha tingħata qabel tmiem id-dibattitu jew qabel il-ftuħ tal-votazzjoni fuq il-punt jew il-punti li fir-rigward tagħhom il-membru sħiħ għandu jiġi sostitwit.
Skont dan l-Artikolu:
– l-istatus ta' membru sħiħ jew ta' membru sostitut ta' kumitat jiddependi esklużivament minn jekk wieħed ikunx membru ta' grupp politiku partikulari;
– jekk in-numru ta' membri sħaħ ta' grupp politiku f'kumitat jinbidel, l-akbar numru ta' sostituti permanenti li jista' jaħtar fuq dak il-kumitat għandu jinbidel bl-istess mod;
– il-Membri li jibdlu l-grupp politiku tagħhom ma jistgħux iżommu l-istatus ta' membru sħiħ jew ta' membru sostitut ta' kumitat li kellhom bħala membru tal-grupp oriġinali tagħhom;
– membru ta' kumitat ma jistax, taħt l-ebda ċirkustanza, ikun sostitut għal kollega li jkun jappartjeni għal grupp politiku ieħor.