Artikolu
117
: Mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub
1.
Kull Membru jista' jagħmel mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà skont linji gwida stipulati f'anness għal dawn ir-Regoli ta' Proċedura
(1). L-awturi tal-mistoqsijiet għandhom ikunu esklussivament responsabbli mill-kontenut tal-mistoqsijiet.
2.
Il-mistoqsijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub lill-President li għandu jgħaddihom lid-destinatarji. Dubji dwar l-ammissibilità ta' mistoqsija għandha tittieħed deċiżjoni dwarhom mill-President. Id-deċiżjoni tiegħu għandha tkun innotifikata lill-persuna li tagħmel il-mistoqsija.
3.
Jekk mistoqsija ma tkunx tista' titwieġeb fil-ħin stipulat għandha titqiegħed, fuq talba ta' l-interpellant, fl-aġenda tal-laqgħa ta' wara tal-kumitat responsabbli. L-Artikolu 116 għandu japplika mutatis mutandis.
Peress li l-President ta’ kumitat għandu s-setgħa li jsejjaħ laqgħa ta' dak il-kumitat, kif stipulat fl-Artikolu 193(1), huwa għandu wkoll, fl-interess ta' organizzazzjoni tajba tal-proċeduri, jiddeċiedi dwar l-abbozz ta’ aġenda għal-laqgħa li jsejjaħ. Din il-prerogattiva tapplika mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-President skont l-Artikolu 117(3) li jissottometti mistoqsija bil-miktub, fuq talba tal-awtur tagħha, fl-abbozz ta’ aġenda tal-laqgħa li jkun imiss tal-Kumitat. Madankollu, il-President għandu s-setgħa diskrezzjonali li jipproponi, filwaqt li jikkunsidra l-prijoritajiet politiċi, l-ordni tal-ħidma tal-laqgħa u l-modalitjiet tal-proċedura (pereżempju, proċedura mingħajr dibattitu bl-adozzjoni, eventwalment, ta' deċiżjoni dwar is-segwitu, kif ukoll, fejn xieraq, rakkomandazzjoni sabiex il-punt ikompli jiġi diskuss f’laqgħa sussegwenti).
4.
Mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba minnufih iżda ma jeħtiġux riċerka dettaljata (mistoqsijiet ta' prijorità) għandhom jingħataw tweġiba fi żmien tliet ġimgħat minn meta jkunu mibgħuta lid-destinatarji. Kull Membru jista' jqiegħed fuq il-Mejda mistoqsija prijoritarja waħda fix-xahar.
Mistoqsijiet oħra (mistoqsijiet mhux prijoritarji) għandhom jingħataw tweġiba fi żmien sitt ġimgħat minn meta jkunu mibgħuta lill-istituzzjoni konċernata.
Il-Membri għandhom jindikaw x'tip ta' mistoqsija qed iressqu. Id-deċiżjoni aħħarija għandha tittieħed mill-President.
5.
Mistoqsijiet u tweġibiet għandhom jiġu ppubblikati f'
Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.