Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
L-għaxar leġiżlatura - Jannar 2025
EPUB 159kPDF 854k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VII : SESSJONIJIET
KAPITOLU 2 : ORDNI TAL-ĦIDMA TAL-PARLAMENT

Artikolu 170 : Proċedura urġenti

1.   Talba sabiex tittieħed deċiżjoni b’mod urġenti dwar xi proposta ppreżentata lill-Parlament skont l-Artikolu 48(1) bħala riżultat ta’ żviluppi mhux previsti tista’ ssir lill-Parlament mill-President, minn kumitat, minn grupp politiku, minn għadd ta’ Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. Din it-talba għandha ssir bil-miktub u għandhom jingħataw ir-raġunijiet għala qed issir. Għal talbiet mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għandu jkun fiha ġustifikazzjoni dettaljata ta’ kull proposta u, fejn xieraq, indikazzjoni preċiża ta’ skadenzi legalment meħtieġa għall-adozzjoni jew id-dħul fis-seħħ tal-att legalment vinkolanti propost.

2.   Talbiet għal deċiżjoni urġenti għandhom jitħabbru fil-Parlament malajr kemm jista’ jkun wara li jaslu għand il-President. Il-vot fuq it-talba għandu jittieħed fil-bidu tas-seduta li tiġi wara s-seduta li fiha tkun saret it-tħabbira, sakemm il-proposta li tikkonċerna t-talba tkun tqassmet bil-lingwi uffiċjali lill-Membri. Meta jkun hemm diversi talbiet għal deċiżjoni urġenti dwar l-istess suġġett, l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għal deċiżjoni urġenti għandhom japplikaw għal tali talbiet kollha.

3.   Qabel il-votazzjoni dwar it-talba għal deċiżjoni urġenti, jistgħu jinstemgħu biss min iressaq it-talba u kelliem wieħed kontra kif ukoll il-president jew ir-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jew it-tnejn. F’kull każ dawn ma jistgħux jitkellmu għal iżjed minn tliet minuti.

4.   Meta t-talba għal deċiżjoni urġenti tiġi approvata, il-punt għandu jingħata prijorità fuq il-punti l-oħra tal-aġenda. Il-President għandu jistabbilixxi l-ħin tad-dibattitu, meta tali dibattitu jkun xieraq, u l-ħin tal-votazzjoni.

5.   Il-Parlament għandu jieħu d-deċiżjoni urġenti dwar il-proposta fuq il-bażi ta’ rapport mill-kumitat responsabbli f’konformità mar-regoli normalment applikabbli u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-urġenza tal-kwistjoni. F’każ bħal dan, l-eżami tal-proposta għandu jingħata prijorità fuq il-punti l-oħra tal-aġenda tal-kumitat u l-kumitat responsabbli għandu, meta jkun xieraq, japplika l-proċedura simplifikata skont l-Artikolu 52.

6.   Jekk mitlub mill-President, minn kumitat, minn grupp politiku, jew minn Membri li jilħqu tal-anqas il-livell baxx, il-Parlament jista’ jiddeċiedi b’mod eċċezzjonali li jieħu d-deċiżjoni urġenti dwar il-proposta mingħajr rapport jew abbażi ta’ rapport orali mill-kumitat responsabbli. F’tali każijiet, jekk isiru negozjati interistituzzjonali, l-Artikoli 71 u 72 ma għandhomx japplikaw u l-Artikolu 75 għandu japplika mutatis mutandis.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Jannar 2025Avviż legali - Politika tal-privatezza