Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Is-seba' leġislatura - Frar 2013
PDF 1796k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU II  : PROĊEDURI LEĠISLATTIVI, TAL-BAĠIT U OĦRAJN
KAPITOLU 2  : PROĊEDURI FIL-KUMITAT

Artikolu 49  : Opinjonijiet ta' kumitati

1.    Jekk il-kumitat li quddiemu tkun tressqet għall-ewwel darba l-mistoqsija jkun jixtieq li jisma' l-fehmiet ta' kumitat ieħor, jew jekk kumitat ieħor ikun jixtieq jagħti l-fehmiet tiegħu dwar ir-rapport tal-kumitat li quddiemu tkun tressqet għall-ewwel darba l-mistoqsija, dawn il-kumitati jistgħu jitolbu lill-President biex, skond l-Artikolu 188(3), wieħed mill-kumitati jiġi nominat bħala l-kumitat responsabbli u l-ieħor bħala l-kumitat li jintalab jagħti opinjoni.

2.    Fil-każ ta' dokumenti ta' xorta leġislattiva skond it-tifsira ta' l-Artikolu 43(1), l-opinjoni għandha tkun tikkonsisti f'emendi għat-test li jkun tressaq quddiem il-kumitat flimkien ma', jekk ikun il-każ, ġustifikazzjonijiet qosra. Dawn il-ġustifikazzjonijiet għandhom ikunu r-responsabilità tar-rapporteur għall-opinjoni u m'għandhomx jitressqu għall-vot. Jekk ikun meħtieġ, il-kumitat li jintalab opinjoni jista' jippreżenta ġustifikazzjoni qasira bil-miktub għall-opinjoni sħiħa.

Fil-każ ta' testi mhux leġislattivi, l-opinjoni għandha tkun tikkonsisti f'suġġerimenti li jolqtu partijiet mill-mozzjoni għal riżoluzzjoni ppreżentata mill-kumitat responsabbli.

Il-kumitat responsabbli għandu jivvota fuq dawn l-emendi jew suġġerimenti.

L-opinjonijiet għandhom ikunu biss dwar dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta' responsabilità tal-kumitat li jkun qed jagħti opinjoni.

3.    Il-kumitat responsabbli għandu jistabbilixxi żmien li fih il-kumitat li jintalab jagħti opinjoni għandu jagħti din l-opinjoni, biex din tiġi kkunsidrata mill-kumitat responsabbli. Kwalunkwe tibdil fil-programm imħabbar għandu jkun ikkomunikat minnufih mill-kumitat responsabbli lill-kumitat/i li jintalbu jagħtu opinjoni. Il-kumitat responsabbli m'għandux jasal għall-konklużjonijiet aħħarin tiegħu qabel ma jkun skada dak iż-żmien.

4.    L-opinjonijiet kollha adottati għandhom ikunu annessi mar-rapport tal-kumitat responsabbli.

5.    Il-kumitat responsabbli biss jista' jqiegħed fuq il-Mejda emendi fis-seduta plenarja.

6.    Il-president u r-rapporteur għall-opinjoni tal-kumitat li jintalab jagħti opinjoni għandhom ikunu mistiedna sabiex jieħdu sehem f'kapaċità konsultattiva fil-laqgħat tal-kumitat responsabbli, sa fejn dawn il-laqgħat ikunu dwar il-kwistjoni ta' interess komuni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza