Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Is-seba' leġislatura - April 2013
PDF 1798k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU VII  : KUMITATI U DELEGAZZJONIJIET
KAPITOLU 1  : KUMITATI - TWAQQIF U SETGĦAT

Artikolu 185  : Kumitati ta' inkjesta

1.    Il-Parlament jista' fuq talba ta' kwart tal-Membri tiegħu, iwaqqaf kumitat ta' inkjesta biex jinvestiga allegazzjoni ta' ksur tal-liġi tal-Unjoni jew allegazzjoni ta' amministrazzjoni ħazina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li jkunu jidhru li jkunu atti ta' xi istituzzjoni jew organu tal-Komunitajiet Ewropej, ta' xi korp ta' amministrazzjoni pubblika ta' xi Stat Membru, jew ta' persuni li għandhom setgħa mogħtija mil-liġi tal-Unjoni sabiex jimplimentaw dik il-liġi.

Id-deċiżjoni li jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta għandha tkun ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fi żmien xahar. Barra minn hekk, il-Parlament għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex kemm jista' jkun jiċċirkula din id-deċiżjoni.

2.    Il-modus operandi ta' kumitat ta' inkjesta għandu jkun regolat mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli dwar il-kumitati, ħlief jekk ikun stipulat speċifikament mod ieħor f'dan l-Artikolu u fid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-disposizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew li hija annessa ma dawn ir-Regoli (1).

3.    It-talba sabiex jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta għandha tispeċifika b'mod preċiż is-suġġett ta' l-inkjesta u tinkludi stqarrija dettaljata tar-raġunijiet għala qed issir. Il-Parlament, fuq proposta mill-Konferenza ta' Presidenti, għandu jiddeċiedi jekk għandux jitwaqqaf kumitat u, jekk jiddeċiedi li għandu jitwaqqaf kumitat, jiddeċiedi x'għamla għandu jkollu dan il-kumitat, skont l-Artikolu 186.

4.    Kumitat ta' inkjesta għandu jtemm xogħlu bil-preżentazzjoni ta' rapport fi żmien mhux aktar minn tnax-il xahar. Il-Parlament jista' għal darbtejn jestendi dan il-perjodu bi tliet xhur kull darba.

Huma biss membri sħaħ jew, fl-assenza tagħhom, sostituti permanenti li jistgħu jivvutaw f'kumitat ta' inkjesta.

5.    Kumitat ta' inkjesta għandu jeleġġi l-president tiegħu u żewġ viċi presidenti u jaħtar rapporteur wieħed jew iżjed. Il-kumitat jista' wkoll jassenja responsabbiltajiet, dmirijiet u doveri speċifiċi lill-Membri tiegħu li mbagħad ikunu jridu jibdew jagħtu rapporti dettaljati lill-kumitat.

Fl-intervall bejn laqgħa u oħra, il-Bureau tal-kumitat għandu, f'każi ta' urġenza jew ħtieġa, jeżerċita s-setgħat tal-kumitat, azzjoni li tkun suġġetta għal ratifika fil-laqgħa li jkun imiss.

6.    Meta kumitat ta' inkjesta jqis li jkun inkiser xi wieħed mid-drittijiet tiegħu, dan għandu jipproponi li l-President jieħu l-miżuri xierqa.

7.    Kumitat ta' inkjesta jista' jikkuntattja lill-istituzzjonijiet jew lill-persuni msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni stipulata fil-paragrafu 2 bil-għan li jżomm xi seduta ta' smigħ jew li jakkwista xi dokumenti.

L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-akkomodazzjoni ta' membri u ta' uffiċjali ta' istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni għandhom jitħallsu minn dawk l-istituzzjonijiet u organi. Spejjeż ta' l-ivjaġġar u ta' l-akkomodazzjoni ta' persuni oħra li jidhru quddiem kumitat ta' inkjesta għandhom ikunu rimbursati mill-Parlament Ewropew skond ir-regoli dwar is-seduta ta' smigħ ta' esperti.

Kull persuna li tissejjaħ sabiex tixhed quddiem kumitat ta' inkjesta tista' titlob li tgawdi d-drittijiet kollha li tgawdi kieku tixhed quddiem tribunal f'pajjiżha. Hija għandha tkun infurmata dwar dawn id-drittijiet qabel ma tixhed quddiem il-kumitat.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-lingwi użati, kumitat ta' inkjesta għandu japplika d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 146. Madankollu, il-Bureau tal-kumitat:

-    jista' jillimita l-interpretazzjoni għal-lingwi uffiċjali ta' dawk li għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet, jekk iqis li dan huwa meħtieġ għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità,

-    għandu jiddeċiedi dwar it-traduzzjoni ta' dokumenti li jkun irċieva b'mod li jiżgura li l-kumitat ikun jista' jwettaq id-deliberazzjonijiet tiegħu b'mod effiċjenti u malajr u li s-segretezza u l-kunfidenzjalità meħtieġa jkunu rispettati.

8.    Il-president ta' kumitat ta' inkjesta għandu, flimkien mal-Bureau, jiżgura li s-segretezza u l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet ikunu rispettati u għandu jagħti avviż kif imiss lill-membri dwar dan.

Huwa għandu wkoll jirreferi b'mod espliċitu għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq. Għandha tapplika il-Parti A tal-Anness VIII għal dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

9.    Fl-eżami ta' dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali li jkunu ġew mgħoddija lill-kumitat għandhom jintużaw miżuri tekniċi li jiżguraw li jkunu biss il-membri responsabbli mill-każ li jkollhom aċċess personali għalihom. Il-membri konċernati għandhom jintrabtu solennement li ma jippermettux li xi persuna oħra jkollha aċċess għal tagħrif sigriet jew kunfidenzjali, skond dan l-Artikolu, u li jużaw din l-informazzjoni esklussivament għall-għanijiet biex li jippreparaw ir-rapport tagħhom għall-kumitat ta' inkjesta. Il-laqgħat għandhom jinżammu f'postijiet mgħammra b'tali mod li jkun impossibbli għal persuni mhux awtorizzati li jsegwu l-proċeduri.

10.    Wara li jtemm xogħlu, kumitat ta' inkjesta għandu jissottometti lill-Parlament rapport dwar ir-riżultat ta' xogħlu, li jkun fih opinjonijiet tal-minoranza, jekk ikun il-każ, skond il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 52. Ir-rapport għandu jkun ippubblikat.

Fuq talba tal-kumitat ta' inkjesta l-Parlament għandu jagħmel dibattitu dwar ir-rapport fis-sessjoni parzjali li jkun imiss wara li jiġi ppreżentat.

Il-kumitat jista' wkoll jippreżenta lill-Parlament abbozz ta' rakkomandazzjoni indirizzat lil istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni Ewropea jew lill-Istati Membri.

11.    Il-President għandu jagħti struzzjonijiet lill-kumitat responsabbli skond l-Anness VII sabiex jissorvelja l-azzjonijiet li ttieħdu bħala riżultat tax-xogħol tal-kumitat ta' inkjesta u, jekk ikun il-każ, sabiex jirraporta dwar dan. Huwa għandu jieħu kwalunkwe passi oħra li jidhirlu xierqa sabiex jiżgura li l-konklużjonijiet ta' l-inkjesta jitpoġġew fil-prattika.

Hija biss il-proposta mill-Konferenza tal-Presidenti dwar l-għamla ta' kumitat ta' inkjesta (paragrafu 3) li tista' tiġi emendata, skond l-Artikolu 186(2).

Is-suġġett ta' l-inkjesta kif stabbilit minn kwart tal-Membri kollha tal-Parlament (paragrafu 3) u ż-żmien stipulat fil-paragrafu 4 ma jistgħux jiġu emendati.

(1)Ara l-Anness IX.
Avviż legali - Politika tal-privatezza