Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Is-seba' leġislatura - Lulju 2012
PDF 1778k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

ANNESS XX  :  DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR ARRANĠAMENTI PRATTIĊI GĦALL-PROĊEDURA TA’ KODEĊIŻJONI (ARTIKOLU 251 TAT-TRATTAT KE) (1)

PRINĊIPJI ĠENERALI

1.    Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, minn hawn 'il quddiem imsemmija flimkien l-‘istituzzjonijiet’, jinnotaw li l-prattika attwali, li tinvolvi taħdidiet bejn il-Presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni u ċ-chairmen tal-kumitati relevanti u/jew rapporteurs tal-Parlament Ewropew u bejn il-ko-presidenti tal-Kumitat tal-Konċiljazzjoni, uriet is-siwi tagħha.

2.    L-istituzzjonijiet jikkonfermaw li din il-prattika, li żviluppat fl-istadji kollha tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, għandha tibqa' titħeġġeġ. L-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jeżaminaw il-metodi ta’ ħidma tagħhom bil-ħsieb li jagħmlu użu aktar effettiv tal-kamp ta' applikazzjoni sħiħ tal-proċedura ta' kodeċiżjoni kif stabbilit fit-Trattat KE.

3.    Din id-Dikjarazzjoni Konġunta tiċċara dawn il-metodi ta’ ħidma u l-arranġamenti prattiċi sabiex dawn jiġu segwiti. Din timla fuq il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-“Tfassil Aħjar tal-Liġijiet” (2) u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu rigward il-proċedura ta' kodeċiżjoni. L-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom b’mod sħiħ li jirrispettaw dawn l-impenji skond il-prinċipji ta’ trasparenza, responsabilizzazzjoni u effiċjenza. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex isir progress fuq il-proposti ta' simplifikazzjoni filwaqt li jiġi rispettat l-acquis communautaire.

4.    L-istituzzjonijiet għandhom jikkoperaw in bona fede matul il-proċedura kollha bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom kemm jista’ jkun u b’hekk iwittu t-triq, fejn ikun xieraq, għall-adozzjoni ta’ l-att konċernat fi stadju bikri tal-proċedura.

5.    B’dan il-għan fi ħsiebhom, huma għandhom jikkoperaw permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex jimmonitorjaw il-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta’ konverġenza fl-istadji kollha tal-proċedura ta' kodeċiżjoni.

6.    L-istituzzjonijiet, skond ir-regoli ta' proċedura interni tagħhom, jimpenjaw ruħhom li jwettqu skambju regolari ta' informazzjoni dwar il-progress tad-dossiers ta' kodeċiżjoni. Għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu koordinati kemm jista’ jkun b'mod illi jippermetti t-tmexxija tal-proċedimenti b’mod koerenti u konverġenti. Għaldaqstant, ser jaħdmu sabiex jistabbilixxu skeda ta' żmien indikattiva għall-istadji varji li jwasslu għall-adozzjoni finali ta’ proposti leġiżlattivi differenti, filwaqt li jirrispettaw b’mod sħiħ in-natura politika tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

7.    Il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-kodeċiżjoni ta’ sikwit tieħu l-għamla ta’ laqgħat bejn tliet partijiet (“trijalogi”). Din is-sistema ta' trijalogu wriet il-vitalità u l-flessibbiltà tagħha biż-żieda sinifikattiva tal-possibiltajiet għal ftehim fl-istadji ta' l-ewwel u tat-tieni qari, kif ukoll ikkontribwiet għall-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

8.    Trijalogi bħal dawn normalment jitmexxew f'qafas informali. Jistgħu jsiru fl-istadji kollha tal-proċedura u f’livelli differenti ta’ rappreżentazzjoni, skond in-natura tad-diskussjoni mistennija. Kull istituzzjoni għandha, skond ir-regoli ta' proċedura tagħha stess, taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati, u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fil-ħin.

9.    Kemm jista’ jkun, kwalunkwe abbozz ta’ test ta’ kompromess imressaq għal diskussjoni f’laqgħa li se ssir għandu jiġi ċċirkolat minn qabel lill-parteċipanti kollha. Biex tiġi mtejba t-trasparenza, it-trijalogi li jsiru fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill għandhom jitħabbru, fejn ikun prattikabbli.

10.    Il-Presidenza tal-Kunsill ser tagħmel ħilitha biex tattendi l-laqgħat tal-kumitati parlamentari. Sejra tikkunsidra b’attenzjoni u kif jixraq it-talbiet li tirċievi sabiex tipprovdi informazzjoni relatata mal-pożizzjoni tal-Kunsill.

L-EWWEL QARI

11.    L-istituzzjonijiet għandhom jikkoperaw in bona fede bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom kemm jista’ jkun biex fejn ikun possibbli l-atti jkunu jistgħu jiġu adottati fl-ewwel qari.

Ftehim fl-istadju ta’ l-ewwel qari fil-Parlament Ewropew

12.    Għandhom jiġu stabbiliti kuntatti xierqa sabiex jiffaċilitaw it-tmexxija tal- proċedimenti fl-ewwel qari.

13.    Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita dawn il-kuntatti u għandha teżerċita d-dritt ta’ inizjattiva tagħha b’mod kostruttiv bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis kif dovut il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u l-irwol mogħti lilha mit-Trattat.

14.    Fejn jintlaħaq ftehim permezz ta’ negozjati informali fit-trijalogu, il-President tal-Coreper għandu jibgħat, permezz ta' ittra liċ-chairman tal-kumitat parlamentari konċernat, id-dettalji tas-sustanza tal-ftehim, f' għamla ta’ emendi għall-proposta mill-Kummissjoni. Din l-ittra għandha tindika r-rieda tal-Kunsill li jaċċetta dak ir-riżultat, suġġett għal verifika legali-lingwistika, filkaż li dan ikun ikkonfermat bil-votazzjoni fil-plenarja. Kopja ta’ dik l-ittra għandha tintbagħat lill-Kummisjoni.

15.    F’dan il-kuntest, fejn il-konklużjoni ta’ dossier fl-ewwel qari tkun imminenti, għandha tkun disponibbli faċilment u minnufih l-informazzjoni dwar l-intenzjoni li jintlaħaq ftehim.

Ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni komuni

16.    F’każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, jistgħu jissoktaw il-kuntatti sabiex jintlaħaq ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni komuni.

17.    Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita dawn il-kuntatti u għandha teżerċita d-dritt ta’ inizjattiva tagħha b’mod kostruttiv bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis kif dovut il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u r-rwol mogħti lilha mit-Trattat.

18.    Fejn jintlaħaq ftehim f' dan l-istadju, iċ-chairman tal-kumitat parlamentari konċernat għandu jindika, f’ittra lill-President tal-Coreper, ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-plenarja li tiġi aċċettata l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill mingħajr emendi, suġġetta għal konferma tal-pożizzjoni komuni mill-Kunsill u għal verifika legali-lingwistika. Kopja ta’ l-ittra għandha tintbagħat lill-Kummissjoni.

IT-TIENI QARI

19.    Fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tiegħu, il-Kunsill għandu jispjega bl-aktar mod ċar possibbli r-raġunijiet li wassluh biex jadotta l-pożizzjoni komuni tiegħu. Waqt it-tieni qari tiegħu, il-Parlament Ewropew għandu kemm jista' jkun iqis dawn ir-raġunijiet u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

20.    Qabel ma jibgħat il-pożizzjoni komuni, il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex iqis, b’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni, id-data tat-trażmissjoni tagħha biex jiżgura l-effiċjenza massima tal-proċedura leġiżlattiva fit-tieni qari.

Ftehim fl-istadju tat-tieni qari fil-Parlament Ewropew

21.    Għandhom jissoktaw il-kuntatti xierqa hekk kif il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tintbagħat lill-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li jinkiseb intendiment aħjar tal-pożizzjonijiet rispettivi li b'hekk iwassal lill-proċedura leġiżlattiva għal konklużjoni malajr kemm jista’ jkun.

22.    Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita kuntatti bħal dawn u tagħti l-opinjoni tagħha bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis kif dovut il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u l-irwol mogħti lilha mit-Trattat.

23.    Fejn jintlaħaq ftehim permezz ta’ negozjati informali fi trijalogu, il-President tal-Coreper għandu jibgħat, permezz ta' ittra liċ-chairman tal-kumitat parlamentari konċernat, id-dettalji tas-sustanza tal-ftehim, f' għamla ta’ emendi għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill. Din l-ittra għandha tindika r-rieda tal-Kunsill li jaċċetta dak ir-riżultat, suġġett għal verifika legali-lingwistika, filkaż li tiġi kkonfermata b’votazzjoni fil-plenarja. Kopja ta’ dik l-ittra għandha tintbagħat lil-Kummisjoni.

KONĊILJAZZJONI

24.    Jekk jidher evidenti li l-Kunsill ma jkunx f’pożizzjoni li jaċċetta l-emendi kollha tal-Parlament Ewropew fit-tieni qari u meta l-Kunsill ikun lest biex jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu, jiġi organizzat l-ewwel trijalogu. Kull istituzzjoni għandha, skond ir-regoli ta’ proċedura tagħha stess, taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. Il-Kummissjoni għandha tindika liż-żewġ delegazzjonijiet, fl-iktar stadju bikri possibbli, l-intenzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-opinjoni tagħha dwar l-emendi fit-tieni qari tal-Parlament Ewropew.

25.    It-trijalogi għandhom isiru matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni kollha bil-ħsieb li jinsabu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet pendenti u li jippreparaw il-bażi biex tintlaħaq ftehim fil-Kumitat tal-Konċiljazzjoni. Ir-riżultati tat-trijalogi għandhom jiġu diskussi u possibilment jiġu approvati fil-laqgħat ta’ l-istituzzjonijiet rispettivi.

26.    Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jissejjaħ mill-President tal-Kunsill, bi ftehim mal-President tal-Parlament Ewropew u b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

27.    Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċedimenti tal-konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-għan li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jinkludu abbozzi ta’ testi ta’ kompromess li jqisu l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u b’kunsiderazzjoni xierqa ta' l-irwol mogħti lill-Kummissjoni mit-Trattat.

28.    Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jkun presedut b'mod konġunt mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom ikunu preseduti b’mod alternat minn kull ko-president.

29.    Id-dati u l-aġendi għal laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandhom jiġu stabbiliti b'mod konġunt mill-ko-presidenti bil-ħsieb tat-tħaddim effettiv tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni matul il-proċedura tal-konċiljazzjoni kollha. Il-Kummissjoni għandha tiġi kkonsultata dwar id-dati previsti. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirriservaw, għal raġunijiet ta’ gwida, dati xierqa għal proċedimenti ta’ konċiljazzjoni u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

30.    Il-ko-presidenti jistgħu ipoġġu diversi dossiers fuq l-aġenda fi kwalunkwe laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Minbarra s-suġġett prinċipali (“punt-B”), fejn ikun għadu ma ntlaħaqx ftehim, jistgħu jinfetħu u/jew jingħalqu l-proċeduri ta’ konċiljazzjoni dwar suġġetti oħrajn mingħajr diskussjoni dwar dawn il-punti (“punt-A”).

31.    Filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward l-iskadenzi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, kemm jista’ jkun, iqisu il-ħtiġijiet marbuta ma' l-iskedar tal-ħinijiet, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn waqfiet fl-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet u mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. F’kull każ, il-waqfa fl-attivitajiet għandha tkun qasira kemm jista’ jkun.

32.    Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jiltaqa’ b’mod alternat fil-bini tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex il-faċilitajiet, inklużi l-faċilitajiet ta’ interpretazzjoni, jinqasmu b’mod indaqs.

33.    Il-proposta mill-Kummissjoni, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill u l-opinjoni tal-Kummissjoni dwarha, l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, l-opinjoni tal-Kummisjoni dwarhom u dokument ta’ ħidma konġunt mill-Parlament Ewropew u mid-delegazzjonijiet tal-Kunsill għandhom ikunu disponibbli għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Dan id-dokument ta’ ħidma għandu jgħin lill-utenti biex jidentifikaw il-kwistjonijiet relevanti faċilment u biex jirreferu għalihom b’mod effiċjenti. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-opinjoni tagħha fi żmien tliet ġimgħat minn meta tkun irċeviet uffiċjalment ir-riżultat tal-votazzjoni tal-Parlament Ewropew u mhux aktar tard mill-bidu tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni.

34.    Il-ko-presidenti jistgħu jippreżentaw testi għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

35.    Ftehim dwar test konġunt għandu jiġi stabbilit f’laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jew, sussegwentement, bi skambju ta’ ittri bejn il-ko-presidenti. Kopji ta’ dawn l-ittri għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni.

36.    Jekk il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jilħaq ftehim dwar test konġunt, it-test għandu, wara li ssir il-finalizzazzjoni legali-lingwistika, jiġi preżentat lill-ko-president għall-approvazzjoni formali. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali u sabiex jiġu rispettati l-iskadenzi, jista’ jiġi ppreżentat abbozz ta’ test konġunt lill-ko-presidenti għall-approvazzjoni tagħhom.

37.    Il-ko-presidenti għandhom jibagħtu t-test konġunt approvat lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz ta’ ittra ffirmata b'mod konġunt. Fejn il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma jkunx jista’ jaqbel fuq test konġunt, il-ko-presidenti għandhom jinformaw lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dan, f'ittra ffirmata b'mod konġunt. Dawn l-ittri għandhom iservu bħala rekord uffiċjali. Kopji ta’ dawn l-ittri għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni għall-informazzjoni. Id-dokumenti ta’ ħidma użati waqt il-proċedura ta’ konċiljazzjoni ser ikunu aċċessibbli fir-Reġistru ta’ kull istituzzjoni ladarba l-proċedura tkun konkluża.

38.    Is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala s-segretarjat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, f' assoċjazzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

39.    F'każ li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill iqisu li huwa essenzjali li jiġu estiżi t-termini msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, għandhom javżaw lill-President ta’ l-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan.

40.    Fejn jintlaħaq ftehim fl-ewwel jew fit-tieni qari, jew waqt il-konċiljazzjoni, it-test miftiehem għandu jiġi finalizzat mis-servizzi legali-lingwistiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jaġixxu f’koperazzjoni mill-qrib u bi ftehim reċiproku.

41.    M'għandomx isiru bidliet lil kwalunkwe test miftiehem mingħajr il-ftehim espliċitu, fil-livell xieraq, kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsill.

42.    Il-finalizzazzjoni għandha titwettaq filwaqt li jitqiesu l-proċeduri differenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b’mod partikolari fir-rigward ta' l-iskadenzi għall-konklużjoni tal-proċeduri interni. L-istituzzjonijiet jintrabtu sabiex ma jużawx l-iskadenzi stabbiliti għall-finalizzazzjoni legali-lingwistika ta’ l-atti biex jinfetħu mill-ġdid diskussjonijiet dwar kwistjonijiet sostantivi.

43.    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaqblu dwar preżentazzjoni komuni tat-testi preparati b' mod konġunt minn dawk l-istituzzjonijiet.

44.    L-istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom, kemm jista' jkun, sabiex jużaw klawsoli standard aċċettabbli reċiprokament sabiex jiġu inkorporati fl-atti adottati permezz tal-kodeċiżjoni b’mod partikolari dwar dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (skond id-deċiżjoni tal-“komitoloġija” (3)), id-dħul fis-seħħ, it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ atti u r-rispett għad-dritt ta’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

45.    L-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itellgħu konferenza stampa konġunta biex iħabbru r-riżultat ta’ suċċess tal-proċess leġiżlattiv fl-ewwel jew fit-tieni qari, jew fil-konċiljazzjoni. Għandhom jagħmlu ħilthom ukoll biex joħorġu stqarrijiet konġunti għall-istampa .

46.    Wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill ta’ att leġiżlattiv taħt il-proċedura ta’ kodeċiżjoni it-test għandu jiġi preżentat għall-firma lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill u lis-Segretarji Ġenerali ta' dawk l-istituzzjonijiet.

47.    Il-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jirċievu t-test għall-firma fil-lingwi rispettivi tagħhom u għandhom, kemm jista’ jkun, jiffirmaw it-test flimkien f’ċerimonja konġunta li tiġi organizzata kull xahar bil-għan li jiġu ffirmati atti importanti fil-preżenza tal-midja.

48.    It-test iffirmat b'mod konġunt għandu jintbagħat għall-pubblikazzjoni lill-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Pubblikazzjoni għandha normalment issir fi żmien xahrejn mill-adozzjoni ta’ l-att leġiżlattiv mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

49.    Jekk waħda mill-istituzzjonijiet tidentifika żball klerikali jew żball ovvju f’test (jew f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu), din għandha tavża lill-istituzzjonijiet l-oħrajn minnufih. Jekk l-iżball ikun f’att li jkun għadu ma ġiex adottat mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, is-servizzi legali-lingwistiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jippreparaw il-corrigendum meħtieġ f’koperazzjoni mill-qrib. Fejn dan l-iżball jikkonċerna att li jkun diġà ġie adottat minn waħda jew miż-żewġ istituzzjonijiet, sew jekk ikun ippubblikat kif ukoll jekk ma jkunx, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw, bi ftehim komuni, corrigendum jew rettifika mfassla skond il-proċeduri rispettivi tagħhom.

(1)ĠU C 145, 30.6.2007, p. 5.
(2)ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(3)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 27.7.2006, p. 11).
Avviż legali - Politika tal-privatezza