1.
Membri tal-kumitati u tal-kumitati ta' inkjesta għandhom jiġu eletti wara li n-nominazzjonijiet ikunu ġew ippreżentati mill-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati. Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tippreżenta proposti lill-Parlament. Il-kompżizzjoni tal-kumitati għandha tirrifletti, sa fejn ikun possibbli, il-kompożizzjoni tal-Parlament.
Meta Membru jbiddel il-grupp politiku tiegħu huwa għandu jżomm, għall-bqija tal-mandat tiegħu ta' sentejn u nofs, is-siġġijiet li jkollu f'kumitati parlamentari. Madankollu, jekk il-bdil tal-grupp politiku ta' xi Membru ikollu l-effett li jtellef il-bilanċ ta' rappreżentanza ġusta ta' fehmiet politiċi f'xi kumitat, għandhom isiru proposti ġodda għall-kompożizzjoni ta' dak il-kumitat mill-Konferenza tal-Presidenti skond il-proċedura mniżżla fil-paragrafu 1, it-tieni sentenza, liema proposti għandhom jiggarantixxu d-drittijiet individwali tal-Membru kkonċernat.
Il-proporzjonalità tat-tqassim tas-siġġijiet tal-kumitati fost il-gruppi politiċi m'għandhiex titbiegħed mill-eqreb numru sħiħ xieraq. Jekk xi grupp jiddeċiedi li ma jkollux rappreżentanti f'xi kumitat, dawn is-siġġijiet għandhom jibqgħu battala u l-kumitat jonqos fid-daqs bin-numru korrispondenti. Mhuwiex permess l-iskambju ta' siġġijiet bejn il-gruppi politiċi.
2.
Emendi għall-proposti tal-Konferenza tal-Presidenti jkunu ammissibbli biss jekk jitqiegħdu fuq il-Mejda minn mhux inqas minn erbgħin Membru. Il-Parlament għandu jivvota fuq dawn l-emendi b'vot sigriet.
3.
Membri għandhom jitqiesu li ġew eletti fuq il-bażi tal-proposti mill-Konferenza tal-Presidenti, kif eventwalment emendati skond paragrafu 2.
4.
Meta grupp politiku jonqos milli jippreżenta nominazzjonijiet għal membri f'kumitat ta' inkjesta skond il-paragrafu 1 fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Konferenza tal-Presidenti, il-Konferenza tal-Presidenti għandha tippreżenta lill-Parlament biss in-nominazzjonijiet ippreżentati lilha f'dak il-limitu ta' żmien.
5.
Il-Konferenza tal-Presidenti tista' tiddeċiedi proviżorjament li timla postijiet vakanti f'xi kumitat bi qbil mal-persuni li għandhom jinħatru u bla ħsara għall-paragrafu 1.
6.
Kwalunkwe tibdil bħal dan għandu jitressaq quddiem il-Parlament għar-ratifika fis-seduta li jkun imiss.