Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Is-seba' leġislatura - Frar 2013
PDF 1796k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU VIII  : PETIZZJONIJIET

Artikolu 201  : Dritt ta' Petizzjoni

1.    Kull ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea u kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun residenti jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt li jindirizzaw, b'mod individwali jew flimkien ma' ċittadini jew persuni oħrajn, petizzjoni lill-Parlament dwar xi kwistjoni li tkun taqa' fl-oqsma ta' attività ta' l-Unjoni Ewropea u li tkun taffettwahom direttament.

2.    Petizzjonijiet lill-Parlament għandhom juru l-isem, in-nazzjonalità u l-indirizz permamenti ta' kull wieħed minn dawk li jkunu qed jagħmlu l-petizzjoni.

3.    Meta petizzjoni tkun iffirmata minn bosta persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-firmatarji għandhom jaħtru rappreżentant u viċi rappreżentanti li għandhom jitqiesu bħala l-petizzjonanti għall-finijiet ta' dan it-Titolu.

Meta ma tkun saret l-ebda nominazzjoni bħal din, l-ewwel firmatarju jew persuna oħra xierqa għandhom jitqiesu bħala l-petizzjonanti.

4.    Kull petizzjonant jista' fi kwalunkwe żmien jirtira l-appoġġ tiegħu għall-petizzjoni.

Wara l-irtirar tal-appoġġ mill-petizzjonanti kollha l-petizzjoni għandha ssir nulla u bla effett.

5.    Il-petizzjonijiet għandhom ikunu miktuba b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Petizzjonijiet miktuba b'xi lingwa oħra jkunu kkunsidrati biss jekk min jagħmel il-petizzjoni jkun hemeż traduzzjoni f'xi waħda mil-lingwi uffiċjali. Il-korrispondenza tal-Parlament ma' min jagħmel il-petizzjoni għandha tkun bil-lingwa uffiċjali li biha tkun miktuba t-traduzzjoni.

Il-Bureau jista' jiddeċiedi li l-petizzjonijiet u l-korrispondenza mal-petizzjonanti jistgħu jkunu abbozzati b'lingwi oħra li huma użati f' xi Stat Membru.

6.    Petizzjonijiet għandhom jiddaħħlu f'reġistru fl-ordni li fih jiġu rċevuti jekk ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2; dawk li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għandhom jiġu arkivjati, u min għamel il-petizzjoni għandu jingħata r-raġunijiet għal dan.

7.    Petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru għandhom jitressqu mill-President quddiem il-kumitat responsabbli li għandu l-ewwel jistabbilixxi jekk il-petizzjoni tkunx ammissibbli jew le skont l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Jekk il-kumitat responsabbli ma jilħaqx konsensus dwar l-ammissibilità tal-petizzjoni, din għandha tiġi ddikjarata ammissibbli jekk kemm-il darba jkun hemm talba f'das-sens minn mhux anqas minn kwart tal-membri tal-kumitat.

8.    Petizzjonijiet dikjarati inammissibbli mill-kumitat għandhom jiġu arkivjati; il-petizzjonant għandu jkun mgħarraf bid-deċiżjoni u bir-raġunijiet li wasslu għaliha. Meta jkun possibbli, jistgħu jiġu rrakkomandati mezzi ta’ riparazzjoni alternattivi.

9.    Il-petizzjonijiet, ladarba jiddaħħlu fir-reġistru, għandhom bħala regola ġenerali jsiru dokumenti pubbliċi, u l-isem tal-petizzjonant kif ukoll il-kontenut tal-petizzjoni jistgħu jiġu ppubblikati mill-Parlament għal raġunijiet ta' trasparenza.

10.    Minkejja d-dispożizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 9 hawn fuq, il-petizzjonant jista' jitlob li ismu ma jidhirx sabiex tkun imħarsa l-privatezza tiegħu, f'liema każ il-Parlament għandu jilqa' it-talba.

Meta l-ilment tal-petizzjonant ma jkunx jista’ jiġi investigat għal raġunijiet ta’ anonomità, il-petizzjonant għandu jiġi kkonsultat rigward x’passi oħra jridu jkomplu jittieħdu.

11.    Il-petizzjonant jista' jitlob li l-petizzjoni tiegħu (jew tagħha) tiġi ttrattata b'mod kunfidenzjali, f'liema każ għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet xierqa mill-Parlament biex jiġi żgurat illi l-kontenut ma jsirx pubbliku. Il-petizzjonant għandu jiġi mgħarraf taħt liema kundizzjonijiet preċiżi għandha tapplika din id-dispożizzjoni.

12.    Meta l-kumitat iqis li jkun il-każ, dan jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Ombudsman.

13.    Petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li la jkunu ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u lanqas jkunu residenti fi Stat Membru, u lanqas ma jkollhom l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, għandhom ikunu reġistrati u arkivjati separatament. Kull xahar, il-President għandu jibgħat rendikont ta' petizzjonijiet bħal dawn li jkunu waslu matul ix-xahar ta' qabel, liema rendikont għandu jindika s-suġġett ta' dawn il-petizzjonijiet, lill-kumitat responsabbli għall-petizzjonijiet li jista' jitlob li jingħata dawk li jkun jixtieq jeżamina.

Avviż legali - Politika tal-privatezza