Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Is-seba' leġislatura - Frar 2013
PDF 1796k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU II  : PROĊEDURI LEĠISLATTIVI, TAL-BAĠIT U OĦRAJN
KAPITOLU 1  : PROĊEDURI LEĠISLATTIVI - DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 43  : Eżami ta' dokumenti leġislattivi

1.    Il-proposti għal atti leġislattivi u dokumenti oħra ta' xorta leġislattiva għandhom jiġu referuti mill-President lill-kumitat responsabbli mill-eżami.

Fil-każ ta' dubju, il-President jista' japplika l-Artikolu 188(2) qabel jitħabbar fil-Parlament li dawn id-dokumenti ġew referuti lill-kumitat responsabbli.

F'każijiet fejn proposta tkun mniżżla fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, il-kumitat responsabbli jista' jiddeċiedi li jaħtar rapporteur biex isegwi l-fażi ta' tħejjija tal-proposta.

Konsultazzjonijiet mill-Kunsill jew talbiet għal opinjoni mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu mill-President lill-kumitat responsabbli mill-eżami tal-proposta kkonċernata.

Id-dispożizzjonijiet għall-ewwel qari stipulati fl-Artikoli 36 sa 42, 53 sa 59 u 71 għandhom japplikaw għall-proposti għal atti leġislattivi sew jekk ikunu jeħtieġu qari wieħed, jew tnejn jew tlieta.

2.    Il-pożizzjonijiet tal-Kunsill għandhom jiġu referuti lill-kumitat responsabbli biex jiġu eżaminati fl-ewwel qari.

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tieni qari mniżżla fl-Artikoli 61 sa 66 u 72 għandhom japplikaw għall-pożizzjonijiet tal-Kunsill.

3.    Waqt il-proċedura ta' konċiljazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill li tiġi wara t-tieni qari, ma jistax ikun hemm referenza lura lill-kumitat.

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tielet qari mniżzla fl-Artikoli 67, 68 u 69 għandhom japplikaw fil-każ tal-proċedura ta' konċiljazzjoni.

4.    L-Artikoli 45, 46, 49, 55(1) u (3) u 56, 57 u 175 m' għandhomx japplikaw waqt it-tieni u t-tielet qari.

5.    Fil-każ ta' konflitt bejn dispożizzjoni tar-Regoli ta' Proċedura li għandha x'taqsam mat-tieni u t-tielet qari u kull dispożizzjoni oħra tar-Regoli, id-dispożizzjoni li għandha x'taqsam mat-tieni u t-tielet qari għandha tieħu l-preċedenza.

Avviż legali - Politika tal-privatezza